Kollaborazzjoni interreliġjuża hija essenzjali għall-bini tal-paċi

Print Friendly, PDF & Email

Il-messaġġ għal Deepavali mill-Vatikan: Kollaborazzjoni interreliġjuża hija essenzjali għall-bini tal-paċi

Id-Dikasteru għad-Djalogu Interreliġjuż tal-Vatikan ħareġ messaġġ qabel il-festa Ħindu ta’ Deepavali (jew Diwali), li din is-sena se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru. L-ittra testendi “awguri għall-festi” lill-Ħindu kollha, u tħeġġeġ lill-Insara u lill-Ħindu biex jaħdmu flimkien għall-bini tal-paċi.

Il-festa ta’ Deepavali, li fis-Sankrit tfisser “filliera ta’ lampi taż-żejt”, tiċċelebra r-rebħa tal-verità fuq il-falsità, d-dawl fuq id-dlam, u t-tajjeb fuq il-ħażen. Hija waħda mill-aktar ġranet importanti tal-festa Ħindu, li tiġi ċċelebrata b’lampi, logħob tan-nar, talb u ikliet kbar tal-familja.

Il-messaġġ tal-Vatikan, iffirmat mill-Kardinal Miguel Angel Ayuso Guixot u Mons. Indunil Janakaratne Kodithuwakku Kankanamalage, rispettivamet Prefett u Segretarju tad-Dikasteru għad-Djalogu Interreliġjuż, jibgħat “tislijiet tal-festi u l-isbaħ xewqat” lill-Ħindu Kollha. “Jalla Alla, Dawl suprem, idawwal qalbkom u moħħkom, ibierek lil djarkom u l-inħawi, u jimla l-ħajjitkom bil-paċi u l-hena!” jaqra l-messaġġ.

L-ittra mbagħad titkellem fuq it-tema tal-bini tal-paċi, filwaqt li tinnota li din is-sena jaħbat is-60 anniversarju ta’ ‘Pacem in Terris’ (Paċi fid-Dinja), t-talba ta’ San Ġwanni XXIII, li hija “f’waqtha, appassjonata u tant meħtieġa lil-mexxejja tad-dinja u lin-nies biex jaħdmu flimkien għall-paċi”. Pacem in Terris, jinnota l-messaġġ, inkitbet fi żminijiet “ta’ nkwiet kbir”, meta d-dinja dehret li kienet f’xifer ta’ gwerra nukleari.

Sfortunatament, ikompli l-messaġġ, dawn iż-żminijiet m’humiex daqshekk imbiegħda minn tagħna: anke llum, naraw bosta każijiet ta’ “disprezz għad-dinjità umana”, “ċaħda tad-drittijiet u liberatajiet fundamentali”, u “vjolenza u aggressjoni diretta lejn dawk li huma etnikament, …. lingwistikament u reliġjon diversi”. “It-twettiq sħiħ tal-profezija tal-paċi [Ġwanni XXIII]”, għalhekk, “tibqa ħolma remota.”

Kif nistgħu nimxu biex din il-ħolma ssir realtà? L-ittra tal-Vatikan tenfasizza “l-potenzjal kbir” li għandu d-djalogu interreliġjuż għall-bini tal-paċi. Tikkwota s-suġġeriment tal-Papa Franġisku li l-kollaborazzjoni bejn ir-reliġjonijiet “saret tabilħaqq kundizzjoni meħtieġa” għall-paċi dinjija.

“Aħna li nemmnu”, tħeġġeġ l-ittra, minħabba “l-konvinzjonijiet komuni tagħna u s-sens ta’ responsabbiltà kondiviża għall-benesseri tal-umanità, jalla aħna, l-Insara u l-Ħindu, nistinkaw sinċerament biex insiru artiġjana tal-paċi”. “Ningħaqdu ma’ segwaċi ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra”, tikkonkludi l-ittra, “jalla naħdmu flimkien biex nibnu d-dinja tagħna fuq il-pedamenti dejjiema tal-verità, tal-ġustizzja, l-imħabba u l-libertà, sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi paċi ġenwina u dejjiema!”        

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-11/vatican-deepavali-message-christian-hindu-peacebuilding.html

%d