XVI ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA
TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
L-Ewwel Sessjoni
(4-29 ta’ Ottubru, 2023)
Rapport Sommarju
KNISJA SINODALI F’MISSJONI
Aktar fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet …

INTRODUZZJONI
Għeżież ħuti,
“aħna lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12,13). Hija l-esperjenza mimlija ferħ u gratitudni li kellna f’din l-Ewwel Sessjoni tal-Assemblea Sinodali, li saret bejn l-4 u d-29 ta’ Ottubru, 2023 bit-tema “Għal Knisja Sinodali. Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”. Bil-grazzja tal-Magħmudija li tgħaqqadna, għexna flimkien b’qalb waħda u spirtu wieħed, minkejja l-ħafna postijiet, ilsna u kulturi differenti. Qiesna kor, flimkien fittixna li nkantaw f’armonija ta’ ilħna differenti, fl-għaqda u fl-ispirtu. L-Ispirtu s-Santu tana li nġarrbu l-armonija li Hu biss jaf jiġġenera: din hi don u xhieda f’dinja mċarrta u maqsuma biċċiet.
L-Assemblea kienet qed issir fi żmien li d-dinja għaddejja minn dagħdiegħa ta’ gwerer antiki u ġodda, b’konsegwenza tad-dramm assurd ta’ għadd bla qies ta’ vittmi. L-għajta tal-foqra, ta’ min ikollu jemigra, ta’ min qed iġarrab il-vjolenza u qed ibati minħabba l-konsegwenzi qerrieda tat-tibdil fil-klima, dwiet fostna, mhux biss permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, imma wkoll bil-leħen ta’ ħafna li flimkien mal-familji tagħhom u l-popli tagħhom huma milqutin personalment minn dawn il-ġrajjiet traġiċi. F’kull waqt, dawn kienu fi qlubna u fit-talb tagħna jistaqsuna kif il-Knejjes tagħna jistgħu jiffaċilitaw mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ tama, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.
Il-laqgħa tagħna saret f’Ruma, madwar is-Suċċessur ta’ Pietru, li kkonfermana fil-fidi tagħna u xprunana biex fil-missjoni tagħna nkunu kuraġġużi. Kienet grazzja li bdejna l-mixja ta’ dal-ġranet b’velja ekumenika, li fiha, flimkien mal-Papa rajna jitolbu wkoll fuq il-qabar ta’ San Pietru, il-mexxejja u r-rappreżentanti ta’ konfessjonijiet insara oħra: l-għaqda tiffermenta fis-skiet fi ħdan il-Knisja Mqaddsa t’Alla; narawh b’għajnejna u mimlijin ferħ nagħtu xhieda tiegħu. “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien” (Salm 133,1).
Skont ix-xewqa tal-Qdusija Tiegħu, l-Assemblea ġabret flimkien u madwar l-Isqfijiet, membri oħra tal-poplu t’Alla. L-Isqfijiet, magħqudin flimkien u mal-Isqof ta’ Ruma, urew il-Knisja bħala komunjoni ta’ Knejjes. Lajċi nisa u rġiel, irġiel u nisa konsagrati, djakni u presbiteri, flimkien mal-Isqfijiet kienu xhieda ta’ proċess li għandu l-għan li jinvolvi lill-Knisja kollha u lil kulħadd fil-Knisja. Huma ftakru li l-Assemblea mhix ġrajja iżolata, iżda parti integranti u passaġġ neċessarju tal-proċess sinodali. Fl-għadd kbir ta’ interventi u fil-pluralità tal-pożizzjonijiet dwiet l-esperjenza ta’ Knisja li qed titgħallem l-istil tas-sinodalità u qed tfittex il-forom l-aktar siewja biex tqegħeda fis-seħħ.
Dil-mixja li wasslitna għal dis-Sessjoni konna ilna li bdejnieha aktar minn sentejn ilu. Wara l-ftuħ tal-proċess sinodali li seħħ nhar id-9 ta’ Ottubru, 2021, il-Knejjes kollha, kulħadd bil-pass tiegħu, impenjaw ruħhom fi proċess ta’ smigħ li għadda minn fażijiet djoċesani, nazzjonali u kontinentali, li r-riżultati tagħhom inġabru fid-dokumenti rispettivi. B’din is-Sessjoni infeħet il-fażi li fiha l-Knisja kollha kemm hi qed taqta’ l-frott ta’ dil-konsultazzjoni biex bit-talb u d-djalogu tiddixxerni t-toroq li l-Ispirtu qed jitlobna nterrqu. Din il-fażi se tibqa’ sejra sax-xahar ta’ Ottubru 2024, meta t-tieni Sessjoni tal-Assemblea twassal għal tmiemu x-xogħol kollu tagħha, u toffrih lill-Qdusija Tiegħu.
Il-mixja kollha, b’għeruqha fit-Tradizzjoni tal-Knisja, qed issir fid-dawl tal-maġisteru konċiljari. Infatti, il-Konċilju Vatikan II kien qiesu żerriegħa mħawla fl-għalqa tad-dinja u tal-Knisja. Il-ħajja ta’ kuljum ta’ min jemmen, l-esperjenza tal-Knejjes f’kull poplu u kultura, l-għadd ta’ xhieda ta’ qdusija, ir-riflessjoni tat-teoloġi, kienu l-art li fiha l-Konċilju nibet u kiber. Is-Sinodu 2021-2024 qed ikompli jixrob mill-enerġija ta’ dik iż-żerriegħa u qed ikompli jiżviluppa l-potenzjalitajiet tagħha. Infatti, il-mixja sinodali qed tpoġġi fis-sseħħ dak li l-Konċilju għallem dwar il-Knisja bħala Misteru u Poplu t’Alla msejħin għall-qdusija. Is-Sinodu qed jivvalorizza l-kontribut tal-imgħammdin kollha, fil-varjetà tal-vokazzjonijiet tagħhom, biex l-Evanġelju jkun mifhum aħjar u mqiegħed fil-prattika. F’das-sens huwa verament att li qed ikompli jilqa’ l-Konċilju u jtawwal l-ispirazzjoni tiegħu biex fid-dinja tal-lum titkebbes mill-ġdid il-qawwa profetika.
Wara xahar ħidma, issa l-Mulej qed isejħilna biex nerġgħu lura lejn il-Knejjes tagħna biex lilkom ilkoll inwasslulkom il-frott ta’ ħidmietna u sabiex flimkien inkomplu l-mixja. Hawnhekk f’Ruma konna biss rappreżentanza, iżda s-sens tal-mixja sinodali mnedija mill-Qdusija Tiegħu hi li jinvolvi lill-imgħammdin kollha. Nixtiequ bl-akbar ħerqa li dan iseħħ u hemm bżonn nimpenjaw ruħna biex jitwettaq. F’dir-Relazzjoni tas-Sintesi ġbarna l-elementi ewlenin li tnisslu mid-djalogu bit-talb u d-diskussjoni karatteristiċi ta’ dawn il-ġranet. Ir-rakkonti personali tagħna se jgħanu dis-sintesi bl-ispirtu tal-esperjenza li għexna li ebda paġna ma tista’ tfissrilna. Hekk inkunu nistgħu nagħtukom xhieda kemm kienu għonja l-mumenti ta’ silenzju u ta’ smigħ, tax-sharing u tat-talb. Se naqsmu magħkom ukoll il-fatt li mhix ħafifa toqgħod tisma’ ideat differenti minn tiegħek bla ma taqa’ minnufih fit-tentazzjoni li tirribatti; toffri l-kontribut tiegħek bħala rigal lill-oħrajn u mhux bħala ċertezza assoluta. Il-grazzja tal-Mulej però, mexxietna biex dan inwettquh minkejja l-limitazzjonijiet tagħna, u għalina din kienet esperjenza awtentika ta’ sinodalità. Aħna u nħaddmuha fhimniha aħjar u fihmna wkoll il-valur tagħha.
Infatti fhimna li l-mixja flimkien bħala mgħammdin, bid-diversità tal-kariżmi, tal-vokazzjonijiet, tal-ministeri, hija importanti mhux għall-komunitajiet tagħna biss imma għad-dinja wkoll. Il-fraternità evanġelika infatti, tixbaħ id-dawl li m’għandu qatt jitqiegħed taħt il-modd imma fuq l-imnara biex idawwal id-dar kollha (cfr Mt 5,15). Id-dinja llum għandha bżonn dix-xhieda daqs qatt qabel. Bħala dixxipli ta’ Ġesù ma nistgħux naħarbu mid-dmir li nuru u nittrasmettu l-imħabba u l-ħlewwa t’Alla lid-dinja miġrugħa.
Ix-xogħol ta’ dis-Sessjoni mexa fuq il-linji offruti mill-Instrumentum Laboris, li kien qed jistedinna nirriflettu dwar is-sinjali karatteristiċi ta’ Knisja sinodali u dwar id-dinamika tal-komunjoni, tal-missjoni u l-parteċipazzjoni li jgħammru fiha. Id-diskussjonijiet dwar il-mistoqsijiet li kellna, ikkonfermaw il-preġju tal-impjant ġenerali ta’ dawk il-linji. Stajna nidħlu fil-mertu tal-kwistjonijiet, nidentifikaw it-temi li kien hemm bżonn nidħlu aktar fil-fond tagħhom, irressqu l-ewwel sensiela ta’ proposti. Fid-dawl tal-passi ‘l quddiem li għamilna, ir-Relazzjoni tas-Sintesi la ttenni u lanqas tafferma l-kontenut tal-Instrumentum Laboris, imma tipproponi mill-ġdid dawk li jidher li huma prijoritarji. Bl-ebda mod dan mhu dokument finali, iżda biss stument għas-servizz tad-dixxerniment li għad irid ikompli.
L-istruttura tat-test maqsuma fi tlett taqsimiet. L-ewwel waħda tagħti ħarsa fuq fuq dwar “Il-wiċċ tal-Knisja sinodali”, billi tippreżenta l-prinċipji teoloġiċi li jdawwlu u jsawwru s-sinodalità. Hawnhekk l-istil tas-sinodalità jidher bħala mod ta’ aġir u azzjoni fil-fidi li titnissel mill-kontemplazzjoni tat-Trinità u tivvalorizza l-għaqda u l-varjetà bħala rikkezza ekkleżjali. It-tieni taqsima, bit-titlu “Ilkoll dixxipli, ilkoll missjunarji” hi dwar kulmin hu involut fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja u r-relazzjoni ta’ bejniethom. F’dil-parti, is-sinodalità hi ppreżentata prinċipalment bħala mixja flimkien tal-Poplu t’Alla u bħala djalogu għammiel ta’ kariżmi u ministeri bħala servizz lejn il-miġja tas-Saltna. It-tielet taqsima għandha t-titlu “Ninsġu rabtiet, nibnu l-komunitajiet”. Hawnhekk is-sinodalità tidher prinċipalment bħala ġabra ta’ proċessi u xibka ta’ organi li jippermettu skambju bejn il-Knejjes u djalogu mad-dinja.
F’kull waħda mit-tliet taqsimiet, kull kapitlu jiġbor fih fejn kien hemm il-qbil, it-temi li hemm bżonn akgar studju dwarhom u l-proposti li ħarġu minn dad-djalogu. Il-konverġenzi jidentifikaw il-punti fermi li r-riflessjoni tista’ tikkunsidra: qieshom mappa li tgħinna norjentaw ruħna fil-mixja biex ma nitilfux it-triq. It-temi li għad irridu niddiskutu jiġbru fihom punti li għarafna li dwarhom hemm bżonn nidħlu aktar fil-fond tal-aspett teoloġiku, pastorali, kanoniku: qieshom salib it-toroq li hemm bżonn nieqfu fihom biex nifhmu aħjar liema direzzjoni se nieħdu. Il-proposti, iżda, jindikaw toroq li possibbli nimxu fihom: xi wħud huma biss suġġerimenti, oħrajn rakkomandati, oħrajn għadhom talba b’aktar forza u determinazzjoni.
Fix-xhur li ġejjin il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali, se jkunu pont bejn il-Knejjes lokali u s-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu u se jkollhom rwol importanti biex tiżviluppa r-rifessjoni. Ibda mill-konverġenzi milħuqa huma msejħin biex jikkonċentraw fuq il-kwistjonijiet l-aktar rilevanti u l-aktar urġenti biex ikunu ta’ fejda għall-approfondiment teoloġiku u pastorali u jindikaw l-implikazzjonijiet kanoniċi.
F’qalbna nġorru x-xewqa, msejsa fuq it-tama, li l-klima ta’ smigħ reċiproku u d-djalogu sinċier li ġarrabna fil-ġranet tal-ħidma f’Ruma jinfirex bħal dawl fil-komunitajiet tagħna u fid-dinja kollha, bħala servizz għat-tkabbir taż-żerriegħa t-tajba tas-Saltna t’Alla.
L-EWWEL TAQSIMA – IL-WIĊĊ TAL-KNISJA SINODALI
1. Is-sinodalità: esperjenza u komprensjoni
Konverġenzi
- Ilqajna l-istedina biex b’għarfien ġdid insiru nafu aħjar id-dimensjoni sinodali tal-Knisja. It-Testment il-Ġdid u l-Knisja tal-bidu jikkonfermaw dawn l-esperjenzi. Maż-żmien dawn kisbu għamliet storiċi partikolari fid-diversi Knejjes u tradizzjonijiet insara. Il-Konċilju Vatikan II, “aġġornahom” u l-Papa Franġisku iħeġġeġ il-Knisja biex terġa’ ġġeddidhom. Is-Sinodu 2021-2024 ukoll, hu parti minn dal-proċess. Permezz tiegħu, il-Poplu Mqaddes t’Alla skopra li l-mod sinodali tat-talb, is-smigħ u l-kelma mħawlin fil-Kelma t’Alla b’nisġa ta’ mumenti ta’ laqgħa ferħana, u xi kultant anki fl-għejja, iwassal għal għarfien aħjar li aħna lkoll aħwa fi Kristu. Frott li m’għandux prezz hu t-tisħiħ li nagħrfu l-identità tagħna bħala Poplu fidil t’Alla, li fi ħdanu kull wieħed u waħda minna għandu dinjità mnissla mill-Magħmudija bis-sejħa tal-korresponsabbiltà fil-missjoni komuni tal-evanġelizzazzjoni.
- Dal-proċess ġedded l-esperjenza tagħna u x-xewqitna għal Knisja li tkun verament dar u familja ta’ Alla. Hu propju ma’ din l-esperjenza u dix-xewqa ta’ Knisja aktar qrib il-persuna, inqas burokratika u aktar razzjonali li hemm marbutin it-termini “sinodalità” u “sinodali”, billi toffri l-ewwel tifsira biex tfiehem li hemm bżonn ta’ preċizazzjoni aħjar. Hija l-Knisja li ż-żgħażagħ kienu ddikjaraw li jixtiequ fl-2018, fl-okkażjoni tas-Sinodu dedikat lilhom.
- Il-mod stess li bih żviluppat din l-Assemblea, ibda mid-dispożizzjoni tal-persuni bilqiegħda fi gruppi żgħar madwar imwejjed tondi fl-Awla Pawlu VI, jaqbel max-xbiha biblika tal-festa tat-tieġ (Ap 19,9), hu emblematiku ta’ Knisja sinodali u xbieha tal-Ewkaristia, għajn u quċċata tas-sinodalità bil-Kelma t’Alla fiċ-ċentru tagħha. Ġewwa fiha, kulturi, lingwi, riti, modi ta’ ħsieb u realtajiet diversi jistgħu jinġabru flimkien u jagħmlu l-frott bi tfittxija sinċiera u bit-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu.
- Fostna kien hemm ħutna nisa u rġiel minn popli vittmi tal-gwerer, tal-martirju, tal-persekuzzjoni u l-ġuħ. Is-sitwazzjoni ta’ dawn il-popli, li spiss kien ikun impossibbli għalihom jieħdu sehem fil-proċess sinodali, kienet preżenti fid-diskussjonijiet tagħna u fit-talb tagħna, u mantniet
- is-sens ta’ komunjoni magħhom u determinazzjoni tagħna li nkunu operaturi tal-paċi.
- L-Assemblea tkellmet spiss dwar it-tama, il-fejqan, ir-rikonċiljazzjoni u t-tiġdid tal-fiduċja bejn il-bosta doni li l-Ispirtu sawwab fil-Knisja tul dal-proċess sinodali. Il-ftuħ għas-smigħ u l-akkumpanjament ta’ kulħadd, inkluż dawk li sfaw abbużati u miġrugħin fil-Knisja, ħarġet għad-dawl għal ħafna minna, li għal żmien twil dawn in-nies ħassewhom inviżibbli. Għad fadlilna triq twila x’nimxu lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja li juru li jeħtieġ naffrontaw il-kundizzjonijiet strutturali li ppermettew dawn l-abbużi jsiru u biex nagħmlu ġesti konkreti ta’ penitenza.
- Aħna konxji li s-sinodalità” hi terminu li bosta membri tal-Poplu t’Alla għad ma jafuhx, u li f’xi wħud iqanqal konfużjoni u preokkupazzjoni. Fost il-biżgħat hemm li jinbidel it-tagħlim tal-Knisja, ibegħedna mill-fidi appostolika ta’ missirijietna u jittradixxu l-istennija ta’ dawk li llum ukoll għandhom il-ġuħ u l-għatx għal Alla. Madankollu aħna konvinti li s-sinodalità hi espressjoni tad-dinamiżmu tat-Tradizzjoni ħajja.
- Bla ma jnaqqas il-valur tad-demokrazija rappreżentattiva, il-Papa Franġsiku jwieġeb għat-tħassib ta’ xi wħud li s-Sinodu jista’ jsir organu ta’ deliberazzjoni ta’ maġġoranza, nieqes mill-karattru ekkleżjali u spiritwali, u b’hekk iqiegħed f’riskju n-natura ġerarkika tal-Knisja. Uħud jibżgħu li jkunu mġagħlin jinbidlu; oħrajn jibżgħu li xejn mhu se jinbidel u li se jkun nieqes il-kuraġġ biex nimxu bir-ritmu tat-Tradizzjoni ħajja. Xi dubji u oppożizzjoni jinbtu wkoll mill-biża’ li tintilef is-setgħa u l-privileġġi li ġġib magħha. F’kull każ, fil-kuntesti kulturali kollha, it-termini “sinodali” u “sinodalità” jindikaw imġieba ta’ Knisja li tesprimi komunjoni, missjoni u parteċipazzjoni. Eżempju ta’ dan hi l-Konferenza Ekkleżjali tal-Amażonja (CEAMA) frott tal-proċess sinodali missjunarju dwar dak ir-reġjun.
- Is-sinodalità nistgħu nifhmuha bħala mixja tal-insara flimkien ma’ Kristu lejn is-Saltna, magħqudin mal-umanità kollha; l-orjentament tagħha lejn il-missjoni jitlob minnha laqgħa f’assemblea f’diversi livelli tal-ħajja ekkleżjali, is-smigħ reċiproku, id-djalogu, id-dixxerniment komuntarju, il-ħolqien tal-kunses bħala espressjoni tal-fatt li hi preżenti fi Kristu ħaj fl-Ispirtu; li titgħabba bid-deċiżjoni tar-responsabbiltà differenzjata.
- Permezz tal-esperjenza tal-laqgħa aħna kbirna flimkien f’dan l-għarfien. Fi ftit kliem, sa mill-ewwel ġranet, l-Assemblea tfasslet minn żewġ konvinzjonijiet: l-ewwel waħda hi li l-esperjenza li qsamna bejnietna tul dawn is-snin hi awtentikament kristjana u għandha tintlaqa’ fir-rikkezza u l-profondità kollha tagħha; it-tieni hi li t-termini “sinodali” u “sinodalità” jeħtieġ ikunu ċċarati b’reqqa akbar fit-tifsira tagħhom fid-dawl tad-diversi kulturi. Kien hemm qbil sostanzjali dwar il-fatt li, bl-ispjegazzjonijiet meħtieġa, il-perspettiva sinodali tirrappreżenta l-ġejjieni tal-Knisja.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Mir-riflessjoni s’issa, jidher li hemm bżonn li t-tifsira tas-sinodalità fuq diversi livelli tkun iċċarata, ibda mill-użu pastorali sa dak teoloġiku u kanoniku, biex nevitaw ir-riskju li tinħass wisq vaga u ġenerika, jew inkella li tidher qiesha xi moda li tgħaddi. Bl-istess mod, tinħass il-ħtieġa li tkun iċċarata r-relazzjoni bejn is-sinodalità u l-komunjoni, kif ukoll bejn is-sinodalità u l-kolleġġjalità.
- Intweriet ix-xewqa li jkunu valorizzati d-differenzi fil-prattika u dwar kif tkun mifhuma s-sinodalità skont it-tradizzjoni tal-Orjent nisrani u t-tradizzjoni latina anki matul is-Sinodu ta’ bħalissa, proċess li għandu jiffaċilita l-laqgħa ta’ bejniethom.
- B’mod partikolari hemm bżonn ikunu aktar viżibbli l-espressjonijiet tal-ħajja sinodali f’kuntesti kulturali li fihom il-persuni huma mdorrijin jimxu flimkien bħala komunità u fejn l-individwaliżmu għadu ma qabadx art. Fuq dal-mudell wieħed jista’ jafferma li l-prattika sinodal hi parti mit-tweġiba profetika li l-Knisja tagħti lill-individwaliżmu li jdur biss madwaru nnifsu, lill-populiżmu li jifred u lill-globalizzazzjoni li ġġib lil kulħadd l-istess, omoġenju. Mhux se ssolvi dawn il-problemi imma tipproponi mod alternattiv ta’ ħajja u mġieba mimlijin tama li jintegraw il-pluralità tal-perspettivi, li għandu jkun esplorat u joħroġ għad-dawl ferm aktar.
Proposti
- L-għana u l-profondità tal-esperjenza mgħejxa juru li hi prijorità li l-għadd tan-nies involuti fil-mixjiet sinodali jiżdied, billi jingħelbu l-ostakoli għas-sehem li dejjem tfaċċaw s’issa, kif ukoll is-sens ta’ sfiduċja u l-biżgħat li għandhom xi wħud.
- Hemm bżonn li jkunu żviluppati metodi biex id-djakni, il-presbiteri u l-Isqfijiet ikollhom sehem aktar attiv fil-proċess sinodali tas-sena li ġejja. Knisja sinodali ma tistax tgħaddi mingħajr ma tisma’ leħinhom, l-esperjenzi tagħhom u l-kontribut tagħhom. Hemm bżonn nifhmu r-raġunijiet għala hemm ir-reżistenza għas-sinodalità min-naħa ta’ xi wħud minnhom.
- Fl-aħħar dehret b’forza l-ħtieġa li l-kultura sinodali ssir aktar inter-ġenerazzjonali, bi spazji fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitkellmu b’aktar libertà mal-familji tagħhom, ma min hu tamparhom u mar-ragħajja tagħhom, permezz tal-mezzi diġitali wkoll.
- Hemm suġġeriment biex is-sede adatta tippromwovi l-ħidma ta’ approfondiment tat-terminoloġija u konċettwali dwar kif tinftiehem u titqiegħed fil-prattika s-sinodalità, qabel tibda t-tieni Sessjoni tal-Assemblea, bil-benefiċċju tal-patrimonju għani ta’ studji, tad-dokumenti tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali dwar Is-Sinodalità fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja (2018) u Is-sensus fidei fil-ħajja tal-Knisja (2014).
- Daqstant ieħor hemm bżonn ikunu ċċarati l-implikazzjonijiet kanoniċi dwar il-perspettiva tas-sinodalità. Rigward dan hemm proposta biex titwaqqaf kummissjoni interkontinentali ta’ teoloġi u kanonisti apposta qabel it-tieni Sessjoni tal-Assemblea.
- Jidher li wasal iż-żmien biex issir reviżjoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku u tal-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali. Għelhekk hemm bżonn jinbeda l-istudju preliminari.
2. Miġburin u mibgħutin mit-Trinità
Konverġenzi
- Kif ifakkar il-Konċilju Vatikan II, il-Knisja hi “Poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (LG, 4). Permezz tal-miġja ta’ Ibnu u bid-don tal-Ispirtu, il-Missier qed idaħħalna fid-dinamiżmu u fil-missjoni li mill-“jiena” imexxuna lejn l-“aħna” li tqegħedna għas-servizz tad-dinja. Is-sinodalità ssarraf f’atteġġjamenti spiritwali u fi proċessi ekkleżjali d-dinamika trinitarja li biha Alla jiġi jiltaqa’ mal-umanità. Biex dan iseħħ hemm bżonn li l-imgħammdin kollha jimpenjaw ruħhom biex iħarrġu b’reċiproċità l-vokazzjoni propja tagħhom, il-kariżma tagħhom, il-ministeru tagħhom. Hekk biss il-Knisja tkun tista’ verament issir “konversazzjoni” kemm fi ħdanha kif ukoll mad-dinja” (cfr Ecclesiam suam, 67) u timxi spalla ma’ spalla ma’ kull bniedem bl-istil ta’ Ġesù.
- Sa mill-bidunett il-mixja sinodali tal-Knisja dejjem kienet orjentata lejn is-Saltna, li għad tilħaq il-milja tagħha meta Alla jkun kollox f’kulħadd. Ix-xhieda tal-fraternità ekkleżjali u d-dedikazzjoni missjunarja għas-servizz ta’ min hu tal-aħħar qatt mhuma se jilħqu l-quċċata tal-Misteru għalkemm huma sinjal u strument. Il-Knisja ma tirriflettix fuq il-bixra tagħha biex titqiegħed fiċ-ċentru tal-aħbar, iżda biex mill-aħjar li tista’, minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, tkun ta’ servizz għall-miġja tas-Saltna.
- It-tiġdid tal-komunità nisranija hu possibbli biss jekk nagħrfu l-primat tal-grazzja. Jekk il-profondità spiritwali nieqsa, is-sinodalità tibqa’ biss tiġdid tal-qoxra. Aħna msejħin però, mhux biss biex il-proċessi komunitarji nittraduċuhom f’esperjenzi spiritwali li mmaturaw ximkien ieħor, imma biex bi profonditá akbar inġarrbu kif ir-relazzjonijiet fraterni jkunu ambjent u għamla ta’ laqgħa awtentika ma’ Alla. F’das-sens, il-perspettiva sinodali, filwaqt li tixrob mill-għana tal-patrimonju spiritwali tat-Tradizzjoni, tikkontribwixxi biex jiġġeddu l-forom: talba miftuħa għall-parteċipazzjoni, dixxerniment li ngħixu flimkien, enerġija missjunarja li tinbet mill-kondiviżjoni u li r-raġġi tagħha jinfirxu bħala servizz.
- Il-konversazzjoni fl-Ispirtu hi strument li minkejja l-limiti tagħha, hi għammiela għax tippermetti smigħ awentiku u tiddixxerni dak li l-Ispirtu jrid jgħid lill-Knejjes. It-tħaddim tagħha qanqal ferħ, stgħaġib u gratitudni u ingħex bħala triq ta’ tiġdid li jittrasforma lill-individwi, lill-gruppi, lill-Knisja. Il-kelma “konversazzjoni” tesprimi xi ħaġa aktar minn sempliċi djalogu: tinseġ b’mod armoniku l-ħsieb u s-sentiment u tiġġenera dinja vitali kondiviża. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-konversazzjoni tħaddan fiha wkoll il-konverżjoni. Dan hu punt antropoliġiku li jinsab f’popli u kulturi diversi, magħqudin flimkien fil-prattika ta’ laqgħa solidali biex jiddiskutu u jiddeċiedu kwistjonijiet vitali għall-komunità.
- Peress li s-sinodalità timmira lejn il-missjoni, hemm bżonn li l-komunitajiet insara jaqsmu l-fraternità ma’ rġiel u nisa ta’ reliġjonijiet oħra, konvinzjonijiet u kulturi, u min-naħa jevitaw ir-riskju tal-awtoreferenzjalità u l-awto-konservazzjoni u mill-oħra dik tat-telf tal-identità. Il-loġika tad-djalogu, li nitgħallmu minn xulxin u tal-mixja flimkien għandha tkun il-karatteristika tal-aħbar evanġelika u tas-servizz tal-foqra, il-ħarsien tad-dar komuni u r-riċerka teoloġika, biex issir l-istil pastorali tal-Knisja.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Sabiex nisimgħu xinhi r-rieda tal-Missier kif imiss, jidher li hemm bżonn li mill-aspett teoloġiku nidħlu aktar fil-fond tal-kriterji tad-dixxerniment ekkleżjali, b’tali mod li r-riferiment għal-libertà u n-novità tal-Ispirtu jkunu kordinati kif jixraq mal-ġrajja ta’ Ġesù Kristu li seħħet “darba għal dejjem” (Lhud 10,10). Qabelxejn dan jirrikjedi li r-relazzjoni bejn is-smigħ tal-Kelma t’Alla stabbilita mill-Iskrittura, l-akkoljenza tat-Tradizzjoni u tal-maġisteru tal-Knisja u l-qari profetiku tas-sinjali taż-żmien ikunu aktar speċifiċi.
- Għal dan il-għan hu fundamentali li nippromwovu viżjoni antropoliġika u spiritwali bil-ħila li jintegraw u mhux jipparagunaw id-dimensjoni intellettwali mal-emottività tal-esperjenza tal-fidi, ħalli titneħħa kull għamla ta’ riduzzjoniżmu u kull duwaliżmu bejn ir-raġuni u s-sentiment.
- Importanti jkun ċar b’liema mod il-konversazzjoni fl-Ispirtu tista’ tintegra l-kontribut tal-ħsieb teoloġiku u tax-xjenzi umani u soċjali, ukoll fid-dawl ta’ mudelli oħra ta’ dixxerniment ekkleżjali li jimxi fuq il-mudell “ara, iġġudika, aġixxi” jew li jartikolaw it-traġitt tal-“għaraf, iġġudika, għażel”.
- Għandu jsir svilupp fil-kontribut li l-lectio divina u d-diversi tradizzjonijiet spiritwali, antiki jew riċenti, jistgħu joffru lill-prattika tad-dixxerniment. Infatti jixraq li tkun valorizzata l-prijorità tal-forom u l-istili, tal-metodi u l-kriterji li l-Ispirtu s-Santu nebbaħ tul il-mixja tas-sekli u li jiffurmaw parti mill-patrimonju spiritwali tal-Knisja.
Proposti
- Hemm proposta biex nesperimentaw u nadottaw il-konversazzjoni fl-Ispirtu u f’forom oħra ta’ dixxerniment fil-ħajja tal-Knisja, biex skont il-kulturi u l-kuntesti nivvalorizzaw l-għana tad-diversi tradizzjonijiet spiritwali. Għamliet xierqa ta’ akkumpanjament jistgħu jiffaċilitaw dil-prattika, u jgħinu biex nilqgħu l-loġika tagħhom u negħlbu r-reżistenzi li jistgħu jinqalgħu.
- Kull Knisja lokali għandu jkollha persuni adattati u mħejjijin biex jiffaċilitaw u jakkumpanjaw proċessi ta’ dixxerniment ekkleżjali.
- Importanti li l-prattika tad-dixxerniment issir ukoll fl-ambitu pastorali, b’mod adattat għall-kuntest, biex idawwal il-konkretezza tal-ħajja ekkleżjali. Dan jagħmel possibbli l-għarfien aħjar tal-kariżmi preżenti fil-komunità, sabiex b’għaqal jitqassmu d-dmirijiet u l-ministeri. Irridu mmorru ‘l hin mis-sempliċi programmazzjoni tal-attivitajiet biex inkunu nistgħu infasslu pjanijiet pastorali fid-dawl tal-Ispirtu
3. Dħul fil-komunità nisranija tal-fidi: l-inizjazzjoni nisranija
Konverġenzi
- L-inizjazzjoni nisranija hi l-itinerarju li permezz tiegħu, bil-medjazzjoni tal-Knisja, il-Mulej jintroduċielna l-fidi paskwali u jdaħħalna fil-komunità trinitarja u ekkleżjali. Dan l-itinerarju fih varjetà kbira ta’ għamliet skont l-età li fih jinbeda u skont id-diversi enfasi tat-tradizzjonijiet orjentali u ta’ dawk oċċidentali. Madankollu dejjem hemm minsuġin fihom il-Kelma u l-konverżjoni tal-ħajja, iċ-ċelebrazzjoni liturġika u t-tisħib mal-komunità u mal-missjoni tagħha. Propju għalhekk, il-mixja katekumenali, bit-tappi tagħha waħda wara l-oħra u l-passaġġi li tgħaddi minnhom, hi l-mudell ta’ kull mixja ekkleżjali li ssir flimkien.
- L-inizjazzjoni ġġib lil dak li jkun f’kuntatt ma’ varjetà kbira ta’ vokazzjonijiet u ministeri ekkleżjali. Huma espressjoni tal-wiċċ matern tal-Knisja li tgħallem lil uliedha jimxu waqt li timxi magħhom. Tismagħhom, u hi u twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom, tistgħana bin-novità li kull persuna ġġorr magħha, bl-istorja tagħha, l-ilsien li titkellem u l-kultura tagħha. Bit-tħaddim ta’ din l-azzjoni pastorali l-komunità nisranija ġġarrab, spiss bla tkun qed tintebaħ, l-ewwel għamla ta’ sinodalità.
- Qabel kull separazzjoni bejn il-kariżmi u l-ministeri, “Aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12,13). Għaldaqstant l-imgħammdin kollha huma ugwali bejniethom fid-dinjità u fir-responsabbiltà komuni tal-missjoni, skont il-vokazzjoni ta’ kull persuna. Bid-dilka tal-Ispirtu li “kollox jgħallem” (I Ġw 2,27), kull min jemmen għandu fih l-istint tal-verità tal-Evanġelju, li jissejjaħ sensus fidei. Sa ċertu punt fih hemm l-istess natura tar-realtajiet divini u attitudni li b’intwizzjoni jiġbor dak kollu li jaqbel mal-verità tal-fidi. Il-proċessi sinodali jivvalorizzaw dan id-don li bih jivverifikaw l-eżistenza tal-kunsens tal-fidili (consensus fidelium), kriterju ċert biex jiddetermina jekk duttrina partikolari jew drawwa jiffurmawx parti mill-fidi appostolika.
- Is-Sagrament tal-Konfermazzjoni b’xi mod jipperpetwa l-grazzja tal-Pentekoste fil-Knisja. Dan jgħani lill-fidili bl-abbundanza tad-doni tal-Ispirtu u jagħmlilhom sejħa biex jiżviluppaw il-vokazzjoni speċifika tagħhom, imsejsa fid-dinjità komuni li ttina l-magħmudija bħala servizz għall-missjoni. Hemm bżonn li l-importanza tagħha tkun aktar evidenti u titqiegħed f’relazzjoni mal-varjetà tal-kariżmi u l-ministeri li jfasslu l-wiċċ sinodali tal-Knisja.
- Iċ-ċelebrazjoni tal-Ewkaristija, aktar u aktar fil-jum tal-Ħadd, hi l-ewwel forma fundamentali li biha l-Poplu Mqaddes t’Alla jinġabar u jiltaqa’. Fejn dan ma jkunx possibbli, il-komunità, minkejja x-xewqa tagħha, tinġabar madwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma. Fl-Ewkaristija niċċelebraw misteru ta’ grazzja li aħna m’aħniex l-awturi tagħha. Fis-sejħa biex nieħdu sehem mill-Ġisem u d-Demm tiegħu, il-Mulej jagħmilna ġisem wieħed bejnietna u miegħu. Ibda mill-użu li Pawlu jagħmel mill-kelma koinonia (cfr 1Kor 10,16-17), it-tradizzjoni kristjana baqgħet tuża l-kelma “komunjoni” biex fl-istess ħin tfisser il-parteċipazzjoni sħiħa fl-Ewkaristija, u n-natura tar-relazzjoni bejn il-fidili u l-Knisja. Filwaqt li tiftaħna għall-kontemplazzjoni tal-ħajja divina, sal-profondità inkalkolabbli tal-misteru trinitarju, dil-kelma tfakkarna fir-relazzjonijiet ta’ kuljum ta’ bejnietna: fl-aktar ġesti sempliċi li bihom ninfetħu għal xulxin hemm tonfoħ iż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu. Għalhekk il-komunjoni li niċċelebraw fl-Ewkaristija u li titnissel minna, tirrappreżenta u torjenta t-toroq tas-sinodalità.
- Mill-Ewkaristija nitgħallmu niċċaraw l-għaqda u d-diversità: għaqda fil-Knisja u moltepliċità tal-komunitajiet insara; għaqda tal-misteru sagrametnali u l-varjetà tat-tradizzjonijiet liturġiċi; għaqda taċ-ċelebrazzjoni u diversità tal-vokazzjonijiet, tal-kariżmi u tal-ministeri. Xejn aktar mill-Ewkaristija ma juri li l-armonija li joħloq l-Ispirtu mhix uniformità u li kull don ekkleżjali hu indirizzat lejn il-bini tal-komunjoni.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Is-sagrament tal-Magħmudija ma nistgħux nifhmuh iżolat, ‘il barra mil-loġika tal-inizjazzjoni nisranija, u anqas u anqas b’mod individwalistiku. Għalhekk hemm bżonn nidħlu aktar fil-fond biex nifhmu l-kontribut tiegħu lejn is-sinodalità, element li jiġi minn viżjoni aktar unitarja tal-inizjazzjoni nisranija.
- Il-maturazzjoni tas-sensus fidei, ma jitlobx biss li nkunu rċevejna l-Magħmudija, iżda wkoll li niżviluppaw il-grazzja tas-sagrament f’ħajja ta’ dixxipulat awtentiku, li jtina d-dehen biex niddixxernu bejn l-azzjoni tal-Ispirtu u dak li jesprimi l-ħsieb dominanti, frott tal-kundizzjonamenti kulturali jew, f’kull kas, mhux koerenti mal-Evanġelju. Dan hu suġġett li jeħtieġ aktar studju b’riflessjoni teoloġika xierqa.
- Ir-riflessjoni dwar is-sinodalità tista toffri spunti ta’ tiġdid biex is-sagrament tal-Konfermazzjoni jinftiehem aħjar, sagrament li bih il-grazzja tal-Ispirtu, bl-armonija tal-Pentekoste, tagħmel aktar ċara l-varjetà tad-doni u tal-kariżmi. Fid-dawl tad-diversi esperjenzi ekkleżjali, hemm bżonn studju dwar il-mod kif it-tħejjija u ċ-ċelebrazzjoni ta’ das-sagrament tħalli frott akbar, biex jerġa’ jqajjem mill-ġdid is-sejħa għall-bini tal-komunità, għall-missjoni fid-dinja, għax-xhieda tal-fidi fil-fidili kollha.
- Mill-aspett teoloġiku pastorali importanti li tissokta r-riċerka dwar il-mod kif il-loġika katekumenali tista’ ddawwal toroq pastorali oħra bħal dak tat-tħejjija għaż-żwieġ, l-akkumpanjament għall-għażliet ta’ impenn professjonali u soċjali, jew il-formazzjoni tal-ministeru ordant innifsu, li fih għandha tieħu sehem il-komunità ekkleżjali kollha kemm hi.
Proposti
- Jekk l-Ewkaristija tagħti forma lis-sinodalità, l-ewwel pass li għandu jsir hu li l-grazzja tagħha tingħata qima bi stil ta’ ċelebrazzjoni li jixraq lil dan id-don u bi fraternità awtentika. Il-liturġija ċċelebrata awtentikament hi l-ewwel, u l-iskola findamentali tad-dixxipulat u tal-fraternità. Qabel kull inizjattiva li nieħdu għall-formazzjoni, hemm bżonn inħallu s-sbuħija qawwija tagħha u s-sempliċità nobbli tal-ġesti tagħha, jiffurmawna.
- It-tieni pass jirreferi għall-esiġenza, indikata minn bosta nħawi, li l-lingwaġġ liturġiku nagħmluh aktar aċċessibbli għall-fidili u aktar inkarnat fid-diversità tal-kulturi. Bla ma ndaħħlu ebda dubju dwar il-kontinwità tat-tradizzjoni u l-ħtieġa tal-formazzjoni liturġika aħjar, ninsistu li hemm bżonn ta’ riflessjoni aktar fil-fond.
- It-tielet pass jikkonsisti fl-impenn pastorali li jkunu valorizzati l-forom kollha tat-talb komunitarju, bla ma jkun marbut biss maċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Espressjonijiet oħra ta’ talb liturġiku, kif ukoll il-prattika tal-pjetà popolari, li hi mera tal-ġenju tal-kulturi lokali, huma elementi ta’ importanza kbira li jiffavorixxu l-involviment tal-fidili kollha, biex ftit ftit jintroduċu l-misteru nisrani u biex iqarrbu lejn il-laqgħa mal-Mulej lil min nieqes mill-familjarità mal-Knisja.
4. Il-foqra, protagonisti tal-mixja tal-Knisja
Konvergenzi
- Lill-Knisja l-foqra jitolbuha l-imħabba. B’imħabba nifhmu rispett, akkoljenza u għarfien, li mingħajrhom l-ikel, il-flus u s-servizzi soċjali jirrappreżentaw għamla ta’ assistenza ċertament importanti, li iżda tibqa’ maqtugħa mid-dinjità tal-persuna. Ir-rispett u r-rikonoxximent huma strumenti qawwija biex jattivaw il-ħiliet personali, b’mod li kulħadd ikun sid tal-mixja tat-tkabbir personali u mhux oġġett tal-azzjoni tal-assistenza ġejja minn ħaddieħor.
- L-għażla preferenzjali favur il-foqra hija impliċita fil-fidi kristoloġika: Ġesù, fqir u umli, tħabbeb mal-foqra, mexa mal-foqra, qagħad fil-mejda mal-foqra u ddenunzja l-kawża tal-faqar. Għall-Knisja, l-għażla favur il-foqra u l-iskartati hi kategorija teoloġika qabel ma hi kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika. Għal San Ġwanni Pawli II, Alla lilhom l-ewwel nies li jurihom ħnientu. Din il-preferenza divina għandha konsegwenzi fil-ħajja tal-insara kollha msejħin biex imantnu fihom l-istess attitudni ta’ Ġesù: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù” (Fil 2,5).
- Mhemmx tip ta’ faqar wieħed. Fost il-bosta uċuħ tal-foqra hemm ta’ dawk kollha li m’għandhomx dak li jeħtieġu biex jgħixu ħajja dinjituża. Hemm imbagħad dawk tal-migranti u r-rifuġjati; popli indiġeni, oriġinarji u afro-dixxendenti; dawk li jġarrbu l-vjolenza u l-abbuz, partikolarment in-nisa; persuni bid-dipendenzi; minoranzi li sistematikament ma jistgħux isemmgħu leħinhom; anzjani abbandunati; vittmi tar-razziżmu, tal-isfruttament u tan-negozjar tal-persuni, partikolarment il-minuri; ħaddiema sfruttati; min hu eskluz ekonomikament u oħrajn li jgħixu fil-periferiji. L-aktar vulnerabbli fost il-vulnerabbli li hemm bżonn azzjoni bla heda biex niddefenduhom, huma t-trabi f’ġuf ommhom u l-istess ommijiet. L-Assemblea tisma’ l-għajta ta’ dawn “il-foqra ġodda”, prodotti tal-gwerer u t-terroriżmu li qed jifilġu tant pajjiżi f’diversi kontinenti u tikkundanna s-sistemi politiċi u ekonomiċi korrotti li jikkawżawhom.
- Flimken mal-bosta forom ta’ faqar materjali, fid-dinja tagħna hemm ukoll dawk li jbatu minn faqar spiritwali, dawk li neqsin mis-sens tal-ħajja. Preokkupazzjoni egoċentrika żejda tista’ twassal lil dak li jkun biex fl-oħrajn jara theddida u jingħalaq fl-individwaliżmu. Kif diġà osservajna, meta l-foqra materjali u l-foqra spiritwali jiltaqgħu, jista’ jkun li jsibu tweġibiet għall-ħtiġijiet reċiproċi. Dan hu eżempju ta’ mixja flimkien li jagħti konkretezza lill-perspettiva ta’ Knisja sinodali li tikxfilna s-sens l-aktar wiesa tal-beatitudni evanġelika “Henjin il-foqra fl-ispirtu” (Mt 5,3).
- Li tkun spalla ma’ spalla mal-foqra jfisser impenn flimkien magħhom għall-kura tad-dar komuni tagħna; l-għajta tal-art u l-għajta tal-foqra huma l-istess għajta. In-nuqqas ta’ reazzjoni tirrendi l-kriżi ekoloġika u, partikolarment it-tibdil fil-klima, theddida għas-sopravivenza tal-umanità, kif tisħaq l-Eżortazzjoni appostolika Laudate Deum, ippubblikata mill-Papa Franġisku fl-istess jum li fih ingħata bidu għall-ħidma tal-Assemblea sinodali. Il-Knejjes tal-pajjiżi li huma l-aktar esposti għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima huma aktar koxjenti dwar l-urġenza li tindibel ir-rotta u dan hu kontribut li huma jagħtu lill-Knejjes l-oħra tal-pjaneta.
- L-impenn tal-Knisja irid jilħaq il-kawżi tal-faqar u tal-esklużjoni. Dan jinkludi l-ħarsien tad-drittijiet tal-foqra u l-imwarrbin u jista’ jirrikjedi wkoll il-kundanna pubblika tal-inġustizzji, kemm jekk isiru minn individwi, u wkoll minn gvernijiet, ażjendi jew strutturi oħra tas-soċjetà. Għaldaqstant huwa fundamentali li nisimgħu l-ilmenti tagħhom u l-mod kif jaħsbuha, biex inkunu tajniehom vuċi bl-użu ta’ kliemhom stess.
- L-insara għandhom id-dmir li jimpenajw ruħhom biex jieħdu sehem attiv fil-bini tal-ġid komuni u għad-difiża tad-dinjità tal-ħajja, billi jsibu l-ispirazzjoni fid-duttrina soċjali tal-Knisja u jaħdmu fid-diversi oqsma (impenn fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-trade unions, fil-movimenti popolari, bis-sehem fl-assoċjazzjonijiet ta’ protesta, fil-qasam politiku, eċċ). Il-Knisja tesprimi gratitudni profonda għall-azzjoni tagħhom. Il-komunitajiet għandhom iwieżnu lil kull min jagħti sehemu f’dawn l-oqsma bi spirtu ta’ karità awtentiku u ta’ servizz. L-azzjoni tagħhom hi parti mill-missjoni tal-Knisja tat-tħabbir tal-Evanġelju u kollaborazzjoni lejn il-miġja tas-Saltna t’Alla.
- Fil-foqra, il-komunità nisranija tiltaqa’ mal-wiċċ u mal-laħam ta’ Kristu, li għani kif kien, ftaqar sabiex aħna nistgħanu permezz tal-faqar tiegħu (cfr 2 Kor 8,9). Il-komunità hi msejħa mhux biss biex tkun qribhom imma wkoll biex titgħallem minnhom. Jekk is-sinodu jfisser mixja flimkien ma’ Dak li hu t-triq, Knisja sinodali jeħtiġilha tqiegħed lill-foqra fiċ-ċentru tal-aspetti kollha tal-ħajja tagħha: fit-tbatijiet tagħhom huma jġarrbu direttament it-tbatijiet ta’ Kristu (cfr Evangelii gaudium, n. 198). Ix-xebħ ta’ ħajjithom ma’ dik tal-Mulej, lill-foqra tagħmilhom ħabbara tas-salvazzjoni mogħtija b’don u xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- F’xi nħawi tad-dinja l-Knisja hi fqira, mal-foqra u għall-foqra. Hemm riskju ma jaqta’ xejn li ssir distinzjoni u li lill-foqra nqisuhom f’termini ta’ “huma” u “aħna”, qieshom “oġġetti” tal-karità tal-Knisja. Il-Knisja m’għandha tehda qatt tqiegħed lill-foqra fiċ-ċentru u titgħallem minnhom dejjem aktar.
- Id-denunzja profetika tas-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u l-pressjoni fil-konfront tal-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet, li jitolbu l-użu ta’ forom ta’diplomazija, għandhom jibqgħu fid-dinamika ta’ tensjoni biex ma jitilfux il-luċidità u l-fekondità tagħhom. Hemm bżonn attenzjoni partikolari biex l-użu ta’ fondi pubbliċi jew privati min-naħa tal-istrutturi tal-Knisja ma jikkundizzjonawx il-libertà tal-kelma f’isem l-esiġenzi tal-Evanġelju.
- Il-ħidma fil-qasam tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-assistenza soċjali, bla ebda diskriminazzjoni jew esklużjoni ta’ ħadd, hi sinjal ċar ta’ Knisja li tippromwovi l-integrazzjoni u l-paretċipazzjoni ta’ min hu tal-aħħar fi ħdanha u fi ħdan is-soċjetà. L-organizzazzjonijiet attivi f’dal-qasam mistednin biex iqisu ruħhom bħala espressjoni tal-komunità nisranija u biex jevitaw stil impersonali kif jgħixu l-karità. Huma mħeġġin ukoll biex jingħaqdu u jikkordinaw bejniethom.
- Il-Knisja għandha tkun onesta hi u tixtarr kif għandha tirrispetta l-esiġenzi tal-ġustizzja fil-konfront ta’ dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet magħqudin magħha biex tkun xhud integru tal-koerenza tagħha.
- Fi Knisja sinodali, is-sens ta’ solidarjetà jidher ukoll fl-iskambju tar-rigali u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn il-Knejjes lokali minn diversi reġjuni. Huma relazzjonijiet li jiffavorixxu l-għaqda tal-Knisja u joħolqu rabtiet bejn il-komunitajiet insara. Hemm bżonn niffukaw fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex inkunu żguri li s-saċerdoti li jmorru jgħinu Knejjes neqsin mill-kleru ma jkunux qed joffru biss soluzzjoni funzjonali imma jkunu jirrappreżentaw riżorsa għat-tkabbir kemm tal-Knisja li tibgħathom kif ukoll ta’ dik li tilqagħhom. Bl-istess mod hemm bżonn naċċertaw ruħna li l-għajnuna ekonomika ma tiddeġenerax u ssir sempliċi assistenzjaliżmu, imma tkun solidarjetà evanġelika awtentika u tkun imħaddma bit-trasparenza u b’mod afffidabbli.
Proposti
- Id-duttrina soċjali tal-Knisja mhix riżorsa tant magħrufa, ħaġa li hemm bżonn tingħata attenzjoni. Il-Knejjes lokali għandhom ikunu impenjati mhux biss biex il-kontenut tagħhom isir aktar magħruf imma wkoll biex jiġġenerawh aħjar permezz ta’ azzjoni li l-ispirzzjoni tagħha tissarraf f’azzjoni.
- L-esperjenza tal-laqgħa, tal-kondiviżjoni tal-ħajja u tas-servizz lill-foqra u lill-imwarrbin għandu jkun parti integranti mill-programmi formattivi kollha li joffru l-komunitajiet insara: din hi esiġenza tal-fidi, mhux ħaġa li wieħed jista’ jagħtiha l-ġenb. Dan jgħodd partikolarment għall-kandidati tal-ministeru ordnat u tal-ħajja konsagrata.
- Fil-qafas tat-tfassil mill-ġdid tal-minsteru djakonali, għandha ssir promozzjoni akbar biex ikun orjentat lejn il-qadi tal-foqra.
- It-tagħlim tal-Knisja, il-liturġija u l-prattika għandhom ikunu integrati sħiħ mal-elementi bibliċi u teoloġiċi bażiċi tal-ekoloġija integrali.
5. Il-Knisja għal kull “tribù, ilsien, poplu u nazzjon”
Konverġenzi
- L-insara jgħixu f’kuntesti ta’ kulturi speċifiċi u jġorru fihom lil Kristu fil-Kelma u fis-Sagrament bl-impenn tagħhom għas-servizz tal-karità bl-umiltà u l-ferħ huma w jilqgħu l-misteru ta’ Kristu li jkun diġà qed jistennihom f’kull imkien u f’kull żmien. B’hekk isiru Knisja ta’ “kull tirbù, ilsien, poplu u nazzjon” (Ap 5,9).
- Il-kuntesti kulturali, storiċi u reġjonali li fiha hemm preżenti l-Knisja juru l-bżonn ta’ ħtiġijiet spiritwali u materjali differenti. Dan jifforma l-kultura tal-Knejjes lokali, il-prijoritajiet missjunarji tagħhom, il-preokkupazzjonijiet u d-doni li kull waħda minnhom iġġib magħha fid-djalogu sinodali, u l-lingwaġġi li bihom tesprimi ruħha. Fil-ġranet tal-Assemblea kellna esperjenza diretta ta’ dan, aktarx waħda ta’ ferħ, tal-pluralità li għandna bħala Knisja.
- Il-Knejjes jeżistu f’kuntesti dejjem aktar multikulturali u multireliġjużi, li fihom huwa essenzjali d-djalogu bejn ir-reliġjon u l-kultura, flimkien ma’ gruppi oħra li jiffurmaw is-soċjetà. Il-ħajja tal-missjoni tal-Knisja f’dawn il-kuntesti titlob stil ta’ preżenza, servizz u tħabbir bl-għan li tibni pontijiet, tikkultiva l-fehim reċiproku u impenn f’evanġelizzazzjoni biex takkumpanja, tisma’ u titgħallem. Bosta drabi waqt l-Assemblea dwiet il-metafra “ninżgħu ż-żarbun” biex immorru niltaqgħu mal-ieħor bla kburija bħala sinjal ta’ umiltà u rispett lejn spazju sagru.
- Il-movimenti migratorji huma realtà li qed tagħti forma ġdida lill-Knejjes lokali u tagħmilhom komunitajiet interkulturali. Spiss, il-migranti u r-rifuġjati, li ħafna minnhom iġorru fihom il-ġerħa li tqaċċtu minn gheruqhom, tal-gwerra u tal-vjolenza, isiru għajn ta’ tiġdid u arrikkiment għall-komunitajiet li jilqgħuhom u okkażjoni tajba biex tintiseġ rabta diretta ma Knejjes imbiegħda ġjografikament. Quddiem atteġġjamenti dejjem aktar ostili fil-konfront tal-migranti, aħna għandna sejħa biex intuhom akkoljenza miftuħa u nakkumpanjawhom biex jibdew jibnu proġett ġdid tal-ħajja u biex titwaqqaf komunjoni interkulturali awtentika bejn il-popli. Ir-rispett lejn it-tradizzjonijiet liturġiċi u l-prattiċi reliġjużi tal-migranti hi parti integranti mill-akkoljenza awtentika.
- Il-missjunarji taw ħajjithom biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba fid-dinja kollha. L-impenn tagħhom hu xhieda elokwenti tal-qawwa tal-Evanġelju. Madankollu, hemm bżonn ta’ attenzjoni u sensibbiltà partikolari f’kuntesti li fihom “il-missjoni” hi kelma mgħobbija b’wirt storiku ta’ uġigħ li llum hu ostaklu għall-komunjoni. F’xi nħawi t-tħabbira tal-Evanġelju kienet marbuta wkoll mal-kolonizzazzjoni u saħansitra mal-ġenuċidju. L-evanġelizzazzjoni f’kuntesti bħal dawn titlob li wieħed jagħraf l-iżbalji li saru, “jitgħallem” sensibbiltà ġdida dwar dawn il-problemi u jakkumpanja ġenerazzjoni li tipprova tifforma identitajiet kristjani lil hinn mill-kolonjaliżmu. Ir-rispett u l-umiltà huma atteġġjamenti fundamentali biex nagħrfu li aħna kumplimentari għal xulxin u li l-laqgħa mad-diversi kulturi tista’ tagħni l-ħajja u l-mod kif jgħixu l-fidi l-komunitajiet insara.
- Il-Knisja tgħallem u tinkoraġġixxi t-tħaddim tal-djalogu inter-reliġjuz bħala parti mill-bini tal-komunjoni bejn il-poopli kollha. F’dinja ta’ vjolenza u tifrik, tinħass dejjem aktar l-urġenza li tingħata xhieda ta’ għaqda bejn il-bnedmin kollha, ibda mill-oriġini komuni u d-destin komuni, f’solidarjetà kordinata u fraterna lejn ġustizzja soċjali, paċi, rikonċiljazzjoni u l-ħarsien tad-dar komuni. Il-Knisja hi konxja li l-Ispirtu jista’ jitkellem permezz tal-ilħna ta’ rġiel u nisa ta’ kull reliġjon, konvinzjoni u kultura.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Jeħtieġ nikkultivaw sensibbiltà għall-għana tal-espressjonijiet varji li jagħmluna Knisja. Dan jitlob li nfittxu ekwilibriju dinamiku bejn id-dimensjoni ta’ Knisja bħala unità u kif hi radikata lokalment, bejn ir-rispett tar-rabta tal-unità tal-Knisja u r-riskju li nġibu lil kulħadd l-istess (omoġenizzazzjoni) u b’hekk noħonqol-varjetà. Il-tifsir u l-prijoritajiet ivarjaw skont il-kuntest u dan jitlob li nidentifikaw u noħolqu għamliet oħra ta’ deċentralizzazzjoni.
- Il-Knisja wkoll tbati mill-polarizzazzjoni u l-isfiduċja f’oqsma kruċjali, bħalma hi l-ħajja liturġika u r-riflessjoni morali, soċjali u teoloġika. Hemm bżonn, premezz tad-djalogu, naraw xinhuma l-kawżi u nniedu proċessi kuraġġużi ta’ qawmien ġdid tal-komunjoni u r-rikonċiljazzjoni biex ngħelbuhom.
- Fil-Knejjes lokali tagħna, ximindaqqiet inġarrbu tensjonijiet bejn il-modi diversi li bihom nifhmu l-evanġelizzazzjoni, l-enfasi fuq ix-xhieda tal-ħajja, l-impenn għall-promozzjoni umana, id-djalogu mal-fidi u l-kulturi u t-tħabbir espliċitu tal-Evanġelju. Bl-istess mod jidher li hemm tensjoni bejn it-tħabbira espliċita ta’ Ġesù Kristu u l-valorizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ kull kultura biex infittxu t-tratti evanġeliċi (semina Verbi) li diġà jinsabu fiha.
- Fost il-punti li hemm bżonn nidħlu aktar fil-fond tagħhom issemmiet il-konfużjoni li tista’ tinqala bejn il-messaġġ tal-Evanġelju u l-kultura tal-evanġelizzatur.
- Il-firxa tal-kunflitti, bil-kummerċ tal-armi jiżdied dejjem aktar, turi l-importanza, kif qalu diversi gruppi, li għandha ssir riflessjoni u tingħata formazzjoni b’akbar reqqa biex il-kunflitti nsolvuhom bin-non vjolenza. Dan hu kontribut validu li l-insara jistgħu joffru lid-dinja b’kollaborazzjoni ma’ reliġjonijiet oħra.
Proposti
- Hemm bżonn attenzjoni mġedda fil-kwistjoni tal-lingwaġġi li nużaw biex inkellmu l-imħuħ u l-qlub tal-persuni f’kuntesti ta’ diversitajiet mill-akbar, b’mod li l-lingwaġġ ikun aċċessibbli u sabiħ.
- Għandna bżonn qafas maqbul biex nimmaniġjaw u nevalwaw l-isperimentazzjoni tad-deċentralizzazzjoni billi nidentifikaw min huma l-atturi nvoluti u xinhu r-rwol tagħhom. Minħabba esiġenzi ta’ koerenza, il-proċessi tad-dixxerniment jeħtieġ li jsiru bi stil sinodali, billi nipprevedu l-għażla u l-kontribut tal-atturi kollha fid-diversi livelli.
- Hemm bżonn mudelli ġodda fl-impenn pastorali mal-popolazzjonijiet indiġeni bl-għan ta’ mixja flimkien u mhux ta’ azzjoni magħmula lilhom u għalihom. Is-sehem tagħhom fil-proċessi deċiżjonali fil-livelli kollha jista’ jkun kontribut biex il-Knisja tkun aktar vibranti u missjunarja.
- Mix-xogħol tal-Assemblea, ħarġet it-talba biex it-tagħlim tal-Vatikan II, tal-maġisteru post-konċiljari u tad-duttrina soċjali tal-Knisja jkunu magħrufa aħjar. Hemm bżonn insiru nafu aħjar id-diversi tradizzjonijiet biex ikun jidher aktar ċar li aħna Knisja tal-Knejjes f’komunjoni, effikaċi fis-servizz u fid-djalogu.
- F’dinja fejn l-għadd tal-migranti u r-rifuġjati qed jiżdied, meta d-disponibbiltà li nilqgħuhom qed tonqos, u meta qed jiżdiedu s-suspetti dwar kif inħarsu lejn l-istranġier, hu waqt tajjeb li l-Knisja timpenja ruħha b’determinazzjoni biex teduka għal kultura tad-djalogu u tal-laqgħa, biex tikkumbatti r-razziżmu u l-xenofobija, partikolarment bi programmi ta’ formazjzoni pastorali. Bl-istess mod jeħtieġ impenn fi proġetti ta’ integrazzjoni tal-migranti.
- Nirrikmandaw impenn imġedded fi-djalogu u d-dixxerniment fejn tidħol il-ġustizzja razzjali. Hu l-waqt ukoll li nidentifikaw liema huma s-sistemi li joħolqu jew isostnu l-inġustizzja razzjali fi ħdan il-Knisja u niġġieldulhom. Ejjew inniedu proċessi ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni biex inqaċċtu minn fostna d-dnub tar-razziżmu, bl-għajnuna ta’ dawk li jsofru mill-konsegwenzi tiegħu.
6. Tradizzjonijiet tal-Knejjes orjentali u tal-Knisja latina
Konverġenzi
- Fost il-Knejjes orjentali, dawk f’għaqda sħiħa mas-Suċċessur ta’ Pietru għandhom liturġija, teoloġija, ekkleżjoloġija u kanoni karatteristiċi li jgħanu bi kbir il-Knisja kollha. B’mod partikolari l-esperjenza tal-unità fid-diversità tista’ tkun kontribut prezzjuż biex nifhmu u nħaddmu s-sinodalità.
- Mal-mixja tal-istorja, il-livell ta’ awtonomija garantit lil dawn il-Knejjes għadda minn fażijiet differenti u minn imġibiet li llum għadda żmienhom, bħalma hi l-latinizzazzjoni. Dawn l-aħħar għexieren ta’ snin il-mixja lejn l-għarfien tal-ispeċifiċità, id-distinzjoni u l-awtonomija ta’ dawn il-Knejjes rat żvilupp kbir.
- Il-migrazzjoni konsistenti tal-fidili mill-Orjent kattoliku lejn territorji ta’ maġġoranza latina ġab miegħu diffikultajiet pastorali importanti. Jekk dil-mewġa tkompli jew tikber, jista’ jiġri li jkun hemm aktar membri tal-Knejjes orjentali kattoliċi fid-djaspora milli fit-territorji kanoniċi. Għal diversi raġunijiet, it-twaqqif ta’ ġerarkiji orjentali fil-pajjiżi fejn jaslu dawn il-migranti mhux biżżejjed biex issolvu l-problema, imma jeħtieġ li l-Knejjes lokali ta’ rit latin, f’isem is-sinodalità, jgħinu lill-fidili orjentali emigrati biex iżommu l-identità tagħhom u jikkultivaw il-patrimonju speċifiku bla ma jgħadduhom minn xi proċess ta’ assimilazzjoni.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Hemm bżonn studju dwar l-għana tal-kontribut li l-esperjenza tal-Knejjes orjentali kattoliċi jistgħu joffru fit-tħaddim tas-sinodalità.
- Għad hemm xi diffikultajiet dwar il-kunsens min-naħa tal-Papa lill-Isqfijiet maħturin mis-Sinodi tal-Knejjes sui iuris għat-territorju tagħhom u n-nomina papali tal-Isqfijiet li huma barra mit-territorju kanoniku. It-talba biex il-ġurisdizzjoni tal-Patrijarki ‘l barra mit-territorju patrijarkali għadha tema ta’ dixxerniment fid-djalogu mas-Santa Sede.
- Fir-reġjuni fejn hemm preżenti fidili minn Knejjes kattoliċi differenti hemm bżonn jinstabu mudelli biex juru li l-għaqda fid-diversità tkun viżibbli u effettiva.
- Jeħtieġ ukoll riflessjoni dwar il-kontribut li l-Knejjes orjentali kattoliċi jistgħu jagħtu fil-mixja lejn l-għaqda bejn l-insara kollha u r-rwol li jista’ jkollhom fid-djalogu inter-reliġjuż u inter-kulturali.
Proposti
- Qabel xejn kien hemm talba lill-Qdusija Tiegħu biex jitwaqqaf Kunsill ta’ Patrijarki u Arċisqfijiet Maġġuri tal-Knejjes kattoliċi orjentali.
- Xi wħud qed jitolbu li jitlaqqa’ Sinodu Speċjali dedikat għall-Knejjes Orjentali Kattoliċi, għall-identità u l-missjoni tagħhom kif ukoll għall-isfidi pastorali u kanoniċi fil-kuntest tal-gwerra u migrazzjonijiet massiċċi.
- Hemm suġġeriment ukoll li titwaqqaf kummissjoni konġjunta ta’ teoloġi, storiċi u kanonisti orjentali u latini biex tistudja u tidħol aktar fil-fond dwar dan u tagħmel proposti biex il-mixja tkompli.
- Fid-dikasteri tal-Kurja ta’ Ruma għandu jkun hemm rappreżentanza ta’ membri tal-Knejjes orjentali kattoliċi biex tistgħana l-Knisja kollha bil-kontribut tal-perspettivi tagħhom, u billi joffru soluzzjonijiet tal-problemi li jinqalgħu u jieħdu sehem fid-djalogu fid-diversi livelli.
- Biex ikunu stimolati forom ta’ akkoljenza rispettuża tal-patrimonju tal-fidili tal-Knejjes orjentali jkun xieraq li r-relazzjonijiet bejn il-kleru orjentali fid-djaspora u dak latin jissaħħu sabiex it-tradizzjonijiet rispettivi tagħhom jingħataw għarfien reċiproku akbar u aħjar.
7. F’mixja lejn l-għaqda tal-insara
Konverġenzi
- Dis-sessjoni tal-Assemblea sinodali fetħet bis-sinjal tal-ekumeniżmu. Fil-velja ta’ talb “Together”, flimkien mal-Papa kien hemm preżenza ta’ għadd kbir ta’ rappreżentanti minn diversi Komunjonijiet insara: sinjal ċar u kredibbli tar-rieda li nimxu flimkien fi spirtu ta’ għaqda tal-fidi u tal-iskambju ta’ doni. Dan l-avveniment ta’ tifsir qawwi, ippermettielna wkoll nindunaw li ninsabu f’kairos ekumeniku u wkoll biex naffermaw li dak li jgħaqqadna hu akbar minn dak li jifridna. Infatti, hemm jgħaqqadna: Mulej wieħed, fidi waħda u magħmudija waħda, Alla wieħed Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, fost kulħadd u f’kulħadd” (Ef 4,5-6).
- Propju l-Magħmudija, li hi l-bidu tas-sinodalità, hi wkoll is-sies tal-ekumeniżmu. Permezz tagħha l-insara kollha huma sehem mis-sensus fidei u għalhekk hemm bżonn nisimgħuhom b’attenzjoni, indipendentement mit-tradizzjoni tagħhom, kif għamlet l-Assemblea fil-proċess ta’ dixxerniment li għamlet. Ma jistax ikun hemm sinodalità mingħajr id-dimensjoni ekumenika.
- L-ekumeniżmu, qabel kollox, hu kwistjoni ta’ tiġdid spiritwali u jesiġi wkoll proċessi ta’ ndiema u fejqan tal-memorja. Waqt l-Assemblea ħarġu testimonjanzi mdawlin ta’ nsara ta’ diversi tradizzjonijiet ekkleżjali li jaqsmu flimkien ħbiberija, talb u fuq kollox, impenn għas-servizz tal-foqra. Id-dedikazzjoni lejn min hu tal-aħħar tgħaġen ir-rabtiet u tgħin biex wieħed jikkonċentra fuq dak li diġà jgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Għalhekk importanti li l-ekumeniżmu jiżviluppa u joktor l-aktar fil-ħajja ta’ kuljum. Bi djalogu teoloġiku u istituzzjonali u bil-paċenzja, tibqa’ tissaħħaħ in-nisġa ta’ fehim reċiproku fi klima dejjem tiżdied ta’ fiduċja u ftuħ.
- F’għadd sabiħ ta’ reġjuni tad-dinja hemm fuq kollox, l-ekumeniżmu tad-demm: insara ta’ denominazzjonijiet differenti li flimkien jagħtu ħajjithom għall-fidi f’Ġesù Kristu. Ix-xhieda tal-martirju tagħhom hi elokwenti ferm aktar mill-kliem: l-għaqda tiġi mis-Salib tal-Mulej Ġesù.
- Il-kollaborazzjoni bejn l-insara kollha hi wkoll element fundamentali biex naffrontaw l-isfidi pastorali ta’ żmienna: fis-soċjetajiet sekularizzati hemm iċ-ċans li l-leħen tal-Evanġelju jkun fih aktar forza, fil-kuntesti tal-faqar jgħaqqad il-forzi bħala servizz għall-ġustizzja, għall-paċi u għad-dinjità ta’ min hu tal-aħħar. Dejjem u kullimkien huwa riżorsa fundamentali biex ifejjaq il-kultura tal-odju, tal-firda u tal-gwerra li jġibu kontra xulxin gruppi, popli u nazzjonijiet.
- Iż-żwieġ bejn insara membri ta’ Knejjes jew komunitajiet ekkeżjali differenti (żwiġijiet imħallta) huma realtà li biha d-dehen u l-għerf tal-komunjoni jista’ jimmatura u kuntest li fih tista’ sseħħ evanġelizzazzjoni reċiproka.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- L-Assemblea tagħna innotat id-diversità bejn il-konfessjonijiet insara b’mod li setgħet tifhem aħjar il-konfigurazzjoni sinodali tal-Knisja. Fil-Knejjes Ortodossi, is-sinodalità fiha tifsira stretta u titqies espressjoni tat-taħriġ kolleġġjali tal-awtorità li tappartjeni lill-Isqfijiet biss (Is-Santo Sinodo). F’sens aktar wiesa, tindika s-sehem attiv tal-fidili kollha fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Issemmew ukoll użanzi ta’ komunitajiet ekkleżjali oħrajn li servew biex id-dibattitu jsir aktar rikk. Dan kollu jeħtieġ studju aktar fil-fond.
- Suġġett ieħor li jixraqlu studju aktar profond hu l-ħolqa bejn is-sinodalità u l-primat fuq livelli differenti (lokali, reġjonali, universali), fl-inter-dipendenza reċiproka. Dan jitlob li nerġgħu nirrevedu l-istorja biex nitfgħu wara spallejna l-platitudnijiet u l-preġudizzji. Id-djalogi ekumeniċi li għaddejjin għenuna nifhmu aħjar, fid-dawl tad-drawwiet tal-ewwel millennju, li s-sinodalità u l-primat huma realtajiet korrelati, kumplimentari u inseparabbli. Dan il-punt delikat irid jiċċara l-mod kif jinftiehem il-ministeru petrin għas-sevizz tal-għaqda kif awgura San Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Ut unum sint.
- Mill-aspett teoloġiku, kanoniku u pastorali, għandha tkun eżaminata aktar fil-fond il-kwistjoni tal-ospitalità ewkaristika (communicatio in sacris), fid-dawl tar-rabta bejn il-komunjoni sagramentali u dik ekkleżjali. Dil-problema tinħass b’mod partikolari mill-koppji inter-konfessjonali. U treġġgħana lura lejn riflessjoni aktar wiesa dwar iż-żwiġijiet imħallta.
- Saret insistenza wkoll li għandha ssir riflessjoni dwar il-fenomenu tal-komunitajiet “non-denominazzjonali” u l-movimenti tal-qawmien” ta’ ispirazzjoni nisranija, li fihom ingħaqdu wkoll f’għadd kbir ta’ fidili ta’ oriġini kattolika.
Proposti
- Fl-2025 jaħbat l-anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea (325), li tulu kien żviluppat is-simbolu tal-fidi li jgħaqqad lill-insara kollha. Kommemorazzjoni flimkien ta’ dil-ġrajja tkun ta’ fejda biex nifhmu aħjar kif fl-imgħoddi kienet issir id-diskussjoni u tinstab soluzzjoni dwar kwistjonijiet ta’ kontroversja bit-tlaqqgħih ta’ Konċilju.
- Fl-istess sena 2025, provvidenzjalment, id-data tas-Solennità tal-Għid se tkun l-istess għad-denominazzjonijiet insara kollha. L-Assemblea wriet xewqa kbira li naslu biex naqblu fuq data komuni tal-festa tal-Għid, biex inkunu nistgħu niċċelebraw il-qawmien tal-Mulej, ħajja u salvazzjoni tagħna, fl-istess ġurnata.
- Hemm ix-xewqa wkoll li l-insara ta’ konfessjnijiet oħra nkomplu ninvolvuhom fil-proċessi sinodali kattoliċi fil-livelli kollha u biex nistiednu numru akbar ta’ delegati fraterni fis-sessjoni li jmiss ta’ Assemblea fl-2024.
- Uħud għamlu proposta li jitlaqqa’ Sinodu ekumeniku dwar il-missjoni komuni fid-dinja tal-lum.
- Saret ukoll proposta biex jinkiteb martiroloġju ekumeniku.
IT-TIENI TAQSIMA – ILKOLL DIXXIPLI, ILKOLL MISSJUNARJI
8. Il-Knisja hi missjoni
Konverġenzi
- Aktar milli ngħidu li l-Knisja għandha missjoni ikun aktar preċiz ngħidu li l-Knisja hi missjoni. “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” )Ġw 20,21): Il-Knisja tirċievi mingħand Kristu, il-Mibgħut tal-Missier; il-missjoni propja tagħha. Imwieżna u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, hija tħabbar u tagħti xhieda tal-Evanġelju lil min ma jafhux jew ma jilqagħux, bl-għażla preferenzjali favur il-foqra li hi radikata fil-missjoni ta’ Ġesù. B’hekk hi tkun tagħti s-sehemha għall-miġja tas-Saltna t’Alla, li l-Knisja nfisha hi ż-żerriegħa u l-bidu tagħha” (cfr LG, 5).
- Is-sagramenti tal-inizjazzjoni nisranija jgħabbu lid-dixxipli kollha ta’ Ġesù bir-responsabbiltà tal-missjoni tal-Knisja. Lajċi rġiel u nisa u ministri ordnati lkoll għandhom l-istess dinjità. Irċevew kariżmi u vokazzjonijiet diversi u jħaddmu rwoli u jaqdu funzjonijiet differenti, ilkoll imsejħin u mantnuti mill-Ispirtu s-Santu biex jiffurmaw ġisem wieħed fi Kristu. Ilkoll dixxipli, ilkoll missjunarji, fil-vitalità fraterna tal-komunitajiet lokali li jġarrbu l-ħlewwa u l-faraġ tal-ferħ li jevanġelizzaw. It-tħaddim tal-korresponsabbiltà hu essenzjali għas-sinodalità u meħtieġ fil-livelli kollha tal-Knisja. Kull nisrani hu ‘missjoni’ fid-dinja.
- Il-familja hi l-kolonna li fuqha tistrieħ kull komunità nisranija. Il-ġenituri, in-nanniet u kulmin jgħix u jixxerja l-fidi fil-familja huma l-ewwel missjunarji. Peress li l-familja hi komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba, hija wkoll l-imkien privileġġat għall-edukazzjoni fil-fidi u l-prattika nisranija, li teħtieġ akkumpanjament partikolari fi ħdan il-komunitajiet. Is-sapport huwa neċessarju wkoll fi ħdan il-komunità ekkleżjali u għas-servizz tal-missjoni tagħha, bl-esiġenzi tal-ħajja tal-familja, l-aktar tal-ġenituri li jridu jlaħħqu wkoll max-xogħol.
- Jekk il-missjoni hi grazzja li timpenja lill-Knisja kollha, il-fidili lajċi jikkontribwixxu b’mod vitali biex ixerrduha fl-ambjenti kollha u fis-sitwazzjonijiet l-aktar ordinarji kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Fuq kollox huma jagħmlu l-Knisja preżenti u jħabbru l-Evanġelju fil-kultura tal-ambjent diġitali, li għandu impatt tant qawwi fuq id-dinja kollha, fil-kultura taż-żgħażagħ, fid-dinja tax-xogħol, tal-ekonomija u tal-politika, tal-arti u tal-kultura, tar-riċerka xjentifika, tal-edukazzjoni u tal-formazzjoni, fil-ħarsien tad-dar komuni u, b’mod partikolari, bl-impatt fuq il-ħajja pubblika. Kull fejn ikunu preżenti huma msejħin biex ikunu xhieda ta’ Ġesù Kristu fil-ħajja ta’ kuljum u biex espliċitament jaqsmu l-fidi tagħhom mal-oħrajn. Iż-żgħażagħ, partikolarment, bid-doni tagħhom u l-fraġilitajiet tagħhom, waqt li jikbru fil-ħbiberija ma’ Ġesù, jsiru appostli tal-Evanġelju fost min hu tamparhom.
- Il-fidili lajċi huma dejjem aktar preżenti u attivi fis-servizz fi ħdan il-komunitajiet insara. Ħafna minnhom jorganizzaw u janimaw komunitajiet pastorali, jagħtu servizz bħala edukaturi tal-fidi, huma teoloġi u għalliema, animaturi spiritwali u katekisti, u jieħdu sehem f’diversi organiżmi parrokkjali u djoċesani. F’ħafna reġjuni, il-ħajja tal-komunitajiet insara u l-missjoni tal-Knisja jiddependu mill-katekisti. Minbarra dan, il-lajċi jagħtu servizz fil-qasam tas-safeguarding u tal-amministrazzjoni. Il-kontribut tagħhom huwa indispensabbli għall-missjoni tal-Knisja; għaldaqstant importanti li jingħataw il-possibbiltà li jiksbu l-kompetenzi neċessarji.
f) Il-kariżmi tal-lajċi, fil-varjetà tagħhom, huma doni tal-Ispirtu s-Santu lill-Knisja, u hemm bżonn joħorġu aktar għad-dawl, jingħataw għarfien u jkunu valorizzati bid-dritt kollu. F’xi sitwazzjonijiet jista’ jiġri li l-lajċi jkollhom jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ saċerdoti bir-riskju li l-karattru propjament lajkali tal-appostolat tagħhom jispiċċa ridott. F’kuntesti oħrajn jista’ jiġri li l-presbiteri jagħmlu kollox u l-kariżmi u l-ministeri lajkali jisfaw injorati jew mhux użati kif jixraq. Jinħass ukoll il-periklu, li ħafna fl-Assemblea osservaw, li l-lajċi jispiċċaw “klerikalizzati” u hekk jinħoloq speċi ta’ elite lajkali li jipperpetwa d-diżugwaljanzi u l-firdiet fil-Poplu t’Alla.
g) It-tħaddim tal missjoni ad gentes iġib għana reċiproku fost il-Knejjes għax ma jinvolvix biss lill-missjunarji, iżda l-komunità kollha li tkun stimulata biex titlob, taqsam il-ġid u tagħti xhieda. Il-Knejjes foqra mill-kleru wkoll m’għandhomx jirrinunzjaw għal dan l-impenn, filwaqt li dawk fejn hemm fjoritura akbar ta’ vokazzjonijiet għall-ministeru ordnat jistgħu jinfetħu għall-koperazzjoni pastorali, f’loġika ġenwinament evanġelika. Il-missjunarji kollha – lajċi rġiel u nisa, konsagrati, djakni u presbiteri, partikolarment il-membri ta’ istituti missjunarji u l-missjunarji fidei donum – bil-qawwa tal-vokazzjoni propja tagħhom, huma riżorsa importanti biex jinħolqu rabtiet u skambji tad-doni.
h) Il-missjoni tal-Knisja dejjem tiġġedded u hi mitmuha miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, partikolarment meta tqiegħed fuq quddiem nett il-karattru komunitarju u missjunarju tagħha.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Hemm ħtieġa li nkomplu nidħlu aktar fil-fond biex nifhmu t-teoloġija tar-relazzjoni bejn il-kariżmi u l-ministeru mill-perspettiva missjunarja.
- Il-Konċilju Vatikan II u l-maġisteru segwenti ppreżentaw il-missjoni distintiva tal-lajċi f’termini ta’ santfikazzjoni tar-realtajiet temporali jew sekulari. Madnakollu, fil-konkretezza tal-prattika pastorali, fuq livell parrokkjali, djoċesan u, reċentement, universali wkoll, spiss qed jiġri li fi ħdan il-Knisja xi karigi u ministeri qed jingħataw lil-lajċi. Ir-riflessjoni teoloġika u d-dispożizzjonijiet kanoniċi hemm bżonn li jkunu bi qbil ma’ dawn l-iżviluppi importanti u jaraw li ma jkunx hemm duwaliżmi li jistgħu jikkompromettu l-perċezzjoni tal-unità tal-missjoni tal-Knisja.
- Fil-promozzjoni tal-korresponsabbiltà fil-missjoni ta’ kulmin hu mgħammed, nagħrfu l-ħila appostolika tal-persuni diżabbli. Irridu nivvalorizzaaw il-kontribut għall-evanġelizzazzjoni li jiġi mill-għana bla qies ta’ umanità li jġorru magħhom u fihom. Aħna konxji mill-esperjenzi ta’ sofferenza tagħhom, l-emarġinazzjoni, id-diskriminazzjoni li kultant jgħaddu minnhom anki fi ħdan l-istess komunitajiet insara.
- L-istrutturi pastorali hemm bżonn ikunu organizzati mill-ġdid biex jgħinu lill-komunitajiet joħorġu għad-dawl, jagħtu għarfien u janimaw il-kariżmi u l-ministeri lajkali, u jintegrawhom mad-dinamiżmu missjunarju tal-Knisja sinodali. Bit-tmexxija tar-ragħajja tagħhom, il-komunitajiet jiskbu l-ħila li jibgħatu u jwieżnu li dawk li jkunu bagħtu. Hekk b’mod ewlieni huma jkunu ta’ servizz għall-missjoni li l-fidili jmexxu ‘l quddiem fis-soċjetà, fil-ħajja tal-familja u fid-dinja tax-xogħol, minflok jikkonċentraw esklussivament fuq l-affarijiet interni u l-ħtiġijiet organizzattivi.
- L-espressjoni “Knisja kollha kemm hi ministerjali” użata fl-Instrumentum laboris, tista’ tagħti lok għal ekwivoċi. Jeħtieġ approfondiment tat-tifsira biex ikunu ċċarati l-ambigwitajiet.
Proposti
- Tinħass il-ħtieġa ta’ aktar kreattività fit-twaqqif tal-ministeri skont il-bżonn tal-Knejjes lokali, bl-involviment partikolari taż-żgħażagħ. Wieħed jista’ jwessa’ aktar id-dmirijiet tal-ministeru istitwit tal-lettur, li llum diġà mhux limitat biss għar-rwol li għandu waqt il-liturġija. B’hekk jista’ jsir ministeru propju tal-Kelma t’Alla, li fil-kuntesti adattati jista’ jinkludi wkoll il-predikazzjoni. Għandha tkun studjata wkoll il-possibbiltà li jitwaqqaf ministeru li jingħata lill-koppji miżżewġin biex jakkumpanjaw lill-persuni li jkunu qed jitħejjew għas-sagrament taż-żwieġ.
- Il-Knejjes lokali huma mistienda jiddixxernu l-għamliet u l-okkażjonijiet li bihom tingħata viżibbiltà u għarfien komunitarju lill-kariżmi u l-ministeri li jgħanu l-komunità. Dan jista’ jseħħ waqt xi ċelebrazzjoni liturġika li fiha jingħata l-mandat pastorali.
9. In-nisa fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja
Konvergenzi
- Aħna maħluqin raġel u mara xbieha t’Alla. Sa mill-bidunett il-ħolqien juri għaqda u differenza, lill-irġiel u lin-nisa tahom natura partikolari, vokazzjoni u destin biex jaqsmuh flimkien kif ukoll żewġ esperjenzi differenti tal-uman. Il-Kotba Mqaddsa jixhdu l-komplimentarjetà u r-reċiproċità bejn in-nisa u l-irġiel. Fil-forom kollha tiegħu, il-patt li hemm bejn il-mara u r-raġel hu l-qalba tal-proġett ta’ Alla għall-ħolqien. Lin-nisa Ġesù kien jiddjaloga magħhom: kien jitkellem magħhom dwar is-Saltna t’Alla u laqagħhom fost id-dixxipli, per eżempju Marija ta’ Betanja. Dawn in-nisa ġarrbu l-qawwa tal-fejqan tiegħu, ħelsien u għarfien u mxew miegħu fit-triq mill-Galilija sa Ġerusalemm (cfr Lq 8,1-3). Lill-mara, lil Marija Madalena, taha l-inkarigu li tħabbar il-qawmien nhar l-Għid filgħodu.
- Fi Kristu, nisa u rġiel igawdu mill-istess dinjità batteżimali u b’mod indaqs jirċievu mill-firxa tad-doni tal-Ispirtu s-Santu (cfr Gal 3,28). Irġiel u nisa msejħin għal komunjoni li l-karatteristika tagħha hi l-korresponsabbiltà ta’mħabba u mhux ta’ kompetizzjoni, biex f’kull livell jinkarnaw il-ħajja tal-Knisja. Kif qalilna l-Papa Franġsiku, ilkoll flimkien “aħna Poplu mlaqqa’ u msejjaħ bil-qawwa tal-Beatitudnijiet”.
- Tul l-Assemblea ġarrabna s-sbuħija tar-reċiproċità bejn in-nisa u l-irġiel. Ilkoll flimkien aħna eku tas-sejħa li saret fil-fażijiet preċedenti tal-proċess sinodali sabiex il-Knisja timpenja ruħha aħjar biex tifhem u takkumpanja lin-nisa mill-aspett pastorali u sagramentali. In-nisa jixtiequ jkunu sehem mill-esperjenza spiritwali tal-mixja lejn il-qdusija fil-fażijiet differenti tal-ħajja: meta żgħażagħ, bħala ommijiet, fir-relazzjionijiet tal-ħbiberija fil-ħajja familjari f’kull età, fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja konsagrata. In-nisa jippretendu ġustizzja f’soċjetà li għadha mmarkata profondament mill-vjolenza sesswali u nuqqas ta’ ugwaljanza ekonomika, mit-tendenza li jkunu ttrattati qieshom oġġetti. Huma jġorru ċ-ċikatriċi tan-negozjar tal-persuni umani, tal-migrazzjonijiet forzati u tal-gwerer. L-akkumpanjament u l-promozzjoni deċiża tan-nisa jimxu id f’id.
- In-nisa huma l-maġġoranza ta’ dawk li jiffrekwentaw il-knejjes u spiss huma l-ewwel missjunarji tal-fidi fil-familja. In-nisa konsagrati, fil-ħajja kontemplattiva u f’dik appostolika, huma don, sinjal u testimonjanza ta’ importanza fundametnali fostna. L-istorja twila tal-missjunarji nisa, qaddisin, teoloġi u mistiċi hi għajn ta’ qawwa kbira ta’ ispirazzjoni u nutriment għan-nisa u l-irġiel ta’ żmienna.
- Marija ta’ Nazaret, mara ta’ fidi u omm Alla, tibqa’ dejjem tkun għajn straordinarja ta’ tifsir mill-aspett teoloġiku, ekkleżjali u spiritwali. Marija tfakkarna fis-sejħa universali biex nisimgħu lil Alla b’attenzjoni u nibqgħu miftuħin għall-Ispirtu s-Santu. Ġarrbet il-ferħ tal-ħlas u t-trobbija u ġarrbet it-tbatija u n-niket. Welldet f’kundizzjonijiet prekarji, għaddiet mill-esperjenza ta’ rifuġjata u għexet it-tortura tal-qtil brutali ta’ binha. Imma ġarrbet ukoll l-isplendur tal-qawmien u l-glorja tal-Pentekoste.
- Bosta nisa wrew gratitudni profonda lejn ix-xogħol tas-saċerdoti u l-Isqfijiet, imma tkellmu wkoll dwar Knisja li ġġerraħ. Il-klerikaliżmu, il-maskiliżmu u l-użu ħażin tal-awtorità għadhom jisfiguraw il-wiċċ tal-Knisja u jagħmlu ħsara lill-komunjoni. Hemm bżonn konverżjoni spiritwali profonda bħala bażi għal kull tibdil strutturali. L-abbużi sesswali, tal-poter u ekonomiċi għadhom qed jitolbu ġustizzja, fejqan u rikonċiljazzjoni. Aħna nistqasu kif il-Knisja tista’ ssir spazju bil-ħila li fih kulħadd ikun imħares.
- Meta fil-Knisja ssir ħsara lid-dinjità u l-ġustizzja fir-relazzjonijiet bejn l-irgiel u n-nisa il-kredibbiltà tat-tħabbir lid-dinja tiddgħajjef. Il-proċess sinodali juri li hemm bżonn tiġdid fir-relazzjonijiet u tibdil strutturali. B’hekk inkunu nistgħu nilqgħu aħjar il-parteċipazzjoni u l-kontribut ta’ kulħadd – lajċi rġiel u nisa, nisa u rġiel ikkonsagrati, djakni, saċerdoti u Isqfijiet – bħala dixxipli korresponsabbli tal-missjoni.
- L-Assemblea titlob li nevitaw l-iżball li nitkellmu dwar in-nisa qiesha din xi kwistjoni jew problema. Minflok, nixtiequ nippromwovu Knisja li fiha rġiel u nisa jiddjalogaw bl-għan li jifhmu aħjar il-profondità tal-proġett ta’ Alla, li tiegħu huma protagonisti ndaqs, mingħajr subordinazzjoni, esklużjoni u anqas u anqas kompetizzjoni.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Il-Knejjes tad-dinja kollha esprimew ċar it-talba għal għarfien akbar u valorizzazzjoni tal-kontribut tan-nisa u t-tisdiq tar-reponsabbiltajiet pastorali afdati f’idejhom fl-oqsma kollha tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja. Biex il-kariżmi ta’ kulħadd jitfissru aħjar u jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet pastorali, kif tista’ l-Knisja tqiegħed aktar nisa fl-irwoli u l-ministeri eżistenti? Jekk jinħass il-bżonn ta’ ministeri ġodda ta’ min hu d-dmir tad-dixxerniment dwarhom, f’liema livell u b’liema manjiera?
- Kien hemm pożizzjonijiet differenti dwar jekk in-nisa għandhomx jingħataw aċċess għall-ministeru djakonali. Uħud dehrilhom li dan il-pass jista’ jkun inaċċettabbli għax jikser it-Tradizzjoni. Oħrajn isostnu li l-għoti tad-djakonat lin-nisa jirrestawra mill-ġdid l-użanza tal-Knisja tal-bidu. F’pass bħal dan imbagħad, oħrajn jaraw tweġiba xierqa u neċessarja għas-sinjali taż-żmien, fidila lejn it-Tradizzjoni u bil-ħila li ssib eku fil-qlub ta’ ħafna li qed ifittxu vitalità mġedda u enerġija fil-Knisja. Uħud juru l-biża’ li talba bħal din hi espressjoni ta’ konfużjoni antropoloġika, u jekk il-Knisja tilqagħha tkun qed issir allejata tal-ispirtu taż-żmien.
- Id-dibattitu rigward dan hu marbut ukoll mar-riflessjoni aktar wiesa’ dwar it-teoloġija tad-djakonat (cfr. infra kap. 11, h – i).
Proposti
- Il-Knejjes lokali huma mħeġġin b’mod partikolari, biex iwessgħu s-servizz tas-smigħ, tal-akkumpanjament u l-kura tan-nisa li fid-diversi kuntesti soċjali huma emarġinati.
- Tinħass l-urġenza li n-nisa jingħataw aktar vuċi fil-proċessi deċiżjonali u jkollhom rwoli ta’ responsabbiltà fil-pastorali u fil-ministeru. Il-Qdusija Tiegħu żied qatigħ l-għadd tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-Kurja ta’ Ruma. L-istess għandu jiġri fil-livelli l-oħra tal-ħajja tal-Knisja. Bħala konsegwenza hemm bżonn adattament fil-Liġi Kanonika.
- Trid tibqa’ għaddejja r-riċerka teoloġika u pastorali dwar l-aċċess tan-nisa għad-djakonat, bl-għajnuna tar-riżultati tal-kummissjonijiet imwaqqfin apposta mill-Qdusija Tiegħu u tar-riċerki teoloġiċi, storiċi u eseġetiċi li diġà saru. Jekk ikun possibbli, ir-riżultati għandhom ikunu mressqin quddiem is-Sessjoni li jmiss tal-Assemblea.
- Il-każi ta’ diskriminazzjoni dwar il-pagi inġusti għax-xogħol fi ħdan il-Knisja hemm bżonn naffrontawhom u nsolvuhom, partikolarment fil-każ tal-konsagrati nisa li spiss wisq jitqiesu bħala ħaddiema bl-irħis.
- Hemm bżonn tingħata aktar wisa’ lin-nisa biex jagħtu sehemhom fil-programmi ta’ formazzjoni u tal-istudji teoloġiċi. In-nisa għandhom ikunu integrati fil-programmi tat-tagħlim u l-formazzjoni tal-ministeru ordnat.
- It-testi liturġiċi u d-dokumenti tal-Knisja għandhon jagħtu aktar attenzjoni għal-lingwaġġ biex lill-irġiel u lin-nisa jittrattahom b’mod ugwali, u wkoll jinkludu kliem, immaġni u rakkonti li mill-esperjenza tan-nisa jiksbu vitalità akbar.
- Nagħmlu proposta biex nisa mħarrġin kif jixraq isiru mħallfin fil-proċessi kanoniċi kollha.
10. Il-ħajja konsagrata u l-għaqdiet lajkali: sinjal kariżmatiku
Konverġenzi
- Mal-mixja tas-sekli l-Knisja minn dejjem ġarrbet id-don tal-kariżmi li bis-saħħa tagħhom l-ispirtu s-Santu ixettilha u jġeddida, kariżmi mill-aktar straordinarji sa dawk l-aktar sempliċi u mifruxin ħafna. B’ferħ u gratitudni, il-Poplu Mqaddes t’Alla fihom jagħraf l-għajnuna providenzjali li biha Alla stess iwieżen, jorjenta u jdawwal il-missjoni tagħha.
- Il-manifestazzjoni partikolari tad-dimensjoni kariżmatika tal-Knisja tinsab fil-ħajja konsagrata, bl-għana u l-varjetà tal-forom tagħha. F’kull żmien, ix-xhieda tagħha tat kontribut għat-tiġdid tal-ħajja tal-komunità ekkleżjali, u wriet ruħha bħala antidotu fil-konfront tat-tentazzjoni tal-mondanità li qatt ma kienet nieqsa. Id-diversi familji reliġjużi huma sinjal tas-sbuħija tas-sekwela tal-Mulej, fuq l-għolja tat-talb u fit-toroq tad-dinja, fl-għamliet tal-ħajja komunitarja, fis-solitudni tad-deżert u fuq il-fruntiera tal-isfidi kulturali. Aktar minn darba l-ħajja konsagrata kienet tal-ewwel biex tagħraf it-tibdil fl-istorja u tilqa’ l-appelli tal-Ispirtu: illum ukoll il-Knisja għandha bżonn il-profezija tagħha. Minbarra dan, il-komunità nisranija tħares b’attenzjoni u gratitudni lejn id-drawwiet sperimentati ta’ ħajja sinodali u ta’ dixxerniment komuni li l-komunitajiet tal-ħajja konsagrata żviluppaw tul is-sekli. Minnhom ukoll sirna nafu kif nitgħallmu l-għerf tal-mixi flimkien. Ħafna kongregazzjonijiet u Istituti jħaddmu l-konversazzjoni fl-Ispirtu u għamliet simili ta’ dixxerniment fil-Kapitli provinċjali u ġenerali, biex iġeddu l-istrutturi, l-istili tal-ħajja, iniedu forom ġodda ta’ servizz u qrubija mal-aktar foqra. F’każi oħra, madankollu, għadu jsaltan stil awtoritarju li ma jħallix wisa’ għad-djalogu fratern.
- Bi gratitudni simili, il-Poplu t’Alla jagħraf il-fermenti ta’ tiġdid preżenti fil-komunitajiet bi storja twila u fil-fjoritura ta’ esperjenzi ġodda ta’ aggregazzjoni ekkleżjali. Assoċjazzjonijiet lajkali, movimenti ekkleżjali u komunitajiet ġodda huma sinjal prezzjuż tal-maturazzjoni tal-korresponsabbiltà bejn l-imgħammdin kollha. Il-valur tagħhom jinsab fil-promozzjoni tal-komunjoni bejn id-diversi vokazzjonijiet, fil-passjoni li biha jħabbru l-Evanġelju, fil-qrubija lejn dawk li jgħixu fit-truf ekonomiċi u soċjali u fl-impenn lejn il-promozzjoni tal-ġid komuni. Spiss huma mudelli ta’ komunjoni sinodali u parteċipazzjoni minħabba l-missjoni.
- Il-każi ta’ abbużi li ġarrbu persuni konsagrati u membri ta’ assoċjazzjonijiet lajkali, partikolarment nisa, juri li hemm problema fit-tħarriġ tal-awtorità u jitlob interventi deċiżi u xierqa.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Il-maġisteru tal-Knisja żviluppa tagħlim kbir dwar l-importanza tad-doni ġerarkiċi u d-doni kariżmatiċi fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Din hi sejħa biex tisseddaq ir-riflessjoni dwar kif nifhmuhom aħjar anki mill-apsett teoloġiku. Għalhekk hemm bżonn nirrevedu t-tifsir ekkleżjoloġiku u l-implikazzjonijiet pastorali konkreti ta’ dan it-tagħlim.
- Il-varjetà ta’ espressjonijiet kariżmatiċi fi ħdan il-Knisja jixħtu dawl fuq l-impenn tal-Poplu fidil t’Alla biex jgħix il-profezija tal-qrubija lejn tal-aħħar u biex idawwal il-kultura b’esperjenza aktar profonda tar-realtajiet spiritwali. Jeħtieġ nidħlu aktar fil-fond dwar b’liema mod il-ħajja konsagrata, l-assoċjazzjonijiet lajkali, il-movimenti ekkleżjali u l-komunitajiet il-ġodda jistgħu jqiegħdu l-kariżmi tagħhom għas-servizz tal-komunjoni u l-missjoni fil-Knejjes lokali, b’kontribut biex tisseddaq il-qdusija permezz ta’ preżenza profetika.
Proposti
- Jidhrilna li wasal iż-żmien biex issir reviżjoni “tal-kriterji direttivi dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Isqfijiet u r-Reliġjużi fil-Knisja” kif proposti fid-dokument Mutuae relationes tal-1978. Nissuġġerixxu li dir-reviżjoni ssir bi stil sinodali, u tinkludi lil kulmin hu involut.
- Bl-istess għan, il-Konferenzi Episkopali u l-Konferenzi tas-Superjuri Maġġuri Rġiel u Nisa tal-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u tas-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, jindikaw postijiet u strumenti adattati biex jippromwovu laqgħat u forom ta’ kollaborazzjoni fi spirtu sinodali.
- Fil-livell kemm tal-Knejjes lokali singolarment kif ukoll il-Knejjes miġburin flimkien fi gruppi, il-promozzjoni tas-sinodalità tesiġi t-twaqqif u forom ta’ Konsulti u Kunsilli li fihom jinġabru r-rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet lajkali, tal-Movimenti ekkleżjali u tal-Komunitajiet il-ġodda biex jisseddqu r-relazzjonijiet organiċi ta’ dawn ir-realtajiet mal-ħajja tal-Knejjes lokali.
- Fil-formazzjoni teoloġika fil-livellli kollha, fuq kollox fil-formazzjoni tal-ministri ordnati, wieħed għandu jara x’attenzjoni qed tingħata lid-dimensjoni kariżmatika tal-Knisja, u, fejn hemm bżonn, tkun imsaħħha.
11. Djakni u presbiteri fi Knisja sinodali
Konverġenzi
- Il-presbiteri huma l-kollaboraturi prinċipali tal-Isqof u flimkien miegħu jiffurmaw il-presbiterju (cfr LG 28); id-djakni ordnati għall-ministeru, jaqdu lill-Poplu t’Alla fid-djakonija tal-Kelma, tal-Liturġija, imma fuq kollox tal-karità (cfr LG 29). L-assemblea sinodali tesprimi gratitudni profonda lejhom. Konxja li jistgħu jġarrbu solitudni u iżolament, tirrikmanda lill-komunitajiet insara biex isostnuhom bit-talb, bil-ħbiberija, bil-kollaborazzjoni.
- Id-djakni u l-presbiteri huma impenjati f’ministeru pastorali mill-aktar varju: is-servizz fil-parroċċi, l-evanġelizzazzjoni, il-qrubija mal-foqra u l-emarġinati, l-impenn fid-dinja tal-kultura u tal-edukazzjoni, il-missjoni Ad gentes, ir-riċerka teoloġika, l-animazzjoni taċ-ċentri ta’ spiritwalità u ħafna oħrajn. Fi Knisja sinodali il-ministri ordnati għandhom is-sejħa li jgħixu s-servizz li jagħtu lill-Poplu t’Alla b’atteġġjament ta’ qrubija lejn il-persuni, akkoljenza u smigħ ta’ kulħadd u biex ikollhom spiritwalità personali u ħajja ta’ talb. Fuq kollox huma msejħin biex ifasslu t-tħaddim tal-awtorità fuq il-mudell ta’ Ġesù li, “għad li kellu n-natura ta’ Alla (…) xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2, 6-7). L-Assemblea tagħraf li bosta presbiteri u djakni bid-dedikazjzoni tagħhom jagħmlu viżibbli l-wiċċ ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb u Qaddej.
- Il-klerikaliżmu hu ostaklu għall-ministeru. Dan jiġi min-nuqqas ta’ kif għandha tkun mifhuma s-sejħa divina meta aktar titqies bħala privileġġ milli bħala servizz, u tidher fit-tħaddim tal-poter b’mod mondan li ma jaċċettax li jrid jagħti kont ta’ għemilu. Din id-deformazzjoni tas-saċerdozju għandha tingħata attenzjoni serja sa mill-ewwel fażijiet tal-formazzjoni, bil-kuntatt ħaj mal-ħajja ta’ kuljum tal-Poplu t’Alla u b’esperjenza konkreta ta’ servizz lil min hu l-aktar fil-bżonn. Illum ma nistgħux nimmaġinaw il-ministeru tal-presbiteru jekk mhux f’rabta sħiħa mal-Isqof, fil-presbiterju, f’komunjoni profonda mal-ministeri u l-kariżmi l-oħra. Sfortunatament, il-klerikaliżmu hu atteġġjament li jista’ jidher mhux biss fil-ministri imma wkoll fil-lajċi.
- L-għarfien tal-ħiliet u tal-limitazzjonijiet personali hu kundizzjoni biex l-impenn fil-miniseru ordnat jingħex bi stil ta’ korresponsabiltà. Għaldaqstant, il-formazzjoni umana għandha tiggarantixxi mixja ta’ għafrien realistiku tal-persuna nfisha, li tintegra ruħha mal-iżvilupp kulturali, spiritwali u appostoliku. Tul dil-mixja qatt m’għandu jonqos il-kontribut tal-familja ta’ dak li jkun u tal-komunità nisranija, li fiha ż-żgħażugħ jimmatura l-vokazzjoni tiegħu, u ta’ familji oħra li jakkumpanjaw l-iżvilupp tiegħu.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Fil-perspettiva tal-formazzjoni tal-imgħammdin kollha għal Knisja sinodali, dik tad-djakni u tas-saċerdoti titlob attenzjoni partikolari. Waqt din l-Assemblea saret talba minn bosta naħat biex is-seminarji jew toroq oħra ta’ formazzjoni tal-kandidati għall-ministeru jkunu marbutin mal-ħajja ta’ kuljum tal-komunità. Hemm bżonn ikunu evitati r-riskji tal-formaliżmu u tal-ideoloġija li jwasslu għal atteġġjamenti awtoritarji u jkunu ta’ ostaklu għat-tisdiq awtentiku tal-vokazzjoni. Il-programmi ta’ formazzjoni jeħtieġu diskussjoni u reviżjoni estensivi.
- Kien hemm diversi opinjonijiet dwar iċ-ċelibat tal-presbiteri. Ilkoll japprezzaw il-valur profetiku u x-xhieda mfassal fuq Kristu; uħud staqsew jekk il-konvenjenza teoloġika u l-ministeru presbiterali għandhomx isibu posthom fil-Knisja latina b’obbligu dixxiplinat, fuq kollox fejn il-kuntesti ekkleżjali u kulturali jirrenduha ħaġa diffiċli. Din mhix diskussjoni ta’ issa imma trid terġa’ tingħata aktar attenzjoni.
Proposti
- Fil-Knejjes latini, id-djakonat permanenti ħa diversi għamliet skont il-kuntest ekkleżjali li fih twaqqaf. Xi Knejjes lokali injorawh għal kollox; f’oħrajn, hemm il-biża’ li d-djakni jistgħu jidhru bħala xi forma ta’ rimedju għan-nuqqas ta’ saċerdoti. Kultant il-ministerjalità tagħhom aktar marbuta mal-liturġija milli mas-servizz tal-foqra u min hu fil-bżonn fil-komunità. Għalhekk saret rakkomandazzjoni biex issir evalwazzjoni dwar id-dmirijiet tal-ministeru djakonali mill-Konċilju Vatikan II ‘l hawn.
- Mill-aspett teoloġiku jidher li hemm esiġenza li d-djakonat nifhmuh aħjar u ma nqisuhx biss bħala tarġa li twassal għall-presbiterat. L-istess użu lingwistiku jiddeskrivih “permanenti”, biex jiddistingwih mill-karattru “tranżistorju” jindika li hemm bżonn ta’ bidla fil-perspettiva li għadha ma twettqitx kif imiss.
- L-inċertezzi teoloġiċi dwar il-ministeru djakonali ġejjin ukoll mill-fatt li fil-Knisja latina dan reġa’ twaqqaf bħala grad propju u permanenti tal-ġerarkija mill-Konċilju Vatikan II ‘l hawn. Riflessjoni aktar profonda f’dar-rigward tista’ titfa’ dawl ukoll dwar il-kwistjoni tal-għoti tad-djakonat lin-nisa.
- Għandu jsir eżami fil-fond dwar il-formazzjoni għall-ministeru ordnat fid-dawl tal-perspettiva ta’ Knisja sinodali missjunarja. Dan jimplika reviżjoni tar-Ratio fundamentalis li tiddefinixxi l-profil tad-djakonat. Fl-istess ħin nirrikmandaw li l-formazzjoni permanenti tal-presbiteri u tad-djakni ssir f’qafas sinodali.
- Id-dimensjoni tat-trasparenza u l-kultura tar-responsabbiltà jirrappreżentaw element ta’ importanza kruċjali fil-mixja lejn il-bini ta’ Knisja sinodali. Nitolbu lill-Knejjes lokali biex jidentifikaw proċessi u strutturi li jippermettu verifika regolari tal-ħidma tal-ministeru tas-saerdoti u d-djakni li għandhom rwoli ta’ responsabbiltà. L-istituti li diġà jeżistu, bħalma huma l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni jew iż-żjajjar pastorali, jistgħu jkunu l-punt tat-tluq għal dan ix-xogħol, b’attenzjoni li jinvolvi wkoll lill-komunità. F’kull kas dawn għandhom ikunua dattati għall-kuntesti lokali u għad-diversi kulturi biex ma jservux ta’ tfixkil u jżidu l-burokrazija. Għalhekk id-dixxerniment dwar liema hu l-aħjar proċess jista’ jsir fl-isfera reġjonali jew kontinentali.
- Tista’ ssir evalwazzjoni kas b’kas, dwar il-possibbiltà li jintuża s-servizz ta’ saċerdoti li jkunu ħallew il-ministeru biex jikkontribwixxu bil-formazzjoni u l-esperjenzi miksubin minnhom.
12. L-Isqof fil-komunjoni ekkleżjali
Konverġenzi
- Skont il-Konċilju Vatikan II, bħala suċċessuri tal-Appostli, l-Isqfijiet huma mqiegħda għas-servizz tal-komunjoni fil-Knejjes lokali, bejn il-Knejjes u mal-Knisja kollha kemm hi. Il-figura tal-Isqof nistgħu għalhekk nifhmuha fil-qafas tar-relazzjonijiet mal-Poplu t’Alla afdat f’idejh, mal-presbiterju u mad-djakni, mal-persuni konsagrati, ma’ Isqfijiet oħrajn u mal-Isqof ta’ Ruma, f’perspettiva orjentata dejjem lejn il-missjoni.
- Fil-Knisja tiegħu l-Isqof hu l-persuna ewlenija responsabbli mit-tħabbir tal-Evanġelju u tal-Liturġija, imexxi l-komunità nisranija u jippromwovi l-kura tal-foqra u d-difiża ta’ min hu l-aħħar. Bħala prinċipju viżibbli ta’ għaqda, għandu dmir partikolari li jiddixxerni u jikkoordina d-diversi kariżmi u ministeri li l-Ispirtu jsawwab biex jitħabbar l-Evanġelju għall-ġid tal-komunità. Dal-ministeru jissawwar b’mod sinodali meta t-tmexxija titħaddem b’korresponsabbiltà, il-predikazzjoni wara li jkun instama’ leħen il-Poplu fidil t’Alla, is-santifikazzjoni u biċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija bl-umiltà u l-konverżjoni.
- L-isqof għandu rwol insostitwibbli biex iniedi u janima l-proċess sinodali fil-Knisja lokali, billi jippromwovi l-mutwalità bejn “kulħadd, xi wħud u l-wieħed”. Il-Ministeru episkopali jivvalorizza l-parteċipazzjoni tal-fidili “kollha” bl-għajnuna ta’ “xi wħud” li huma direttament involuti fil-proċessi ta’ dixxerniment u deċiżjonali (organiżmi ta’ parteċipazzjoni u gvern). Il-konvinzjoni li biha l-Isqof jieħu l-impenn tal-perspettiva sinodali u l-istil li bih iħaddem l-awtorità jinfluwenzaw b’mod determinanti s-sehem tas-saċerdoti u tad-djakni, tal-lajċi kollha, tal-persuni konsagrati. L-Isqof għandu s-sejħa li jkun eżempju ta’ sinodalità għal kulħadd.
- Fil-kuntest li fih il-Knisja titqies bħala familja ta’ Alla, l-Isqof huwa l-missier ta’ kulħadd; fis-soċjetajiet sekularizzati però, l-awtorità tiegħu għaddejja minn kriżi. Importanti li ma tintilifx ir-rabta man-natura sagramentali tal-episkopat, biex il-figura tal-Isqof ma tkunx tidher qiesha awtorità ċivili.
- Spiss mill-isqof mistenni ħafna u bosta Isqfijiet ilmentaw li huma mgħobbijin b’impenji amminstrattivi u ġuridiċi li ma jippermettulhomx jeżerċitaw il-missjoni tagħhom kif jixraq. L-isqof ukoll irid jagħmel il-kontijiet mad-dgħufija tiegħu u mal-limitazzjonijiet tiegħu u mhux dejjem isib min iwieżnu umanament u jtih sapport spiritwali. L-esperjenza ta’ tbatija li tiġi mis-solitudni mhix xi ħaġa rari. Għalhekk, min-naħa, importanti li l-aspetti essenzjali tal-missjoni tal-Isqof jieħdu l-post ċentrali, mill-oħra importanti li l-Isqfijiet u l-presbiterju jikkultvaw bejniethom fraternità awtentika.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Fuq livell teoloġiku, it-tifsira tar-rabta ta’ reċiproċità bejn l-Isqof u l-Knisja lokali titlob studju aktar fil-fond. L-Isqof imsejjaħ biex imexxieha, u fl-istess ħin, biex jagħraf u jindokra l-għana tar-rikkezzi tal-istorja tagħha, tat-tradizzjonijiet tagħha u tal-kariżmi li hemm preżenti fiha.
- Il-kswistjoni tar-relazzjoni bejn is-sagrament tal-Ordni Sagri u l-ġurisdizzjoni, fid-dawl tal-maġisteru konċiljari Lumen gentium, jeħtieġ studju aktar profond. Kif ukoll jeħtieġ isir aktar studju dwar it-tagħlim l-aktar reċenti bħalma hi l-Kostituzzjoni Apostolika Praedicate Evangelium, biex ikunu ċċarati l-kriterji teoloġiċi u kanoniċi li huma l-bażi tal-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet tal-Isqof u jiddefinixxu oqsma, forom u implikazzjonijiet tal-korresponsabbiltà.
- Xi Isqfijiet iħossuhom skomdi meta jintalbu jintervjenu fi kwistjonijiet ta’ fidi u morali li dwarhom mhemmx qbil sħiħ fl-episkopat. Hemm neċessità li ssir aktar riflessjoni dwar il-kolleġġjalità episkopali u d-diversità tal-veduti teoloġiċi u pastorali.
- Il-kultura tat-trasparenza u r-rispett tal-proċeduri fil-każ tal-ħarsien tal-minuri u tal-persuni vulnerabbli huma parti integrali ta’ Knisja sinodali. Hu neċessarju li jkunu żviluppati aktar strutturi dedikati għall-prevenzjoni tal-abbużi. Il-kwistjoni delikata tal-immaniġjar tal-abbużi tqiegħed ħafna Isqfijiet f’diffikulta biex jeżerċitaw ir-rwol tagħhom ta’ missier u ġudikant. Hemm talba biex tkun evalwata l-opportunità li l-kwistjoni ġudizzjarja titħalla f’idejn ġudikant ieħor stabbilit kanonikament.
Proposti
- Għandhom ikunu attivati, f’forom li għad iridu jkunu determinati ġuridikament, strutturi u proċessi biex l-operat tal-Isqof ikun verifikat regolarment, b’riferiment għall-istil tal-awtorità li jħaddem, l-amministrazzjoni ekonomika tal-beni tad-djoċesi, kif jiffunzjonaw l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni u l-protezzjoni fil-konfront ta’ kull tip ta’ abbuz. Il-kultura tar-rendikont hi parti integranti ta’ Knisja sinodali li tippromwovi l-korresponsabbiltà, minbarra kull difiża possibbli kontra l-abbużi.
- Saret talba mill-ġdid biex il-Kunsill Episkopali (kan. 473 §4) u l-Kunsill Pastorali Djoċesan jew Eparkiku (CIC kan. 511, CCEU kan. 272) jkunu mandatorji u biex l-organiżmi djoċesani jkunu aktar operattivi fit-tħaddim tal-korresponsabbiltà, anki f’termini legali.
- L-Assemblea titlob li tinbeda verifika tal-kriterji fl-għażla tal-kandidati għall-episkopat, b’ekwilibriju bejn l-awtorità tan-Nunzju Appostoliku bis-sehem tal-Konferenza Episkopali. Saret ukoll talba biex il-konsultazzjoni mal-Poplu t’Alla tkun aktar miftuħa u jinstama’ l-leħen ta’ għadd akbar ta’ lajċi, persuni konsagrati, b’attenzjoni biex ikunu evitati pressjonijiet barra minn lokhom.
- Ħafna Isqfijiet huma tal-fehma li hemm bżonn titfassal mill-ġdid u tissaħħaħ l-istruttura tal-Metropoliji (provinċji ekkleżjastiċi) u tar-Reġjuni, sabiex ikunu espressjoni konkreta ta’ kolleġġjalità fit-territorju u bis-saħħa tal-fraternità jkunu ambjent ta’ sapport għal xulxin, ikunu aktar trasparenti u jikkonsultaw aħjar bejniethom
13. L-Isqof ta’ Ruma fil-Kulleġġ tal-Isqfijiet
Konverġenzi
- Id-dinamika sinodali titfa’ dawl ġdid ukoll fuq il-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma. Infatti, is-sinodalità, tiċċara b’mod sinfoniku id-dimensjoni komunitarja (“kulħadd”), kolleġġjali (“xi wħud”), u personali (“wieħed”) tal-Knisja fuq livell lokali, reġjonali u universali. B’dil-viżjoni, il-ministeru petrin tal-isqof ta’ Ruma hu marbut intrinsikament mad-dinamika sinodali, kif inhuma wkoll l-aspett komunitarju li jinkludi l-Poplu t’Alla kollu u d-dimensjoni kolleġġjali tal-ministeru episkopali. Għaldaqstant, sinodalità, kolleġġjalità u primat isejħu lil xulxin: il-primat jippreżumi t-tħaddim tas-sinodalità u tal-kolleġġjalità, hekk kif it-tnejn li huma jimplikaw l-eżerċizzju tal-primat.
- It-tmexxija tal-għaqda bejn l-insara kollha hu aspett essenzjali tal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma. Il-mixja ekumenika għamlitha possibbli li nidħlu aktar fil-fond biex nifhmu aħjar il-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru u dil-mixja għandha tkompli għaddejja fil-ġejjieni. It-tweġibiet għall-istedina li kien għamel San Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Ut unum sint, kif ukoll il-konklużjonijiet tad-djalogi ekumeniċi jistgħu jgħinu biex nifhmu d-dimensjoni kattolika tal-primat, tal-kolleġġjalità, tas-sinodalità u tar-relazzjoni reċiproka ta’ bejniethom.
- Ir-riforma tal-Kurja ta’ Ruma hija aspett importanti tal-mixja sinodali tal-Knisja kattolika. Il-Kostituzzjoni Appostolika Praedicate Evangelium tinsisti li “l-Kurja ta’ Ruma mhix feles bejn il-Papa u l-Isqfijiet imma pjuttost qiegħda hemm għas-servizz tat-tnejn skont in-natura propja ta’ kull naħa” (EP I.8). Tippromwovi riforma mibnija fuq “il-ħajja ta’ komunjoni” (RE I.4) u fuq deċentralizzazzjoni li taħji” (EG 16, cit in PE II.2). Il-fatt li ħafna membri tad-Dikasteri rumani huma Isqfijiet djoċesani huwa espressjoni tal-kattoliċità tal-Knisja u għandu jiffavorixxi relazzjoni tajba bejn il-Kurja u l-Knejjes lokali. It-tqegħid fis-seħħ effettiv tal-Praedicate Evangelium jista’ jifavorixxi sinodalità akbar fi ħdan il-Kurja, kemm bejn id-diversi Dikasteri kif ukoll f’kull wieħed minnhom.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Saret talba biex fid-dawl tal-mod ġdid li bih qed nifhmu l-episkopat fi ħdan Knisja sinodali, ikun studjat aktar fil-fond l-effett fuq il-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma u tal-irwol tal-Kurja rumana. Dil-kwistjoni għandha implikazzjonijiet sinifikattivi fuq il-mod kif il-gvern tal-Knisja qed jgħix dil-korresponsabbiltà. Fuq livell universali, il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku u l-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali joffru dispożizzjonijiet biex il-ministeru papali jitħaddem b’kolleġġjalità akbar. Dan jista’ jkun żviluppat aktar fil-prattika u f’aġġornament li għad irid isir fiż-żewġ testi.
- Is-sinodalità tista’ titfa’ dawl fuq il-mod ta’ kollaborazzjoni tal-Kulleġġ tal-Kardinali mal-ministeru petrin u fuq il-mod kif id-dixxernimenti kolleġġjali fil-Konċistorji ordinarji u straordinarji tagħhom jista’ jitmexxa ‘l quddiem.
- Għall-ġid tal-Knisja importanti li jkunu studjati modi aktar adattati biex jiffavorixxu l-għarfien reċiproku u r-rabtiet ta’ komunjoni bejn il-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali, b’attenzjoni partikolari lejn id-diversità u l-kultura ta’ mnejn ġejjin.
Proposti
- Iż-żjajjar Ad limina Apostolorum huma l-aktar mument importanti biex ir-Ragħajja tal-Knejjes lokali jsaħħu r-relazzjoni tagħhom mal-Isqof ta’ Ruma u mal-kollaboraturi l-aktar qribu tal-Kurja Rumana. Għandha tkun eżaminata l-forma li biha jitmexxew sabiex dejjem aktar isiru okkażjonijiet ta’ skambju miftuħ u reċiproku li jiffavorixxi l-komunjoni u jkunu ta’ veru servizz għall-kolleġġjalità u s-sinodalità.
- Fid-dawl tal-konfigurazzjoni sinodali tal-Knisja hemm bżonn li d-Dikasteri tal-Kurja Rumana jivvalorizzaw il-konsultazzjoni tal-Isqfijiet, jagħtu attenzjoni akbar lid-diversità tas-sitwazzjonijiet u jisimgħu b’aktar attenzjoni l-ilħna tal-Knejjes lokali.
- Jidher li jkun tajjeb li jinħolqu għamliet ta’ evalwazzjoni tal-ħidma tar-Rappreżentanti Pontifiċji mill-Knejjes lokali fil-pajjiżi fejn dawn iwettqu l-missjoni tagħhom, biex jiffaċilitaw u jipperfezzjonaw is-servizz li jagħtu.
- Henmn proposta biex l-esperjenza tal-Kunsill tal-Kardinali (C-9) tingħata aktar valur bħala kunsill sinodali għas-servizz tal-ministeru petrin.
- Fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, hemm bżonn ikun eżaminat sew jekk hux il-kas li l-prelati tal-Kurja Rumana jkunux ordnati Isqfijiet.
IT-TIELET PART – NINSĠU RABTIET, NIBNU L-KOMUNITAJIET
14. Lejn formazzjoni sinodali
Konverġenzi
- Kull imgħammed għandu jagħti tweġiba għad-doni tal-Mulej billi jieħu ħsieb il-formazzjoni personali, biex it-talenti li rċieva jagħtu l-frott u billi jqiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ kulħadd. Iż-żmien li l-Mulej iddedika biex jagħti formazzjoni lid-dixxipli juri kemm hija importanti din l-azzjoni ekkleżjali, li spiss, ftit li xejn hi apparixxenti iżda hi deċisiva għall-missjoni. Inħossu li għandna ngħidu kelma ta’ radd il-ħajr u inkoraġġiment lil dawk kollha li huma impenjati f’dal-ambjent u nistednuhom jisiltu l-elementi ta’ novità li joħorġu għad-dawl mill-mixja sinodali tal-Knisja.
- Il-mod li bih Ġesù ifforma d-dixxipli huwa l-mudell li għandna nimitaw. Hu ma llimitax ruħu li jtihom xi ftit tagħlim, imma qasam ħajtu magħhom. Bit-talb tiegħu qanqal il-mistoqsija: “Għallimna nitolbu”; meta tema’ lill-folol għallem li lil min hu fil-bżonn m’għandniex iwarrbuh; fil-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm uriena t-triq tas-Salib. Mill-Evanġelju nitgħallmu li l-formazzjoni mhix biss u lanqas hi primarjament it-tisħiħ tal-ħiliet personali: hi konverżjoni lejn il-loġika tas-Saltna li tista’ tirrendi għammiela t-telfiet u l-fallimenti wkoll.
- Il-Poplu Mqaddes t’Alla mhux sempliċi oġġett imma qabel kollox il-korresponsabbli primarju tal-formazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel formazzjoni sseħħ fil-familja. Huwa hemmhekk li spiss nirċievu l-ewwel tħabbira tal-fidi, bil-lingwa – anzi bid-djalett – tal-ġenituri tagħna u tan-nanniet. Għalhekk, il-kontribut ta’ dawk li għandhom ministeru fil-Knisja għandu jintiseġ mad-dehen ta’ min hu sempliċi, f’alleanza edukattiva indispensabbli għall-komunità. Dan hu l-ewwel sinjal ta’ formazzjoni fis-sens sinodali.
- Fl-inizjazzjoni nisranija nsibu l-linji ġenerali kif għandna mmexxu l-formazzjoni. Fil-qalba tal-formazzjoni hemm l-approfondiment tal-kerygma, jiġifieri il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu li joffrielna d-don ta’ ħajja ġdida. Il-loġika katekumenali tfakkarna li aħna lkoll midinbin imsejħin għall-qdusija. Għalhekk, bis-sapport ta’ għadd kbir ta’ xhieda aħna nimpenjaw ruħna f’mixjiet ta’ konverżjoni li titwettaq bis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u mmantnu x-xewqa tal-qdusija.
- L-ambjenti fejn iseħħ il-formazzjoni tal-Poplu t’Alla huma ħafna. Minbarra l-formazzjoni teoloġika, issemmiet ukoll dik li għandha x’taqsam ma’ sensiela ta’ kompetenzi speċifiċi: it-tħarriġ tal-korresponsabbiltà, is-smigħ, id-djalogu ekumeniku u inter-reliġjuż, is-servizz lill-foqra u l-ħarsien tad-dar komuni, l-impenn bħala “missjunarji diġitali”, semplifikazzjoni tal-proċessi ta’ dixxerniment u konversazzjoni fl-Ispirtu, bini ta’ kunsens u soluzzjoni tal-kunflitti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-formazzjoni kateketika tat-tfal u taż-żgħażagħ, li għandu jkollha parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-komuntà.
- Il-formazzjoni ta’ Knisja sinodali titlob li sseħħ b’mod sinodali: il-Poplu t’Alla kollu jifforma ruħu fil-mixja kollettiva. Hemm bżonn negħlbu l-mentalità li niddelegaw, mentalità li tinsab f’ħafna ambjenti tal-pastorali. Formazzjoni fis-sens sinodali għandha l-għan li lill-Poplu t’Alla tgħinu jgħix sħiħ il-vokazzjoni batteżimali tiegħu, fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol, fl-ambjent ekkleżjali, soċjali u intellettwali, u li jagħti lil kulħadd il-ħila li jieħu sehem attiva fil-missjoni tal-Knisja skont il-kariżmi u l-vokazzjoni personali tiegħu/tagħha.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Nagħmlu rakkomandazzjoni biex it-tema tal-edukazzjoni affettiva u sesswali tkun studjata aktar fil-fond, biex takkumpanja liż-żgħażagħ fil-mixja huma u jikbru u biex tkun ta’ sapport għal dawk li huma msejħin għaċ-ċelibat u l-kastità konsagrata. Il-formazzjoni f’dawn l-oqsma hi għajnuna neċessarja fl-istaġuni kollha tal-ħajja.
- Importanti approfondiment fid-djalogu bejn ix-xjenzi umani, fuq kollox il-psikoloġija, u t-teoloġija, biex nifhmu aħjar l-esperjenza umana li m’għandhiex tillimita ruħha li tqegħedhom fuq l-istess livell imma tintegrahom f’sintesi aktar matura.
- Il-Poplu t’Alla għandu jkun rappreżentat kif imiss fil-formazzjoni tal-ministri ordnati, kif diġà ntalab f’Sinodi preċedenti. Hemm bżonn reviżjoni wiesa’ tal-programmi formattivi, b’attenzjoni partikolari lejn il-mod kif ikun valorizzat il-kontribut femminili u l-kontribut tal-familji.
- Il-Konfernzi Episkopali huma mħeġġin biex jaħdmu fuq livell reġjonali biex flimkien joħolqu kultura ta’ formazzjoni permanenti bl-użu tar-riżorsi kollha disponibbli, inkluz l-iżvilupp tal-għażliet diġitali.
Proposti
- Fid-dawl tas-sinodalità, nipproponu li, kemm hu possibbli, tingħata attenzjoni partikolari lill-proposti formattivi konġjunti indirizzati lejn il-Poplu t’Alla kollu (lajċi, konsagrati u ministri ordnati). Id-djoċesijiet għandhom jinkoraġġixxu dawn il-proġetti fil-livell lokali. Inħeġġu lill-Konferenzi Episkopali biex jaħdmu flimkien sabiex joħolqu kultura ta’ formazzjoni permanenti, bl-użu tar-riżorsi kollha disponibbli, inkluz l-iżvilupp tal-għażliet diġitali.
- Id-diversi elementi tal-Poplu t’Alla għandhom ikunu rappreżentati fil-korsijiet ta’ formazzjoni għall-ministeru ordnat, skont kif diġà ntalab minn Sinodi li għaddew. L-involviment tal-figura femminili hu ta’ importanza partikolari.
- Hemm bżonn ta’ proċessi għall-għażla tal-kandidati għall-ministeru ordnat u għandhom ikunu rispettati l-kundizzjonijiet marbuta mal-programmi propedewtiċi.
- Il-formazzjoni tal-ministri ordnati għandha titfassal b’koerenza mal-Knisja sinodali, fid-diversi kuntesti. Dan jitlob li qabel ma jibdew mixjiet speċifiċi, il-kandidati għall-ministeru jkunu mmaturaw esperjenza reali, għalkemm bikrija, tal-komunità nisranija. Il-mixja ta’ formazzjoni m’għandhiex toħloq ambjent artifiċjali, mifrud mill-ħajja komuni tal-fidili. It-tħaris tal-esiġenzi tal-formazzjoni għall-ministeru, jiffavorixxi spirtu awtentiku ta’ servizz għall-Polpu t’Alla fil-predikazzjoni, fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u l-animazzjoni tal-karità. Dan jista’ jesiġi reviżjoni tar-Ratio Fundamentalis għas-saċerdoti u għad-djakni permanenti.
- In vista tas-Sessjoni tal-Assemblea li jmiss, hemm proposta biex issir konsultazzjoni bejn min hu responsabbli fil-formazzjoni tal-bidu u dik permanenti tal-presbiteri biex issir evalwazzjoni dwar kif jintlaqa’ l-proċess sinodali u jipproponi t-tibdil meħtieġ biex it-tħaddim tal-awtorità jsir fi stil li jixraq lill-Knisja sinodali.
15. Dixxerniment ekkleżjali u kwistjonijiet li għadhom miftuħin
Konverġenzi
- L-esperjenza tal-konverżazzjoni fl-Ispirtu għaniet lil kulmin ħa sehem. Kien apprezzat, partikolarment l-istil tal-komunikazzjoni li ħalla wisa’ għal-libertà tal-espressjoni biex kulħadd jgħid tiegħu u kulħadd jisma’ lil xulxin. B’hekk evitajna li malajr malajr id-dibattitu jsir ripetizzjoni tal-pożizzjonijiet personali bla ma qabel wieħed jisma’ sew l-argumenti u l-pozizzjonijiet tal-oħrajn.
- Dan l-atteġġjament joħloq atmosfera li tiffavorixxi l-approfondiment ta’ kwistjonijiet kontroversjali fi ħdan il-Knisja wkoll, bħalma huma l-effetti antropoloġiċi tat-teknoloġiji diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali, in-non vjolenza u d-difiża leġittima, il-problemi relattivi għall-ministeru, it-temi li jolqtu l-korporjetà u s-sesswalità u oħrajn.
- Biex ikun żviluppat dixxerniment ekkleżjali awtentiku f’dawn u f’oqsma oħra, jeħtieġ li fid-dawl tal-Kelma u tal-Maġisteru, tkun integrata bażi informattiva aktar wiesa’ u elementi riflessivi aktar ċari. Biex nevitaw li noqgħodu nirrepetu formuli konvenzjonali hemm bżonn tinħoloq opportunità għal-djalogu bejn ix-xjenzi umani u soċjali kif ukoll biex tkun elaborata riflessjoni fikosofika u teoloġika.
- Fost il-kwistjonijiet li dwarhom hemm bżonn tkompli r-riflessjoni hemm dik dwar ir-realzzjoni bejn l-imħabba u l-verità u l-effetti li għandha fuq ħafna kwistjonijiet kontroversjali. Dir-relazzjoni, aktar milli sfida, fir-realtà hi grazzja li tgħammar fir-rivelazzjoni kristoloġika. Infatti, Ġesù wassal għall-milja l-wegħda li naqraw fis-Salmi: “It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu. Il-fedeltà mill-art tinbet u l-ġustizzja mis-sema tixref” (Salm 85,11-12).
- Il-paġni tal-Evanġelju juru li Ġesù jiltaqa’ mal-persuna fl-uniċità tal-istorja u s-sitwazzjoni tagħha personali. Hu qatt mhu maħkum minn preġudizzji jew tikketti, imma jfittex relazzjoni awtentika u jitwaħħad magħha kollu kemm hu anki jekk ikollu jħallas il-prezz li ma jifhmuhx jew jisfa rifjtat. Ġesù dejjem jisma’ l-għajta tal-ajjut ta’ min hu fil-bżonn, anki meta l-bżonn jibqa’ mistur; jagħmel ġesti li jittrażmettu l-imħabba u jroddu lura l-fiduċja; bil-preżenza tiegħu iġib ħajja ġdida: min jiltaqa’ miegħu jinbidel. Dan iseħħ għax il-verità li jġorr fih Ġesù mhix idea imma l-istess preżenza t’Alla fostna; u l-imħabba li hu jġib ruħu biha mhix biss sentiment iżda l-ġustizzja tas-Saltna li tibdel l-istorja.
- Id-diffikultà li niltaqgħu magħha biex dil-viżjoni ċara nittraduċuha f’viżjoni evanġelika ta’ għażliet pastorali hi sinjal tan-nuqqas ta’ ħila tagħna li ngħixu kif jixraq l-Evanġelju u tfakkarna li ma nistgħux inwieżnu lil min hu bżonn l-għajnuna jekk mhux permezz tal-konverżjoni personali u komunitarja. Jekk nużaw id-duttrina bl-ebusija u b’atteġġjament ta’ ġudizzju, inkunu qed nittradixxu l-Evanġelju; jekk il-ħniena li nuru hi biss apparenza, ma nkunux qed nittrażmettu l-imħabba t’Alla. Ir-rabta bejn il-vertà u l-imħabba tfisser li għandna nieħdu fuq spallejna d-diffikultajiet tal-ieħor u nagħmluhom tagħna kif isir bejn l-aħwa ta’ veru. Għalhekk dir-rabta tista’ sseħħ biss jekk bil-paċenzja nimxu t-triq tal-akkumpanjament.
- Xi kwistjonijiet, bħalma huma dawk li jolqtu l-identità tal-ġeneru u l-orjentament sesswali, it-tmiem tal-ħajja, is-sitwazzjonijiet matrimonjali diffiċli, il-problemi etiċi minħabba l-intelliġenza artifiċjali, huma kontroversjali mhux biss fis-soċjetà iżda wkoll fil-Knisja, għaliex qed iqanqlu mistoqsijiet ġodda. Xi drabi l-kategoriji antropoloġiċi li elaborajna mhumiex biżżejjed biex nifhmu l-kumplessità tal-elementi li jinbtu mill-esperjenza jew mill-għerf tax-xjenza u jirrikjedu rfinir u aktar studju. Importanti li jkun hemm żmien biżżejjed għal dir-riflessjoni u li ninvestu fiha l-aħjar enerġiji tagħna bla ma naqgħu f’ġudizzji li jissimplifikaw li jweġġgħu l-persuni u l-Ġisem tal-Knisja. Il-maġisteru diġà indika ħafna punti li qed jistennew li jissarfu f’inizjattivi pastorali xierqa. Anki fejn hemm bżonn li l-affarijiet ikunu aktar ċari, il-mod kif ġab ruħu Ġesù assimilat fit-talb u l-konverżjoni tal-qalb, jurina t-triq li għandna nimxu fiha.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Nagħrfu li għad hemm bżonn tkompli r-riflessjoni ekkleżjali dwar in-nisġa oriġinarja tal-imħabba u l-verità skont ix-xhieda li ta Ġesù, bl-għan li l-prattika ekkleżjali tkun fidila lejn l-oriġini.
- Inħeġġu lill-esperti fid-diversi oqsma tal-għerf biex jimmaturaw dehen spiritwali li bil-kompetenza speċjalistika tagħhom tippermettilhom isiru servizz ekkleżjali veru. F’dal-kuntest is-sinodalità tissarraf f’disponibbiltà ta’ ħsieb għas-servizz tal-missjoni u fid-diversi ambjenti iżda b’għan komuni
- Jeħtieġ ikunu identifikati l-kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli li r-riċerka teoloġika u kulturali tagħraf titlaq mill-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum tal-Poplu Mqaddes t’Alla u titqiegħed għas-servizz tiegħu.
Proposti
- Nipproponu li għandhom ikunu mnedija inizjattivi li jippermettu dixxerniment maqbul dwar kwistjonijiet dottrinali, pastorali u etiċi kontroversjali, fid-dawl tal-Kelma t’Alla, tat-tagħlim tal-Knisja, tar-riflessjoni teoloġika u, billi tkun valorizzata l-esperjenza sinodali. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ studju aktar fil-fond bejn l-esperti fid-diversi kompetenzi tagħhom, li jindokra r-riservatezza tad-dibattitu u jippromwovi konfront sinċier billi jagħti spazju, meta jkun xieraq, anki lil-leħen ta’ persuni milqutin direttament mill-kontroversji msemmija. Dan l-eżerċizzju għandu jinbeda b’mira lejn it-tieni Sessjoni sinodali.
16. Lejn Knisja li tisma’ u takkumpanja
Konverġenzi
- Is-smigħ hu l-kelma li tesprimi bl-aħjar mod l-esperjenza mill-aktar intensa li kkaratterizzat l-ewwel sentejn tal-mixja sinodali u l-ħidma tal-Assemblea wkoll. Smigħ fit-tifsira doppja tiegħu: smigħ mogħti u smigħ milqgħuh, li wieħed jisma’ u li dak li jkun ikun mismgħuh. Is-smigħ hu valur profondament uman, dinamiżmu ta’ reċiproċità, li jkun kontribut għall-mixja tal-ieħor u kontribut għall-mixja personali
- L-istedina biex wieħed isamma’ leħnu u jkun mismgħuh fil-Knisja u mill-Knisja kienet esperjenza intensa u mhux mistennija għal ħafna li ħadu sehem fil-proċess sinodali f’livell lokali, speċjalment fost dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà u wkoll mill-komunità nisranija. Li bniedem jaf li leħnu qed jinstama’ b’attenzjoni hija esperjenza ta’ affermazzjoni u għarfien tad-dinjità personali: dan hu strument qawwi ta’ attivazzjoni tar-riżorsi tal-persuna u tal-komunità.
- Biex inpoġġu lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, jitlob minna ċaħda. F’dil-perspettiva, li bniedem jisma’ jfisser li dak li jkun warrab fil-ġenb hu biex jagħmel wisa’ lill-ieħor. Dan ġarrabnih fid-dinamika tal-konversazzjoni fl-Ispirtu. Hu eżerċizzju axxetiku esiġenti li jobbliga lil kulħadd jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu u li l-opinjoni tiegħu mhix kollox. Għalhekk jinfetaħ għall-possibbiltà li jisma’ leħen l-Ispirtu t’Alla li jitkellem ukoll lil hinn mill-konfini tal-appartenenza ekkleżjali mnejn tista’ tibda mixja ta’ bidla u konverżjoni.
- Is-smigħ għandu tifsira kristoloġika: ifisser li bniedem jagħmel tiegħu l-atteġġjament ta’ Ġesù fil-konfront ta’ min kien jiltaqa’ miegħu (cfr Fil 2,6-11); għandu wkoll siwi ekkleżjali, għax tkun il-Knijsa li qiegħda tisma’ permezz tal-operat ta’ xi mgħammdin li ma jitkellumx f’isimhom imma f’isem il-komunità.
- Tul il-mixja sinodali l-Knisja ltaqgħet ma’ ħafna persuni u gruppi li jitolbu li jkunu mismgħuhin u akkumpanjati. Fl-ewwel post insemmu ż-żgħażagħ, li x-xenqa tagħhom li jkunu mismugħin u akkumpanjati dwiet b’forza fil-Sinodu dedikat lilhom (2018) u wkoll waqt din l-Assemblea li tikkonferma n-neċessità ta’ għażla preferenzjali għaż-żgħażagħ.
- Il-Knisja għandha tisma’ b’attenzjoni partikolari u sensibbiltà leħen il-vittmi u dawk li għaddew minn abbużi sesswali, spiritwali, ekonomiċi, istituzzjonali, ta’ poter u ta’ kuxejnza minn membri tal-kleru jew persuni b’karigi ekkleżjali. Is-smigħ awtentiku hu element fundamentali tal-mixja lejn il-fejqan, is-sogħba, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.
- L-Assemblea tesprimi l-qrubija tagħha u s-sapport tagħha ma’ dawk li jgħixu f’kundizzjoni ta’ solitudni bħala għażla ta’ fedeltà lejn it-tradizzjoni u l-maġisteru tal-Knisja fiż-żwieġ u l-etika sesswali, għax fihom tara għajn ta’ ħajja. Il-komunitajiet insara huma mistiedna jkunu qrib tagħhom b’mod partikolari u jakkupanjawhom fil-ħidma tagħhom.
- B’diversi modi anki l-persuni li jħossuhom emarġinati jew imwarrbin mill-Knisja minħabba s-sitwazzjoni taż-żwieġ tagħhom, l-identità u s-sesswalità, jitolbu li jkunu mismugħin u akkumpanjati, u li d-dinjità tagħhom tkun imħarsa. Waqt l-Assemblea kien jinħass sens profond ta’ mħabba, ħniena u kumpassjoni lejn il-persuni li kienu jew għadhom iħossuhom imweġġgħin jew traskurati mill-Knisja u jixtiequ mkien fejn huma jerġgħu lura lejn “id-dar” li fiha jħossuhom imkennijja, mismugħin u rispettati, bla biża’ li jkunu ġudikati. Is-smigħ hu kundizzjoni meħtieġa biex nimxu flimkiem u infittxu r-rieda t’Alla. L-Assemblea tafferma mill-ġdid li l-insara qatt ma jistgħu jonqsu mir-rispett lejn id-dinjità ta’ ebda persuna.
- Iduru lejn il-Knisja jfittxu s-smigħ u l-akkupanjament, dawk ukoll li jsofru minn diversi għamliet ta’ faqar, esklużjoni u emarġinazzjoni fi ħdan is-soċjetà li fiha n-nuqqas ta’ ugwaljanzi qed jiżdied bla ħniena. Meta l-Knisja tismagħhom u tagħraf il-punto di vista tagħhom tqiegħed lilha nfisha konkretament spalla ma’ spalla magħhom, imma fuq kollox tħalli lilhom jevanġelizzawha. Irroddu ħajr u ngħamlu kuraġġ lil kulmin hu impenjat fis-servizz tas-smigħ u l-akkumpanjament ta’ min jinsab il-ħabs u għandu bżonn kbir iġarrab l-imħabba mimlija ħniena tal-Mulej u li ma jħossux iżolat mill-komunità. F’isem il-Knisja dawn in-nies ikunu qed iwettqu kliem il-Mulej “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25,36).
- Bosta persuni jgħixu f’kundizzjoni ta’ solitudni li spiss tqarreb lejn l-abbandun. Anzjani u persuni morda spiss huma inviżibbli għas-soċjetà. Inħeġġu lill-parroċċi u l-komunitajiet insara biex ikunu proxxmu għalihom u jisimgħuhom. L-opri tal-ħniena mnebbħin mill-kliem evanġeliku “kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25,39), għandhom tifsir profond għall-persuni milqutin minn dawn is-sitwazjzonijiet u jiswew ukoll biex jagħtu ħajja lir-rabtiet komunitarji.
- Il-Knisja trid tisma’ lil kulħadd, mhux biss lil dawk li jafu kif isemmgħu leħinhom aħjar. F’xi reġjuni, għal raġunijiet kulturali u soċjali, il-membri ta’ xi gruppi, bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa u l-minoranzi, jistgħu jsibuha aktar iebsa biex jesprimu ruħhom bil-libertà. Anki l-esperjenza ta’ ħajja taħt reġimi oppressivi u dittatorjali tnawwar il-fiduċja meħtieġa biex bniedem jitkellem bil-libertà. L-istess jista’ jiġri meta t-tħaddim tal-awtorità fi ħdan il-komunità nisranija jsir oppressiv minflok liberatorju.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Is-smigħ jitlob li dak li jkun ikun mismgħuh mingħajr ebda kundizzjoni. Dan ma jfissirx li naċċettaw kompromessi fit-tħabbira tas-salvazzjoni tal-Evanġelju u lanqas li napprovaw kull opinjoni u pożizzjoni. Il-Mulej Ġesù fetaħ ixqfa ġodda għal dawk li semgħuh bla ebda kundizzjoni u aħna msejħin biex nagħmlu l-istess biex naqsmu l-Aħbar it-Tajba ma’ min niltaqgħu miegħu.
- Imxerrdin mad-dinja kollha, il-komunitajiet tal-bażi jew żgħar jiffavorixxu prattiċi ta’ smigħ ta’ u bejn l-imgħammdin. Aħna msejħin biex nivvalorizzaw il-potenzjal tagħhom u nfittxu kif jista’ jkun possibbli nadattawhom fil-kuntesti tal-ibliet.
Proposti
- X’għandna nibdlu biex dawk li jħossuhom imwarrbin jista’ jkollhom esperjenza ta’ Knisja aktar akkoljenti? Is-smigħ u l-akkumpanjament mhumiex biss inizjattivi individwali, imma forma ta’ mġieba ekkleżjali. Għalhekk għandhom isibu posthom fil-programmazzjoni pastorali ordinarja u fl-istruttura operattiva tal-komunitajiet insara fid-diversi livelli, u jingħata valur ukoll l-akkumpanjamnet spiritwali. Knisja sinodali ma tistax ma tkunx Knisja li tisma’ u dan l-impenn għandu jissarraf f’azzjoni konkreta.
- Il-Knisja mhix qed tibda mix-xejn għax diġà għandha bosta istituzzjonijiet u strutturi li jagħmlu dax-xogħol prezzjuż. Niftakru, per eżempju, fix-xogħol mifrux mal-foqra, l-emarġinati, il-migranti u r-rifuġjati li jagħmlu l-Caritas u bosta realtajiet oħra marbutin mal-ħajja konsagrata jew l-assoċjazzjonijiet lokali. Hemm bżonn ħidma biex ir-rabta tagħhom mal-ħajja tal-komunità tissaħħaħ, u nevitaw li dawn jidhru qieshom organizzazzjonijiet b’delega għal dan ix-xogħol.
- Il-persuni li jagħtu s-servizz tas-smigħ u tal-akkumpanjament fid-diversi għamliet, għandhom bżonn formazzjoni xierqa anki a bażi tat-tip ta’ persuni li huma jidħlu f’kuntatt magħhom, u għnadhom bżonn iħossu li l-komunità qed ittihom sapport. Min-naħa tagħhom, il-komunitajiet għandhom bżonn jagħrfu sħiħ il-valur tas-servizz mogħti f’isimhom biex ikunu jistgħu jaqtgħu l-frott ta’ dan is-smigħ. Bl-għan li das-servizz jingħata aktar importanza ikun siewi li jitwaqqaf ministeru tas-smigħ u l-akkumpanjament imsejjes fuq il-Magħmudija, adattat għad-diversi kuntesti. Il-komunità għandu jkollha sehem akbar fil-mod kif jingħata dal-ministeru.
- Inħeġġu lis-SECAM (Simpożju tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika u tal-Madagascar) biex jippromwovu dixxerniment teoloġiku u pastorali dwar it-tema tal-poligamija u l-akkumpanjament tal-persuni li jinsabu f’rabtiet poligami li jersqu lejn il-fidi.
17. Missjunarji fl-ambjent diġitali
Konverġenzi
- Il-kultura diġitali hi bidla fundamentali fil-mod kif nifhnu r-realtà u r-relazzjoni tagħha magħna nfusna, bejnietna, mal-ambjent ta’ madwarna u ma’ Alla wkoll. L-ambjent diġitali jibdel il-proċessi tat-tagħlim, il-perċezzjoni taż-żmien, tar-relazzjonijiet inter-personali u l-mod kif naħsbu. Id-duwaliżmu bejn ir-realtà u l-virtwali ma jiddeskrivix sew ir-realtà u l-esperjenza tagħna lkoll, aktar u aktar taż-żgħażagħ, dawk li nsejħulhom: il-ġenerazzjoni diġitali”.
- Għalhekk, il-kultura diġitali mhix tant żona iżolata tal-missjoni iżda dimensjoni kruċjali tax-xhieda tal-Knisja fil-kultura ta’ żmienna. Għaldaqstant għandha rwol sinifikattiv fi Knisja sinodali.
- Il-Missjunarji dejjem telqu flimkien ma’ Kristu lejn fruntieri ġodda, preċeduti u xprunati mill-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Illum hu għalina li nidħlu fil-kultura attwali fl-ambjenti kollha li fihom il-persuni jfittxu sens u mħabba, inkluz it-telefon ċellulari u t-tablet.
- Ma nistgħux nevanġelizzaw il-kultura diġitali jekk ma nkunu fhimnieha minn qabel. Iż-żgħażagħ, u fosthom is-seminaristi, is-saċerdoti żgħażagħ u ż-żgħażagħ konsagrati rġiel u nisa li spiss għandhom esperjenza diretta u profonda ta’ dinja teknoloġika, huma l-aktar adattati biex imexxu ‘l quddiem il-missjoni tal-Knisja fl-ambjent diġitali, minbarra li biex jakkumpanjaw il-bqija tal-komunità, inkluz ir-ragħajja, ħalli d-dinamika tad-dinja diġitali ssir aktar familjari.
- Fi ħdan il-proċess sinodali, l-inizjattivi tas-Sinodu diġitali (proġett “Il-Knisja li tisma’), juru l-potenzjal tal-ambjent diġitali f’dawl missjunarju, il-kreattività u l-ġenerożità ta’ min hu impenjat f’dal-qasam u juru kemm hu importanti li jagħtu formazzjoni, akkumpanjament, possibbiltà ta’ konfront bejn persuni tampar xulxin kif ukoll kollaborazzjoni.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Il-preżenza tal-internet fil-ħajja taż-żgħar u tal-familji qed tiżdied qatigħ. Minkejja l-potenzjal kbir ta’ titjib fil-ħajja tagħna jista’ wkoll iġib ħsara u ġrieħi, per eżempju bil-bullying, id-diżinformazzjoni, l-isfruttamenr sesswali u d-dipendenza. Hemm bżonn urġenti ta’ riflessjoni dwar kif il-komunità nisranija tista’ tagħti sapport lill-familji biex dak li jidher online ikun mhux biss nadif imma wkoll jedifika spiritwalment.
- Online hemm ħafna inizjattivi marbutin mal-Knisja li fihom valur u huma utli, joffru katekeżi eċċellenti u formazzjoni fil-fidi. Sfortunatament hemm ukoll siti li fihom it-tematika tal-fidi hija trattata superfiċjalment, b’mod polarizzat u saħansitra mimlijin mibgħeda. Bħala Knisja u bħala missjunarji diġitali (personalment ukoll) għandna d-dmir nistaqsu kif nistgħu inkunu żguri li l-preżenza tagħna online tissarraf f’esperjenza ta’ tkabbir ta’ dawk li nikkomunikaw magħhom.
- L-inizjattivi appostoliċi online jaslu u għandhom firxa kbira li tmur ‘l hinn mill-konfini territorjali kif nifhmuhom tradizzjonalment. Dan iqajjem mistoqsijiet importanti dwar kif jistgħu jkunu regolamentati u dwar liema awtorità ekkleżjastika hi kompetenti biex tikkontrollahom.
- Hemm bżonn nikkunsidraw ukoll l-implikazzjonijiet tal-fruntiera missjunarja l-ġdida, dik diġitali, biex inġeddu l-istrutturi parrokkjali u djoċesani. B’mod dejjem aktar diġitali kif nistgħu nevitaw li ma nibqgħux ilsiera tal-loġika tal-konservazzjoni u minflok nilliberaw l-enerġiji f’għamliet ġodda tat-tħaddim tal-missjoni?
- Il-pandemija tal-Covid-19 xprunat il-kreattività pastorali online, kienet ukoll kontribut biex inaqqas l-effetti tal-esperjenza ta’ iżolament u solitudni li għexu partikolarment l-anzjani u l-membri vulnerabbli tal-komunità. L-istituzzjonijiet edukattivi kattoliċi wkoll użaw b’mod effikaċi l-pjattaformi online biex ikomplu joffru formazzjoni u katekeżi fi żmien il-lockdown. Ikun tajjeb li nevalwaw dak li għallmitna din l-esperjenza u liema jistgħu jkunu l-benefiċċji dejjiema għall-missjoni tal-Knisja fl-ambjent diġitali.
- Bosta żgħażagħ, li wkoll ifittxu s-sbuħija, abbandunaw l-ispazji fiżiċi tal-Knisja li aħna qed nistednuhom biex jiġu fihom għax jippreferu l-ispazji online. Dan jimplika riċerka ta’ metodi ġodda biex ninvolvuhom u noffrulhom formazzjoni u katekeżi. Dan hu suġġett li jitlob riflessjoni pastorali.
Proposti
- Nissuġġerixxu li l-Knejjes jagħtu għarfien, formazzjoni u akkumpanjament lill-missjunarji diġitali li diġà jeżistu, u biex jiffaċilitaw il-laqgħa ta’ bejniethom.
- Importanti li jinħolqu ċrieki ta’ kollaborazzjoni bejn l-influencer li jkunu jinkludu persuni ta’ reliġjonijiet oħra jew li ma jipprofessaw ebda fidi, imma xorta waħda jikkollaboraw biex titħares u titmexxa ‘l quddiem id-dinjità tal-persuna umana, tal-ġustizzja u tal-ħarsien tad-dar komuni.
18. Organi ta’ parteċipazzjoni
Konverġenzi
- Minħabba l-fatt li huma membri tal-Poplu fidil ta’ Alla, l-imgħammdin kollha huma kollettivament responsabbli tal-missjoni, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu/tagħha, bl-esperjenza u l-kompetenza personali; għalhekk ilkoll għandhom sehem biex jitfasslu u jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-komunitajiet insara u tal-Knisja kollha, biex hekk hi tgħix “il-ħlewwa tal-ferħ tal-evanġelizzazzjoni li tfarraġ”. Is-sinodalità, fil-kompożizzjoni u l-mod kif jiffunzjonaw l-organiżmi li jiffurmawha, għandhom għan ewlieni: il-missjoni. Il-korresponsabbiltà hija għall-missjoni: dan jixhed li lkoll verament magħqudin f’isem Ġesù, u dan jeħles lill-istess organiżmi parteċipanti milli jinħlew fil-burokrazija u l-loġika mondana tas-setgħa, filwaqt li l-laqgħa ta’ bejniethom issir għammiela.
- Fid-dawl tal-maġisteru riċenti (partikolarment il-Lumen gentium u l-Evangelii gaudium), il-korresponsabbiltà bejn kulħadd fil-missjoni għandha tkun il-kriterju tal-pedament tal-istrutturazzjoni tal-komunitajiet insara u tal-Knisja kollha lokali bis-servizzi kollha tagħha, tal-istituzzjonijiet kollha u ta’ kull organiżmu ta’ komunjoni (cfr 1Kor 12,4.31). Li nagħtu għarfien lirr-responsabbiltà tal-lajċi fil-missjoni fid-dinja m’għandhiex issir skuża biex il-kura tal-komunità nisranija nqisuha biss responsabbiltà tal-Isqfijiet u tal-kleru ordnat.
- L-awtorità per eċċellenza hi l-Kelma t’Alla, din għandha tkun l-ispirazzjoni ta’ kull laqgħa tal-organiżmi parteċipanti u ta’ kull konsultazzjoni u ta’ kull proċess deċiżjonali. Biex dan iseħħ hemm bżonn li f’kull livell, il-laqgħa ssib sens u qawwa fl-Ewkaristija u ssir fid-dawl tal-Kelma mismgħuha u xxerjata bit-talb.
- Il-kompożizzjoni tad-diversi Kunsilli għad-dixxerniment u deċiżjonali ta’ komunità missjunarja sinodali għandha tinkludi rġiel u nisa ta’ profil appostoliku; li jiddistngwu ruħhom qabel kollox mhux għax jiffrekwentaw regolarment il-knisja imma minħabba xhieda evanġelika ġenwina fir-realtajiet ordinarji tal-ħajja. Il-Poplu t’Alla jkun missjunarju daqskemm għandu ħila jħoss jidwi fih, fl-organiżmi ta’ parteċipazzjoni wkoll, l-ilħna ta’ min diġà jgħix il-missjoni fid-dinja u fil-periferiji tagħha.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Fid-dawl ta’ dak li qsamna bejnietna, jidhrilna li hu importanti nirriflettu dwar kif nippromwovu l-parteċipazzjoni fid-diversi Kunsilli, speċjalment meta min jieħu sehem jidhrilu li hu nieqes mill-ħila biex jagħmel dak li mitlub minnu. Is-sinodalità tisseddaq meta kull membru jagħti sehemu fil-proċessi ta’ dixxerniment u deċiżjonali għall-missjoni tal-Knisja: f’das-sens jedifikawna u jtuna kuraġġ bosta komunitajiet insara żgħar fil-Knejjes li qed jitwieldu, li kuljum jgħixu fraternament madwar il-Kelma u l-Ewkaristija.
- Fil-formazzjoni tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni ma nistgħux nibqgħu nipprokrastinaw dwar l-impenn li tana l-Papa Franġisku fl-Enċiklika Amoris laetitia. Is-sehem ta’ rġiel u nisa li qed jgħixu sitwazzjonijiet affettivi u konjugali kumplessi “jista’ jesprimi ruħu f’diversi servizzi ekkleżjali: għalhekk hemm bżonn dixxerniment dwar liema mid-diversi forom ta’ esklużjoni attwalment preżenti fl-ambjent liturġiku, pastorali, edukattiv u istituzzjonali jistgħu jingħelbu” (n. 299). Id-dixerniment dwar dan jolqot ukoll l-esklużjoni mill-organiżmi ta’ parteċipazzjoni tal-komunità parrokkjali u djoċesana li teżisti sew fi Knejjes lokali.
- Fil-perspettiva tal-oriġinalità evanġelika tal-komunjoni ekkleżjali: kif nistgħu ninsġu flimkien l-aspett konsultattiv u dak deliberattiv tas-sinodalità? Bis-saħħa tal-varjetà tad-doni ta’ kariżmi u ministeri tal-Poplu t’Alla kif nistgħu nintegraw il-ħidma ta’ konsultazzjoni, dixxerniment u deċiżjonali fid-diversi organi parteċipattivi?
Proposti
- Mill-mod kif aħna nifhmu l-Poplu t’Alla bħala suġġett attiv tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni, nissuġġerixxu li l-Kunsilli Pastorali fid-diversi komunitajiet Insara u Knejjes lokali jkunu legalment obbligatorji. Fl-istess ħin għandhom jissaħħu l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni bi preżenza xierqa ta’ lajċi rġiel u nisa, bl-għoti ta’ rwol ta’ dixxerniment bl-għan li jittieħdu deċiżjonijiet verament appostoliċi.
- L-organi ta’ parteċipazzjoni jirrappreżentaw l-ewwel ambjent li fih tingħex id-dinamika tar-rendikont ta’ min għandu dmirijiet ta’ responsabbiltà. Filwaqt li nagħmlulhom kuraġġ fl-impenn tagħhom, nistednuhom iħaddnu l-kultura tar-responsabbiltà fil-konfront tal-komunità għax huma r-rappreżentanti tagħha.
19. Il-gruppi ta’ Knejjes fi ħdan il-komunjoni tal-Knisja kollha
- Aħna konvinti li kull Knisja fi ħdan il-komunjoni tal-Knejjes għandha ħafna x’toffri għax l-Ispirtu s-Santu jsawwab id-doni tiegħu bl-abbundanza skont il-ħtiġijiet komuni. Jekk inħarsu lejn il-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu, nifhmu aktar malajr li l-membri varji tagħha huma inter-dipendenti u flimkien jaqsmu l-istess ħajja: “jekk membru jingħata l-ġieħ jifirħu lkoll miegħu” (1Kor 12,26). Għalhekk nixtiequ niżviluppaw aktar l-atteġġjamenti spiritwali li jinbtu minn dil-ħarsa: l-umiltà u l-ġenerożità, ir-rispett u l-kondiviżjoni. Huma importanti wkoll id-disponibbiltà li nsiru nafu aktar ‘il xulxin u t-twaqqif tal-istrutturi meħtieġa ħalli l-iskambju tal-għana spiritwali, tad-dixxipli missjunarji u tal-ġid materjali jistgħu jsiru realtajiet konkreti.
- It-tema tal-formazzjoni ta’ gruppi tal-Knejjes lokali dehret li hi fundamentali biex titħaddem kif imiss is-sinodalità fil-Knisja. Bi tweġiba għall-mistoqsija dwar x’għamla għandhom jieħdu istanzi ta’ sinodalità u kolleġġjalità li jinvolvu gruppi ta’ Knejjes lokali, l-Assemblea qablet li hu importanti d-dixxerniment li jagħmlu l-Konferenzi Episkopali u l-Assemblej Kontinentali biex l-ewwel fażi tal-proċess sinodali tiżvolġi kerrettament.
- Il-proċess sinodali wera kemm l-organi msemmija mill-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku u tal-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali jispjegaw b’mod aktar effikaċi -lfunzjoni tagħhom meta nifhmuhom fid-dawl tal-Knejjes lokali. Il-fatt li l-Knisja (Ecclesia tota) hi komunjoni ta’ Knejjes jitlob li kull Isqof ikun konxju u jgħix din il-ħrara għall-Knejjes kollha (sollecitudo omnium Ecclesiarum) bħala apsett kostituttiv tal-ministeru tiegħu bħala ragħaj ta’ Knisja.
- Fl-ewwel fażi tal-proċess sinodali deher ċar ir-rwol determinanti tal-Konferenzi Episkopali u ġab għad-dawl il-ħtieġa ta’ twaqqif ta’ sinodalità u kolleġġjalità fuq livell kontinentali. L-organi li joperaw f’dawn il-livelli huma kontribut għat-tħaddim tas-sinodalità bir-rispett lejn ir-realtajiet lokali u l-proċessi tal-inkulturazzjoni. L-Assemblea wriet li hi fiduċjuża li b’dal mod ikun possibbli nevitaw ir-riskju tal-uniformità u ċ-ċentraliżmu fil-gvern tal-Knisja.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Qabel ma noħolqu aktar strutturi, inħossu l-ħtieġa li nsaħħu u nagħtu ħajja ġdida lil dawk li diġa jeżistu. Hemm bżonn ukoll studju, fuq livell ekkleżjoloġiku u kanoniku dwar x’timplika r-riforma tal-istrutturi li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi tal-Knejjes sabiex jissaħħaħ il-karattru sinodali tagħhom.
- B’ħarsa lejn il-prattika sinodali tal-Knisja fl-ewwel millennju nissuġġerixxu li jsir studju dwar kif, fl-ordinament koanoniku attwali, nistgħu nġibu lura l-istituzzjonijet antiki u narmonizzawhom ma’ dawk ġodda bħalma huma l-Konferenzi Episkopali.
- Inqisu li hu neċessarju nidħlu aktar fil-fond tal-natura dottrinali u ġuridika tal-Konferenzi Episkopali, u fihom nagħrfu l-possibbiltà ta’ azzjoni kolleġġjali anki rigward kwistjonijiet ta’ duttrina li jinqalgħu fl-ambjent lokali, u b’hekk niftħu mill-ġdid ir-riflessjoni dwar il-motuproprio Apostolos suos.
- Għandha ssir reviżjoni tal-kanoni dwar il-konċilji partikolari (plenarji u provinċjali) biex permezz tagħhom tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Poplu t’Alla, fuq l-eżempju tad-dispensa li reċentement kiseb il-konċilju plenarju tal-Awstralja.
Proposti
- Fost l-istrutturi previsti mill-Kodiċi nagħmlu proposta biex ikunu msaħħin il-provinċja ekkleżjastika jew metropolita, bħala mkien ta’ komunjoni tal-Knejjes lokali tat-territorju tagħhom.
- L-awtoritajiet rilevanti għandhom jimplimentaw is-sinodalità fil-livelli reġjonali, nazzjonali u kontinentali bi qbil ma’ dak li ħareġ fid-diskussjoni dwar il-Knejjes miġburin fi gruppi.
- Nissuġġerixxu li fejn hu meħtieġ jinħatru provinċji ekkleżjastiċi internazzjonali li jkunu ta’ siwi għall-Isqfijiet li mhumiex membri ta’ ebda Konferenza Episkopali u biex immexxu ‘l quddiem il-komunjoni bejn Knejjes lil hinn mill-konfini nazzjonali.
- Fil-pajjiżi ta’ rit latin fejn hemm preżenti wkoll ġerarkija ta’ Knejjes orjentali kattoliċi, l-Isqfijiet orjentali għmadhom ġkunu msieħba mal-Konferenzi Episkopali nazzjonali, waqt li l-awtonomija governattiva tagħhom kif stabbilita mill-Kodiċi propju tagħhom, tibqa’ integra.
- Għandu jsir arranġament kanoniku tal-Assemblej Kontinentali bir-rispett lejn il-partikolaritjiet ta’ kull kontinent, filwaqt li jagħti kas tal-parteċipazzjoni tal-Konferenzi Episkopali u dak tal-Knejjes rappreżentati mid-delegati tagħhom li jġibu magħhom il-varjetà tal-preżenza tal-Poplu t’Alla.
20. Sinodu tal-Isqfijiet u Assemblea ekkleżjali
Konverġenzi
- Anki meta kienet qed iġġarrab it-toqol tal-“mixja flimkien” l-Assemblea ħasset il-ferħ evanġeliku li hi Poplu t’Alla. In-novitajiet proposti għal dal-waqt tal-mixja sinodali ġeneralment intlaqgħu favorevolment. L-aktar evidenti huma: il-qabża biex iċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu minn ġrajja jsir proċess (kif indikat fil-Kostituzzjoni Appostolika Episcopalis communio); il-preżenza ta’ membri oħrajn, nisa u rġiel spalla ma’ spalla mal-Isqfijiet; il-preżenza attiva tad-delegati fraterni; l-irtir spiritwali bi tħejjija għall-Assemblea; iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewkaristija fil-Bażilika ta’ San Pietru; il-klima ta’ talb u l-mod kif saret il-konversazzjoni fl-Ispirtu; l-istess tqassim tal-parteċipanti tal-Assemblea fl-Awla Pawlu VI.
- L-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet, filwaqt li żammet il-karattru eminentement episkopali tagħha, ħarġet għad-dawl ir-rabta intrinsika bejn id-dimensjoni sinodali tal-ħajja tal-Knisja (is-sehem ta’ kulħadd), id-dimensjoni kolleġġjali (il-ħerqa tal-Isqfijiet g]all-Knisja kollha), id-dimensjoni tal-primat (is-servizz tal-Isqof ta’ Ruma, garanti tal-komunjoni).
- Il-proċess sinodali kien żmien ta’ grazzja li mliena bil-kuraġġ. Alla qed joffrielna okkażjoni biex nesperimentaw kultura ġdida tas-sinodalità, bil-ħila li torjenta l-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Però osservajna li l-ħoqlien ta’ strutturi ta’ korresponsabbiltà mhumiex biżżejjed jekk tibqa’ nieqsa l-konverżjoni personali lejn sinodalità missjunarja. Il-proċessi sinodali, f’kull livell, ma jnaqqsux ir-responsabbiltà personali ta’ min hu msejjaħ biex jieħu sehem fihom bis-saħħa tal-ministeru u l-kariżmi tiegħu, anzi għandhom ikunu xprun għal impenn akbar.
Materji li jeħtieġu aktar studju
- Il-preżenza ta’ membri oħra, minbarra l-Isqfijiet, bħala xhieda tal-mixja sinodali kienet apprezzata ferm. Madankolllu tibqa’ l-mistoqsija dwar l-effett tal-preżenza tagħhom bħala membri sħaħ fuq il-karattru episkopali tal-Assemblea. Xi wħud jaraw ir-riskju li x-xogħol speċifiku tal-Isqfijiet ma jkunx mifhum kif suppost. Irid ikun ċar ukoll fuq liema kriterji l-membri li mhumiex Isqfijiet għandhom jissejħu biex jieħdu sehem fl-Assemblea.
- Kien hemm ukoll rapporti dwar esperjenzi bħalma kienet l-Ewwel Assemblea Ekkleżjali tal-Amerika Latina u l-Karibew, l-Organiżmi tal-Poplu t’Alla fil-Brażil, il-Konċilju Plenarju fl-Awstralja. Jibqa’ li jridu jkunu identifikati u studjati aktar fil-fond is-sinodalità u l-kolleġġjalità biex jistgħu jkunu integrati fil-ġejjieni, u ssir distinzjoni (mingħajr separazzjoni żejda) tal-kontribuzzjoni tal-membri kollha tal-Poplu t’Alla biex ikunu elaborati d-deċiżjonijiet u l-ħidma speċifika tal-Isqfijiet. L-artikulazzjoni tas-sinodalità, tal-kolleġġjalità, tal-primat m’għandhomx ikunu interpretati bħala forma statika jew linejari imma skont ċirkolarità dinamika, b’korresponsabbiltà differenzjata.
- Jekk fuq livell reġjonali hu possibbli nippjanaw passi oħra (assemblea ekkleżjali u assemblea episkopali warajha) ikun sew niċċaraw kif dan jista’ jsir b’riferiment għall-Knisja kattolika fl-assjem tagħha. Xi wħud huma tal-fehma li l-forma użata f’din l-Assemblea hi tweġiba għal din l-esiġenza, oħrajn jidhrilhom li għandha ssir assemblea episkopali wara l-assemblea ekkleżjali, biex tingħata konklużjoni għad-dixxerniment, oħrajn jippreferu li l-membri tal-assemblea sinodali għandhom ikunu biss Isqfijiet.
- Hemm bżonn studju aktar fil-fond biex ikun aktar ċar il-mod kif esperti fid-diversi dixxiplini, partikolarment it-teoloġi u l-kanonisti, jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-ħidma tal-assemblea sinodali u fil-proċessi ta’ Knisja sinodali.
- Ikun tajjeb ukoll li ssir riflessjoni dwar il-mod li bih l-internet u l-komunikazzjoni medjatika jeffettwaw il-proċessi sinodali.
Proposti
- Il-proċessi sinodali fil-livelli kollha għandhom ikunu evalwati kif jixraq.
- Għandha ssir ukoll evalwazzjoni tal-frott li ħalliet l-Ewwel Sessjonni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
BIEX IL-MIXJA TIBQA’ GĦADDEJJA
“Ma xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha?” (Mk 4,30)
Il-Kelma tal-Mulej tiġi qabel kull kelma tal-Knisja. Kliem id-dixxipli, dawk tas-Sinodu wkoll, huma biss eku ta’ dak li jgħid Hu nnifsu.
Biex iħabbar is-Saltna, Ġesù għażel li jitkellem bil-parabboli. Fl-esperjenzi fundamentali tal-ħajja tal-bniedem – fis-sinjali tan-natura, fil-ġesti tal-qasam tax-xogħol, fil-fatti tal-ħajja ta’ kuljum – sab il-metafra biex jiżvela l-misteru ta’ Alla. B’hekk qalilna li s-Saltna hija traxxendenti, mhix imbiegħda minna. Jew narawha fl-affarijiet tad-dinja inkella ma narawha qatt.
F’żerriegħa li taqa’ fl-art Ġesù ra rappreżentat id-destin tiegħu. Dak li jidher xejn, iddestinat li jitħassar (imut), madankollu huwa miżgħud b’dinamiżmu ta’ ħajja inarrestabbli, imprevedibbli, paskwali. Dinamiżmu destinat li jagħti l-ħajja, li jsir ħobż għal ħafna. Destinat li jsir Ewkaristija.
Illum, f’kultura ta’ taqbid għas-supremazija u ossessjonata mill-viżibbiltà, il-Knisja hi msejħa ttenni kliem Ġesù u ttihom il-ħajja bil-forza kollha li fihom.
“Ma xiex nistgħu nqabblu s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha?” Din il-mistoqsija tal-Mulej iddawwal il-ħidma li qed tistenniena. Mhux il-kas li nitilfu fuq ħafna fronti, niġru wara loġika ta’ effiċjenza u ta’ proċedura. Pjuttost dan ifisser li minn fost il-ħafna suġġerimenti li hawn f’dir-Relazzjoni, nisiltu dak li jidher bħala żerriegħa ċkejkna imma mimlija bil-ġejjieni u nużaw l-immaġinazzjoni ħalli naraw kif se ntuha lill-art li timmaturaha għall-ħajja tal-ħafna.
“Kif ikun dan?” saqsiet Marija ta’ Nazaret (Lq 1,34), wara li semgħet il-Kelma. It-tweġiba hi waħda: nibqgħu fid-dell tal-Ispirtu u nħallu l-qawwa tiegħu tinvadina.
B’ħarstina fuq iż-żmien li jifridna mit-Tieni Sessjoni niżżu ħajr lill-Mulej għal-mixja li għamilna s’issa u għall-grazzji li bihom berikna. Nafdaw il-fażi li jmiss fl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija, sinjal żgur tat-tama u tal-faraġ fil-mixja tal-Poplu fidil ta’ Alla u tal-Qaddisin Appostli Xmun u Ġuda, li llum hi l-festa tagħhom.
Adsumus Sancte Spiritus!
Ruma, 28 ta’ Ottubru, 2023, Festa tal-Qaddisin Appostli Xmun u Ġuda
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Aktar fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet …
SOMMARJU – BIEX IL-MIXJA TKOMPLI
KNIJSA SINODALI F’MISSJONI
INTRODUZZJONI
L-EWWEL TAQSIMA – IL-WIĊĊ TAL-KNISJA SINODALI
1. Is-sinodalità: esperjenza, nifhmuha
2. Miġburin u mibgħutin mit-Trinità
3. Nidħlu f’komunjoni ta’ fidi: l-inizjazzjoni nisranija
4. Il-foqra, protagonisti tal-mixja tal-Knisja
5. Knisja ta’ kull “tribù, ilsien, poplu u nazzjon”
6. Tradizzjonijiet tal-Knisja orjentali u tal-Knisja latina
7. F’mixja lejn l-għaqda bejn l-insara
IT-TIENI TAQSIMA – ILKOLL DIXXIPLI, ILKOLL MISSJUNARJI
8. Il-Knisja hi missjoni
9. In-nisa fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja
10. Il-ħajja konsagrata u l-għaqdiet lajkali: sinjal kariżmatiku
11. Id-djakni u l-presbiteri fi Knisja sinodali
12. L-Isqof fil-komunjoni ekkleżjali
13. L-Isqof ta’ Ruma fil-Kulleġġ tal-Isqfijiet
IT-TIELET TQASIMA – NINSĠU RABTIET, NIBNU L-KOMUNITAJIET
14. Approċċ sinodali għall-formazzjoni
15. Dixxerniment ekkleżjali u kwistjonijiet miftuħin
16. Lejn Knisja li tisma’ u takkumpanja
17. Missjunarji fl-ambjent diġitali
18. Organi ta’ parteċipazzjoni
19. Il-gruppi ta’ Knejjes fil-komunjoni tal-Knisja kollha
20. Is-Sinodu tal-Isqfijiet u l-Assemblea ekkleżjali