Il-Konċilju ta’ Efesu -2

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea. (28)

Nestorju wara Efesu

Nestorju jibqa msemmi għat-tagħlim li ġie msejjaħ għalih fil-Konċilju ta’ Efesu. Kien iżomm li l-Verġni Marija kienet omm Ġesù imma mhux omm Alla. Hi duttrina kontra t-twemmin tat-Theotokos, li proprju tfisser li Marija hi Omm Alla. Għalkemm fl-ewwel sessjoni tal-Konċilju Nestorju ġie msejjaħ għal tliet darbiet biex jidher quddiem l-Isqfijiet u l-Imperatur, huwa ġie kundannat mill-Konċilju. Permezz ta’ dikjarazzjoni, Nestorju ġie ddikjarat imneħħi minn Kap tas-Sede ta’ Kostantinopoli u l-iżbalji tiegħu kundannati.

Theotokos, Marija Omm Alla

Wara l-Konċilju f’Efesu, Nestorju tneħħa mill-uffiċċju ta’ Patrijarka u għamel xi snin ġewwa numru ta’ monasteri f’Kostantinopoli u wara spiċċa eżiljat fl-Eġittu, fejn miet aktarx għall-ħabta tas-sena 451. Għalkemm baqa’ meqjus bħala eretiku mill-knisja universali, huwa ra lil bosta minn dawk li ħaduha kontrih jiġu huma wkoll bħala Monofiżiti, (ara lezzjonijiet 38-40). Kull m’għandna mill-kitbiet tiegħu huwa speċi ta’ apoloġija msejħa l-Bażar ta’ Eraklitu, li mill-ftit li baqa’ minnu juri kemm ma kienx bniedem teoloġikament iffurmat. 

Il-Knisja Nestorjana

Nestorju miet fl-Eġittu, kundannat u maqtugħ mill-Knisja Universali, iżda fil-Lvant, lil hinn mill-Imperu Ruman, bosta mill-knejjes ċaħdu l-validità tal-Konċilju ta’ Efesu u mxew wara t-tagħlim tiegħu. Nistgħu ngħidu li fis-sena 451 kienu nqatgħu għal kollox mill-Knisja ta’ Antijokja. Ħadu f’idejhom id-Djoċesi ta’ Seleucia-Ctesiphon (tinħass Selewkja-Stesifon).

Bejn is-sena 484 u 486 l-Isqof Bar Sawma (bin is-Sawma) sejjaħ numru ta’ konċilji (mhux tal-Knisja Kattolika) fejn fihom ifformola liġijiet u kanoni ġodda għal knisja li qabel bdiet tissejjaħ il-’Knisja Qadima tal-Lvant’. Persegwitati mill-Istat Ruman, sabu protezzjoni fl-Imperu Persjan u minn hawn beda proċess ta’ ħidma missjunarja fl-Indja, l-Asja Ċentrali u fiċ-Ċina. Barra minn hekk kienu bosta t-teoloġi Nestorjani li f’dan iż-żmien formulaw teoloġija li ħarset lejn Kristu b’mod differenti minn dak li jħarsu lejh l-Insara l-oħrajn. Fost dawn insibu lil Babaj il-Kbir (miet fis-628 w.K), li hu meqjus bħala l-akbar teologu li qatt kellha din il-Knisja.

Għalkemm għall-bidu l-firxa tal-Iżlam ġabet xi taqlib, kien hemm ukoll żmien ta’ koeżistenza mal-Misilmin tant li l-Patrijarka Nestorjan kellu l-palazz tiegħu f’Baghdad, il-belt fejn kien jgħammar il-Kalif (mexxej spiritwali u politiku tal-Misilmin kollha). Fis-seklu tlettax hekk kif l-Asja kollha ġiet maħkuma mill-Mongoli, il-Knisja Nestorjana laħqet il-quċċata tagħha, b’komunitajiet imferrxa minn Ċipru fil-Mediterran sa Socotra fl-Oċejan Indjan.

Bosta kienu dawk il-mexxejja Mongoli li ssieħbu ma’ din il-Knisja u meta fl-1258 dawn ħadu Baghdad ħafna basru li l-Iżlam kien wasal fi tmiemu. Iżda l-Imperu Mongolu ddgħajjef u l-Iżlam reġa’ qam u l-Knisja tal-Lvant bdiet sejra lura. L-akbar daqqa seħħet fis-seklu 14 hekk kif mal-waqgħa tal-Mongoli fiċ-Ċina, il-knisja ġiet assoċjata ma’ dawn il-Barranin u fl-istess waqt fl-Asja deher għadu ġdid Timur Lenki jew Tamerlan (Timur iz-Zopp), mexxej Mongolu li tterorizza l-Asja kollha b’massakri u atroċitajiet li d-dinja kellha tara bħalhom biss fis-seklu 20. F’dan il-perjodu kienu eluf l-Insara Nestorjani li ġew maqtula tant li għall-bidu tas-seklu ħmistax il-ftit li kien fadal kienu jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom fil-Kurdistan b’komunitajiet oħrajn fl-Indja, Ċipru u Sokotra.

Fl-1445 dawk ta’ Ċipru ingħaqdu ma’ Ruma, bejn is-seklu 16 u 18 kienu bosta dawk il-gruppi li ngħaqdu mal-Knisja Kattolika speċjalment fejn illum hemm l-Iraq u l-Indja. Din l-għaqda waslet għal ħolqien tar-rit Siro-Malabariku fl-Indja u Kaldew fl-Iraq u l-Kurdistan. Dawk li baqgħu Nestorjani bdew isejħu lilhom infushom Assirjani u kien b’dan l-isem li bdew jiġu f’kuntatt ma’ missjunarji protestanti.

Matul l-ewwel gwerra dinjija huma taw l-appoġġ lil Alleati u spiċċaw fil-mira ta’ attakki vjolenti min-naħa tat-Torok tant illi madwar żewġ terzi minnhom sfaw maqtula f’ġenoċidju tal-biża’. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma ppruvaw jintegraw ruħhom fl-Iraq iżda mhux dejjem kien faċli tant illi bosta kellhom jemigraw lejn il-pajjiżi tal-Punent. Illum fl-Iraq dan l-eżodu qiegħed ikompli hekk kif il-vjolenza u l-inċertezza qiegħda tiżdied. Min-naħa l-oħra l-proċess ekumeniku fisser li n-Nestorjani u l-Kattoliċi qegħdin joqorbu aktar lejn xulxin u jegħlbu d-differenzi ta’ bejniethom speċjalment dwar il-persuna ta’ Kristu.   

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading