Għal Ġanna aħjar tittallab

Mill-‘Gabinetti’ ta’ San Ġorġ Preca

San Ġorġ Preca jikteb hekk dwar dan il-‘Gabinett’:

“Ġanna, mara b’saħħitha, marret titlob karità lil Dun Ġużepp. Dan qalilha: “Oħti għandha ħasla bjankerija, għandek seba’ xelini jekk taħsilhomlha.” “Naqla’ iżjed minn seba’ xelini, jekk nittallab karità bieb bieb, u jaqbilli aktar,” weġbitu. Dun Ġużepp ċanfarha fuq il-kuxjenza tagħha, u wara li għaraf min kienet u fejn kienet toqghod, mar l-għassa u rrapportaha. L-imħallef ikkundannaha għall-ħabs. “Il-karità mingħajr prudenza,” jikkonkludi Dun Ġorġ, “deni tagħmel u mhux ġid. Tajbin inkunu, iżda ġwejjeƒ le, u kif nistgħu, niddefendu l-ġustizzja. Il-bnedmin ma jibżghux mill-ġustizzja ta’ Alla, imma jibżgħu iva minn dik tal-pulizija. Ninqdew b’din biex ikun evitat id-diżordni.”

Hemm diversi ‘Gabinetti’ ta’ Dun Ġorġ dwar li għandna nitkellmu, u nieħu l-passi meħtieġa, meta xi ħadd qed jabbuża u jinganna lin-nies. Għall-ewwel taħseb li f’din l-istorja ta’ Ġanna li Dun Ġużepp indaħal iżżejjed. Għamilha ta’ investigatur, bħal Father Brown, id-detective, fir-rakkonti tal-awtur Ingliż Gilbert Keith Chesteron. Fil-‘Gabinett’ li qed insemmu, Dun Ġużepp segwa lil din il-mara u nduna li l-ambjent tagħha ma kienx wieħed ta’ ġieħ. Kien hemm bżonn l-azzjoni tal-pulizija.

Tiskanta kif issib nies li għandhom il-wiċċ li jqarrqu bl-oħrajn, u minflok ma jiddispjaċihom, jerġgħu jippjanaw biex ikomplu bil-ħażen tagħhom. U ma jinqabdux, għax kif jgħid Ġesu’, “ulied id-dlam moħħhom jilħqilhom iktar minn ulied id-dawl’. Trid toqgħod b’seba’ għajnejn. Ma tiftaħx il-portmoni quddiemhom, ma ċċempilx, jekk jitolbuk mill-mobile tiegħek fuq numru li ma tafx ta’ min hu. Nies brikkuni bħal dawn jafu jġibuk fl-inkwiet.

Għandna wkoll il-facebook. Iż-żgħar jafu kollox x’għandhom jagħmlu, għax twieldu f’din it-teknoloġija. Imma min hu adult u iktar min hekk, anzjan, jibda’ jgerfex u malajr jilagħbuh. Il-facebook sabiħ, imma jista’ jkun perikoluż. Minħabba nies li moħħhom tant jilħqilhom li jafu jużaw it-teknoloġija bl-iskop li jingannaw lil min hu vulnerabbli.

Għalhekk Dun Ġorġ jgħid, fil-‘Gabinett’: “Tajbin inkunu, imma ġwejjef le.” Għax faċli jkun hemm min jabbuża mit-tjubija tagħna. Kemm kien hemm nies li approfittaw ruħhom minn nies tal-knisja! Is-saċerdot jagħtihom kenn fil-knisja, jagħtihom jieklu u x’jilbsu, imbagħad jagħmlulu azzjoni ħażin. Hawn niftakar f’żewġ każi; min jaf kemm hawn aktar!

Seba’ snin ilu. Is-saċerdot Jacques Hamel, ta’ 85 sena, ġie maqtul fi knisja żgħira fi Franza, min wieħed li kien jagħmel karita’ miegħu u kien iħallih joqgħod fil-knisja. Ieħor, Father Olivier Maire, ta’ 60 sena, ukoll fi Franza, fil-belt ta’ Nantes. Inqatel 3 snin ilu minn wieħed mir-Rwanda, ta’ 40 sena li kien għamel karità miegħu tant li sablu post fejn joqgħod u mpjegah fil-katidral. Ir-raġel kien afdat hekk li kellu ċ-ċwievet biex jiftaħ u jagħlaq il-katidral.

Dawn stejjer li jikkonfermaw it-twissija ta’ San Ġorġ Preca li għandna nkunu nies twajbin imma noqogħu attenti min-nies brikkuni u perikolużi: “Tajbin inkunu, iżda ġwejjef le!”

Joe Galea

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading