Mill-‘Ġabinetti’ ta’ San Ġorġ Preca
Dan il-‘Gabinett’ hudwar “waħda mara li San Ġorġ Preca jagħtiha l-isem ta’ Ġeltrude. Kienet tixtri l-laħam minn ħanut ta’ fejn toqgħod. Bdiet taħseb li tal-ħanut qed jilgħab bl-użin. Dejjem b’xi uqija inqas ta’ laħam. Veru hekk kien, għax ikkonfermat billi qegħdet il-laħam li xtrat fuq il-miżien tad-dar tagħha u rriżulta li kien jiżen inqas minn kemm ħallset għalih.”
Ġeltrude bdiet taħseb li dan is-sid tal-ħanut min jaf kemm seraq matul is-snin, u rat li tkun karità lejn in-nies jekk tirrapporta lill-pulizija, speċjalment għal dawk li kienu nies foqra. Il-pulizija għamlu l-kontrolli tagħhom u sabu li l-bejjiegħ kien qed jakkwista flus aktar milli jiswew il-prodotti. Ir-raġel spiċċa l-ħabs u tilef il-permess tal-ħanut.
San Ġorġ Preca jirrimarka li għall-korrezzjoni ta’ xi brikkuni mhux biżzejjed il-kelma, iżda jenħtieġ id-dixxiplina tal-ġustizzja. Il-brikkun ma jibżax mill-ġustizzja ta’ Alla, iżda jibża’ mill-ġustizzja tal-pulizija. Għalhekk Ġeltrude nqdiet b’dan il-mezz għall-ġid tal-proxxmu li kien qed jiġi ingannat.
Din il-mara kuraġġuża, Ġeltrude, tirrappreżenta lil dawk li jagħtu sehmhom biex ikollna soċjeta’ aħjar. Xi negozji jaraw biss il-qligħ, ukoll b’mod li jmur kontra l-kmandament ‘La tisraqx’. Għal ħafna dan ma jimpurtahomx. Il-flus jagħmuhom u jwarrbu l-liġi t’Alla. Ma jibżgħux minn Alla. Allura jkun hemm bżonn il-biżgħa tal-pulizija.
Sewwa jagħmlu ħafna li meta jixtru jħarsu lejn il-prezzijiet u l-kwalità. Hawn min jaf il-prezzijiet ta’ kollox bl-amment. Jixtru mingħand min għandu prodott tajjeb u bi prezz raġjonevoli. Ma jridux min jisraqhom. Negozjant brikkun ma jiqafx mis-serq tiegħu għax filgħaxija meta jagħmel il-kontijiet ma jagħtix każ x’kont għandu m’Alla; ma jaħsibx fuq il-ġustizzja t’Alla. Forsi jinduna meta l-klijenti jibdew iħalluh u jmorru jixtru mingħand ħaddieħor.
Ġeltrude ħadmet b’mod għaqli. Imma l-importanti li dak li ġagħlha tieħu azzjoni kienet il-karità lejn il-fqir. Kienet il-virtù tal-karità li wasslitha tagħmel hekk, u mhux xi raġuni oħra. Għax mhux biżżejjed li ngergru biss u nħallu kollox għaddej. Il-ħażin hu ħażin, jagħmlu min jagħmlu. Irridu nitkellmu, nieħdu azzjoni, nipproteġu lil min qed ibati minħabba l-kilba għall-flus ta’ ħaddieħor. Hawn nies li qishom m’għandhomx kuxjenza. Ma jimpurtahomx minn Alla, l-aqwa l-flus u jisirqu fin-negozju qisu ma ġara xejn.
Xi drabi naħsbu li l-ħalliel hu dak li bil-lejl jidħol bit-torċ għand in-nies u jisraqhom. Imma hemm ħallelin li ma jinqabdux. Jistgħu jkunu dawk li bilfors ikollok bżonn is-servizzi tagħhom u għax ma tistax tagħmel mod ieħor, tiftaqar bil-kontijiet tagħhom. La jkollok bżonnhom, tibża’ jew tistħi titkellem. U kemm-il Ġeltrude hawn li jkollhom il-kuraġġ li jaħdmu kontra dak li mhux sew? Is-serq fin-negozju jidher jekk ikun ħanut żgħir, imma kemm maniġġi u ftehim fejn jgħaddu ammonti kbar.
Is-serq fil-bejgħ hu ħaġa storika. Għandu l-egħruq anke fil-Bibbja, meta Alla permezz tal-profeti jwissi lill-bejjiegħa li kienu jqarrqu fil-miżien tagħhom u b’hekk jagħmlu diffiċli l-ħajja tal-fqir li jixtri mingħandhom. Il-brikkuni kienu minn dejjem. Jaf x’għandhom jagħmlu. U llum, it-teknoloġija hi nvenzjoni oħra għal min jużaha b’detriment ta’ nies vulnerabbli. Hawn min ftaqar għax ingannawh bil-facebook. Jaħseb li se jakkwista l-flus, jagħti l-informazzjoni tal-kont tiegħu u, miskin isib li daħqu bih. Aħna obbligati li niftħu għajnejn dak li jkun, u b’karita’, anke b’rapport, fejn nistgħu nagħtu sehemna biex tonqos il-kultura tas-serq, hi ta’ liema xorta hi.
Nieħdu l-eżempju tal-brava Ġeltrude.
Joe Galea