Profil ta’ P. Ewsebju ta’ San Mikiel (Arthur Debono)
Minn Patri Juan de Bono ocd
Hemm xena fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, li fiha kien iffissat ħajtu kollha ħuna P. Ewsebju ta’ San Mikiel: dik tal-Kalvarju. Il-Ġesu’ ta’ din ix-xena, ma kienx tarbija tat-twelid, xena tant għal qalb ħuna P. Ewsebju, imma bniedem fl-aqwa ta’ saħħtu minxur fuq Salib, akkumpanjat biss mil-Missier, mill-Ispirtu s-Santu, minn Ommu Marija Verġni u mid-dixxiplu l-maħbub, flimkien ma ftit dixxipli li tista’ tgħoddhom fuq idejk. Is-Salvatur tal-bniedem li kien qiegħed iġib is-salvazjoni lill-umanita’, irridukalat mil-‘bravi’ tad-dinja, filwaqt li dawk li kollha li kellhom qalb li fehmet dak li l-għorrief, mhedhijin bil-petteggolezzi tagħhom, qatt ma setgħu jifhmu kienu qalbhom maqsuma.
Kien f’dak il-mument, li Ġesu’ minxur fuq salib qiegħed liċ-ċkejken Arthur fi ħdan l-Omm tal-umanita’, l-Eva l-Ġdida, li b’ferħ kbir ħaddnet lil dik it-tarbija mas-sider sħun tagħha, u qatt ma telqitu minn dirgħajha, filwaqt li Arthur beda jikber fl-imħabba tiegħu lejn din l-Omm tas-Sema, l-aktar billi jirreċta ta’ kulljum u bid-devozjoni, it-talba għażiża tar-Rużarju.
Sewwa sew sitt ijiem wara li għalaq sittin sena bħala presbiteru, b’ferħ li ma jistax jitfisser bil-kliem, Marija ħaditu magħha sal-belt li P. Ewsebju dejjem xtaq li jsir ċittadin tagħha: il-Ġenna. Filwaqt li kulħadd kien mehdi jiekol u jiffanga, Marija u Ġużeppi, li lejh ukoll P. Ewsebju kellu devozjoni kbira, mhux biss akkwistawlu minn Binhom Ġesu’ ċ-ċittadinanza tas-Sema għal dejjem, imma tawh ukoll kamra mimlija b’kull kumdita’ fid-dar ċkejkna tal-istess familja ta’ Nażareth. Hekk P. Ewsebju daħal is-Sema fl-aqwa tal-preparamenti li l-familja umli ta’ Nażareth kienet qiegħdha tipprepara għas-Solennita’ li sejrin niċċelebraw minn għada. Il-Presepju ħaj li jħejju ġewwa s-Sema li akkwista pastur ġdid: lil P. Ewsebju.
Ħuna P. Ewsebju kellu jterraq vjaġġ twil u xi mindaqqiet iebes u dejjem ‘il fuq, imma kien vjaġġ li wassluh biex meta kien il-mument, seta’ jisma’ l-kelma ħelwa ta’ Kristu: ‘Hawn hi Ommok’. Ir-Reġina tas-Sema u l-art li issa tpattilu talli matul ħajtu hija waħedha kienet is-Sultana ta’ qalbu.
Ukoll jekk il-fidi tat-tfajjel Arthur kibret ġewwa l-Parroċċa li tant kien iħobb tal-Hamrun, u qrib tas-Saċerdot Qaddis Malti San Ġorġ Preca, Arthur qatt ma ħass is-sejħa li jsiri saċerdot djoċesan. Hekk kif ġie f’kuntatt mal-patrijiet Tereżjani, Arthur ħass li s-sejħa tiegħu kienet il-Karmelu. Ukoll jekk attiv fil-banda ta’ San Ġużepp tal-Hamrun, Arthur ma kienx tifel tad-dinja, u l-frekwenza tiegħu ġewwa l-Azzjoni Kattolika u bi grad anqas fil-Mużew, wassluh biex jitlob li jiġi milqugħ fl-Ordni ta’ Marija: il-Karmelu. Kien tifel tal-iskola, u kien jipprometti sew ġewwa l-Lyceum fejn il-ġenituri tiegħu kienu bagħtuh, imma ma’ Pawlu għadd “kollox bħala telf ħdejn il-qliegħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesu’ Sidi” (Fil 3, 8).
Il-familja tiegħu skantat. Kif Tereżjan? Dawk jieklu biss ħut, u int il-ħut lanqas ixxommu, aħseb u ara tieklu? Saqsewh kollhom imbellha. Kif se tagħmel Arthur wissietu Mudesta? Imma għal Arthur li jkun fi ħdan Marija fl-Ordni tagħha kien aktar importanti minn kull ħaġa oħra. Ma kienx tifel żgħir issa għax kien qiegħed joqrob id-19-il-sena, imma Arthur kien deċiż, u qatt ma ħares lura, lanqas meta l-mewġ ipprova jġorru miegħu.
Ingħata l-isem reliġjuż li ma kienx jagħmel parti mit-tradizjoni tal-Provinċja ċkejkna tagħna ta’ Fra Ewsebju ta’ San Mikiel, għal famuż Provinċjal Taljan li s-Semi Provinċja tagħna kellha bejn l-1950 u l-1954, il-mibki P. Ewsebju ta’ San Mikiel (Ubezzoni), l-istess Provinċjal li ħadem qatiegħ biex titwaqqaf il-komunita’ ta’ Ta Xbiex, biex tinbena l-knisja parrokkjali ta’ Ta’ Xbiex u biex jinbena s-Santwarju li eventwalment kellu jiġi ddedikat lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ ġewwa B’Kara.
Fra Arthur beda l-formazjoni tiegħu fil-kunvent ta’ Bormla flimkien ma’ tliet żgħażagħ oħra li lkoll ġew ordnati saċerdoti. Imma tista’ tgħid li s-sieħeb li baqa’ miegħu pratikament sa’ ma miet kien P. Redent tas-Salib. Ħa l-libsa nhar il-25 ta’ Settembru tal-1955 u kellu bħala Surmast lil P. Anġ tas-Sagrament Imqaddes. Nhar it-30 ta’ Settembru tal-1956 huwa għamel il-voti reliġjużi tal-faqar, tal-kastita’ u tal-ubbidjenza. Fil-pront intbagħat flimkien ma’ sħabu ġewwa Brescia biex jistudja l-filosofija. Huwa għamel isem tajjeb f’dan il-kunvent u tgħallem mhux biss ix-xjenza filosofika, imma anki kif jagħmel presepji li pajjiżna qatt ma kien għadu ra bħalhom sa dak iż-żmien. Kien hawn li P. Ewsebju għamel il-Professjoni Solenni tiegħu nhar it-3 ta’ Ottubbru 1959.
Hekk kif temmu l-istudji tagħhom ġewwa Brescia, huma ġew imsejħa lura Malta biex għamlu t-Tejoloġija fil-kunvent tagħna. Bdew l-istudentat tagħhom ġewwa B’Kara imma ma damux ma ntbagħtu ġewwa Bormla u kellhom bħala Surmast lil P. Anselmu tal-Anġli. Wara li temmew it-Teoloġija, flimkien ma’ P. Redent inbagħtu Ruma biex jistudjaw għad-Diploma mill-Universita’ Salesjana fil-Psikoloġlija u l-Kateketika. P. Ewsebju ġie Ordnat Saċerdot eżattament 60 sena ilu nhar il-21 ta’ Diċembru tal-1963.
Malli rritornaw Malta, P. Ewsebju ġie maħtur bħala Sagristan tal-Knisja tagħna ġewwa Bormla, fejn ingħata l-konventwalita’. Kollu enerġija huwa beda jaħdem lejl u nhar biex din il-Knisja mimlija storja timxi ‘l quddiem u tkun aġġornata skond kif inftiehmu r-riformi tal-Konċilju Vatikan II. Xejn ma kien iżommu, u jekk il-bżonn kien jitlob li jkollu jimxi fuq iċ-ċinta tal-Knisja minn ġewwa, arah ma’ P. Victor tas-Sagra Familja jiġru qishom ġrieden maħruba fuq iċ-ċinta dejqa tal-knisja tagħna biex jgħaddi l-wires jew biex ibiddel xi reflector li jkun inqata, ħwejjeġ li lanqas biss nimmaġinawhom illum, imma li meta tkun żgħir ma tarax il-periklu li tkun fih.
Fl-1972 ġie elett Pirjol tal-komunita’ ta’ Bormla. Wara li temm it-tliet snin tiegħu bħala Pirjol, P. Ewsebju baqa’ konventwali Bormla sal-1984. Huwa kien attiv ħafna fil-komunita’ u mhux biss kien jorganizza serati biex jipprojetta fis-Sala tal-kunvent l-films ta’ Bud Spencer, imma l-aktar li baqa’ jissemma kien għal presepju mekkaniżżat li rnexxilu jibni l-ewwel fil-parlatorju tal-kunvent u mbagħad ġewwa l-għar li għandna fil-bitħa tal-kunvent.
Minn kull naħa ta’ Malta u Għawdex kienu jigu jammiraw dan il-presepju u kulħadd kien jiskanta dak iż-żmien kif P. Ewsebju kien jirnexxilu joħloq il-lejl u n-nhar, jew l-ilma nieżel minn għajn, jew xi raddiena ddur. Bil-kemm ma kienux jaħsbuh xi Marku Falzun kien għamel ritorn bla mistenni. Dan il-famuż presepju kien saħansitra ntagħżel biex jitqiegħed fuq il-bolol ta’ Malta fl-1979.
Il-Festa tal-Milied kienet festa wisq għal qalb P. Ewsebju u żgur li mhux b’kunbinazjoni li miet proprju waqt l-Ottava Qaddisa tal-Milied, u eżatt kif ġie amministrat lilu s-Sagrament tal-Griżma tal-morda mid-Direttur tad-Dar tal-Kleru nhar il-Festa ta’ San Ġwann Evanġelista.
Ta’ min isemmi li l-ħidma ta’ P. Ewsebju ma kienetx limitata għal kunvent. Bosta koppji żgħażagħ u familji fil-bżonn kienu jsejħulu u hu kien jgħaddilhom id-dawl fid-djar tagħhom, jew jwaħħlilhom l-iscarting mal-ħajt. Mhux ta’ b’xejn għalhekk li bosta koppji kienu jagħżlu lil P. Ewsebju biex iżewwiġhom jew biex jgħarrashom.
Fl-1984 ġie elett P. Piju ta’ Bambin Ġesu’ Provinċjal u dan ġietu l-ideja stupenda li minħabba n-nuqqas tal-patrijiet il-kunvent ta’ Tas-Silġ tinbidel f’Dar tat-Talb. Imma biex P. Piju seta’ jwettaq dik il-ħolma tiegħu kellu bżonn ta’ patrijiet ħabrieka u ddedikati għal din il-missjoni.
Għajnejn il-Provinċjal waqgħu fuq P. Ewsebju li flimkien ma’ P. Redent setgħu jibdew jaħdmu fuq dan il-proġett. It-triq ma kienetx faċli, imma P. Ewsebju u P. Redent ma qatgħux qalbhom. Pass pas bdew mill-affarijiet l-aktar bażiċi bħal iwasslu s-sistema tad-dranaġġ sal-kunvent, u ġar ta’ ħamrija biex isir id-dħul tad-Dar, sa jbattlu s-swali kollha ta’ isfel mil-fdalijiet tal-iskavi li nstabu ġewwa l-arja arkejoloġika ta’ Tas-Silġ. Bibien magħluqa sabu, imma Alla kien magħhom u bdew mixjin ‘l quddiem.
P. Ewsebju kien Superjur ta’ Tas-Silġ bejn l-1984 u l-1996 u bejn l-1999 u l-2002. Fl-1989 u fl-1990 huwa ġie magħżul mil-Papa Ġwanni Pawlu II biex imur jevanġeliżża ġewwa l-Libja flimkien mal-komunita’ Neokatekumenali li tagħha kien attiv issa għal diversi snin. Fl-1991 u l-1992 huwa ġie magħżul biex imur jevanġeliżża ġewwa l-Amerka. Dan seta’ jsir għax kellu s-support ta’ P. Redent. Għal snin twal kien ukoll Direttur Spiritwali tal-kumpanija tal-komunikazjoni Go.
Meta beda jikber u bdew jonqsulu l-forzi, P. Ewsebju kellu xewqa li jibqa’ fil-kunvent. Ma kienx faċli għal Provinċja tagħna li nakkomodaw din ix-xewqa tiegħu, b’danakollu għal erbgħa snin u nofs P. Jose’ tal-Immakulata, P. Alfred ta’ San Ġużepp u P. Juan ta’ San Ġużepp ħadu ħsiebu sija għal kull ma kien meħtieġ fil-ġisem u sija fir-ruħ, ukoll jekk issa kien marbut mal-artal l-ġdid tiegħu li spiċċat is-sodda. Iva jkollna nammettu li platt għaġin ma kien jibdlu ma’ xejn, imma mhux se jaqbad jiekol jekk qabel ma jqaddis, u kienx jiprova jorqod filgħaxija qabel ma jirreċta bid-devozjoni t-Talba tar-Ruzarju. Iva żewġ buttini ċukkulati Cadbury kienu jagħlqu l-ġurnata ta’ P. Ewsebju.
Wara li l-kundizzjoni tiegħu medika qalbet għall-agħar huwa kellu jittieħed ġewwa d-Dar tal-Kleru, wara żmien ġewwa l-isptar Mater Dei. Id-Direttur Mons Anton Portelli flimkien mas-sorijiet Qaddejja taċ-Ċenaklu u l-carers għamlu dak kollu possibli biex P. Ewsebju jibda bil-mod il-mod jirkupra. Ħajr lilhom u lil Sr Nikolina li kienet in-nurse personal tiegħu f’dawn l-aħħar xhur għal kura u l-attenzjoni matul dawn l-aħħar sebgħa xhur.
Għal P. Ewsebju dejjem kienet għal qalbu l-vokazjoni Tereżjana, u kien dejjem jitlob għal vokazjonijiet ġodda għal Provinċja tagħna. Issa konvinti li mis-Sema huwa se jbierek lil Provinċja tagħna b’vokazjonijiet ġodda.