Mill-‘Gabinetti’ ta’ San Ġorġ Preca
F’dan il-‘Gabinett’, San Ġorġ Preca jsemmi suldat ta’ ħamsa u għoxrin sena li jirritorna d-dar ta’ ommu, għarqan xraba wara mixja twila. Kif daħal id-dar, ma ssoportiex bis-sħana. Fetaħ it-twieqi u neħħa l-ġlekk u qagħad bilqiegħda għall-frisk. Kif rat hekk, ommu qaltlu: “Ibni, aħjar uff inkella aħħ!” Dan proverbju utli, għax hekk hu. M’għaddhiex wisq ħin meta lil dan is-suldat qabdu deni qawwi u kellu jgħaddi xi ġranet ġewwa. Id-deni, jikkonkludi San Ġorġ Preca, aħjar tilqagħlu milli ġġibu fuqek inti stess.
Fittex aktar minn San Ġorġ Preca u dwaru …
Deni ieħor
Id-deni b’xi mod jgħaddi. Imma hemm deni ieħor li nġibuh b’idejna. Deni li jagħmilna lsiera tiegħu. Omm is-suldat, li tat parir tajjeb lil binha, hi l-mera ta’ ġenituri li dejjem lesti biex jagħtu parir lil uliedhom. Li jrabbu tajjeb lil uliedhom u jibqgħu jakkumpanjawhom meta jikbru. Iwissuhom biex jitbiegħdu mill-perikli, mill-vizzji, mill-ħbieb kapriċċużi, jgħinuhom jitbiegħdu minn dak li hu ħażin. Ġenituri li jfakkru lil uliedhom, ukoll meta jitfarfru xi ftit, biex ma jittraskurawx il-prattika, tar-reliġjon, għax konvinti bl-importanza tal-edukazzjoni Nisranija. San Ġorġ Preca kien iħajjar għat-tagħlim tar-reliġjon u kien jgħid: “it-tagħlim it-tajjeb hu l-għajn ta’ kull ġid.”
Mingħajr ġenituri bħal omm is-suldat f’dan il-‘Gabinett’, naraw madwarna tant inkwiet minħabba trobbija mhix tajba. Forsi tal-aħħar hi gruppi ta’ adolexxenti u żgħażagħ li ħsiebhom biex jaqilgħu l-inkwiet kulfejn ikunu. Għax hemm inkwiet ġo fihom, ġej minn kultura ta’ mingħajr Alla. Kemm tiddejjaq tisma’ ċerti aħbarijiet mill-qorti. Ikunu tilfu l-kontroll għaliex ta’ madwarhom ma tawhomx l-eżempju li huma afdati li jagħtuhom. Ambjent fejn Alla ma jinħassx iwassal għal konsegwenzi koroh.
L-omm li tbandal il-benniena
Xi ħadd darba qal: “L-omm li tbandal il-benniena hi l-omm li tmexxi d-dinja.” Għax nies li għandhom f’idejhom it-tmun tal-pajjiżi darba kienu tfal. Hija klassika mill-antik li imperaturi bla qalb li waslu għal kollox, kif isemmu lill-imperatur Calligula, li ommu kienet fattur biex wasal għall-mod kiefer li mexxa l-imperu.
It-tfal u ż-żgħażagħ jikbru f’ambjent. Jekk ikun ambjent ta’ mħabba, ta’ mogħdrija, ta’ kura għal xulxin, mhux se jwassalhom għal deċiżjonijiet ta’ ħsara. Bil-kontra hemm it-trobbija ħażina. Id-destin tad-dinja xi drabi jiġi f’idejn nies li kibru f’ambjent ta’ vjolenza. Nies hekk iwasslu għal gwerra, għat-tkissir ta’ pajjiżi, għal imwiet ta’ mijiet u eluf ta’ nies, fosthom ħafna tfal kif ukoll għal tbatija kbira għar-rifuġjati. Wara persuni li d-deċiżjonijiet tagħhom qed iġibu nuqqas ta’ paċi fid-dinja, hemm dawk li ma ttrażmettewx fihom il-vera valuri, ma orjentawx lil qalbhom lejn dak li hu tajjeb.
Dan jibda miċ-ċokon. L-ewwel snin tat-tifel jew tifla. X’qed jaraw it-tfal madwarhom? Id-dar hi bejta ta’ mħabba? Kif iġibu ruħhom il-ġenituri jew il-bqija tal-familja. Tisma’ adulti jitkellmu bl-addoċċ, għajjat u ċajt goff lil xulxin, kliem ħażin u doppju sens. U ħdejhom hemm tifel jew tifla, jisimgħu kollox. X’impatt qed iħalli fuqhom l-aġir ta’ dawn l-adulti!
Ġenituri bħal ta’ lbieraħ
U fejnhom il-ġenituri li kienu jqajmu liż-żgħar tagħhom għall-Quddies, l-iktar nhar ta’ Ħadd? U kienu jmorru magħhom il-knisja? Kemm hu sabiħ li tara b’liema interess ġenituri bravi jwasslu t-tfal għall-katekiżmu u jinteressaw ruħhom f’dak li qed jitgħallmu. In-nanniet ukoll, naraw li huma lesti biex jagħtu parir lit-tfal, l-aktar meta qegħdin jikbru u meta tant għandhom xi jfixilhom. Omm is-suldat, fi żmien Dun Ġorġ, ma kellhiex mobile, ma kellhiex facebook li ma jħallihiex kwieta u attenta milli tara l-ħtiġijiet ta’ binha. Kienet moħħha hemm, attenta għas-saħħa tiegħu.
L-istorja tal-‘Gabinett’ tgħid li s-suldat qabdu d-deni. Mhemmx deni agħar mid-dnub. Imma għandna rimedju biex dan id-deni jgħaddielna. Hemm is-Sagramenti li toffrielna l-Knisja, li bihom nersqu lejn l-aqwa ħabib, bil-Quddiesa ta’ spiss u l-Qrar. J’Alla jibqa’ jkollna ġenituri li jagħtu eżempju tajjeb u pariri ta’ ġid lil uliedhom, kemm żgħar kif ukoll kbar.
Joe Galea