OMELIA TA’ ĠWANNI PAWLU II
WAQT IL-VELJA PASKWALI
Sibt il-Għid, 2 ta’ April 1983
1. Jien min jien?
Jgħaddu s-sigħat ta’ din il-Liturġija tal-velja paskwali. Ikellmuna il-qari u s-salmi responsorjali, Jidwi l-kliem tat-talb tal-Knisja. Flimkien ma’ dawn tiżviluppa ruħha l-mistoqsija: Jien min jien? X’sirt bħala nisrani? Il-mistoqsija għandha elokwenza partikolarment ħajja għalikom kollha, għeżież ħuti, li dal-lejl se tirċievu s-Sagrament tal-Magħmudija.
Imma din hija ugwalment essenzjali u fundamentali għalina lkoll, li diġa ilna nġorru ttimbrat il-karattru li ma jitħassarx tal-Magħmudija.
Din kienet il-mistoqsija l-iktar important diġa għall-ewwel ġenerazzjonijiet tal-konfessuri ta’ Kristu: Jien min jien? Min sirt permezz ta’ dan il-Lejl Qaddis?
2. Hawn aħna, qegħdin javanzaw is-sigħat tal-lejl; u l-qari tal-Vanġelu skont San Luqa jħabbar diġa dak li se jġib miegħu iż-żerniq tal-jum li se jasal. Tliet nisa, Marija ta’ Magdala, Ġovanna u Marija ta’ Ġakbu se jaslu ħdejn il-qabar u mhumiex se jsibu l-ġisem ta’ Kristu. L-istess ħaġa tkun innutata mbagħad minn Xmun Pietru.
Mill-fond tal-qabar li fih, il-Ġimgħa filgħaxija, kien mqiegħed il-ġisem ta’ Kristu, jasal leħen: “Għaliex tfittxu fost il-mejtin lil Dak li huwa ħaj? Mhuwiex hawn, irxoxta” (Lc 24, 5-6).
Nafu li dan kollu se jseħħ ma sebħ il-jum. Il-qari tal-Vanġelu skont San Luqa ikellimna diġa minn issa. B’dan il-mod il-velja tal-lejl tgħaddi fil-prospettiva tal-Qawmien mill-Imwiet.
Min jien, jien bniedem?
Min sirt minħabba l-fatt li hu, Kristu, irxoxta?
Għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna huwa sar bniedem. U għalina irxoxta.
3. Min jien, mela, jien, bniedem? Jien, nisrani?
Iwieġeb Pawlu bil-kliem tal-Ittra lir-Rumani. Dan hu kliem partikolarment important għal dawk li llejla jirċievu l-Magħmudija; fl-istess ħin, dan il-kliem huwa mportanti għall-imgħammdin kollha: “. . . Aħna tgħammidna f’Ġesù Kristu, tgħammidna fil-mewt tiegħu. Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rm 6, 3-4).
Il-ġenerazzjonijiet kollha tad-dixxipli u l-konfessuri ta’ Kristu irċivew it-tweġiba tul il-kors tal-Liturġija tal-velja paskwali. Illum qegħdin nirċevuwha aħna wkoll.
Min jien jien? Jien wieħed li ġejt mgħammed “fil-mewt tiegħu”.
Jien dak ir-“raġel xiħ” li kien imsallab ma’ Kristu, sabiex ma jkunx iktar skjav tad-dnub (cf. Rm 6, 6).
Jiena wieħed li ndfint flimkien ma’ Kristu, biex inkun nistà nimxi miegħu f’ħajja ġdida.
4. Hekk hu, tali tweġiba tingħatalna mill-misteru paskwali. Din hija t-tweġiba tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Din hija t-tweġiba tal-fidi, li tilħaq mhux biss l-isfera tal-kunċetti, imma dik stess tal-eżistenza, tal-istess realtà.
Irċievu tali tweġiba, għeżież ħuti – novizzi ta’ din il-lejla paskwali – permezz tal-Magħmudija tagħkom. U tali tweġiba nirċevuha aħna lkoll hawn miġbura, fuq il-bażi tal-Magħmudija, li rċivejna biex insiru nsara.
Fis-sena tal-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni tad-dinja, nixtiequ nerġgħu naqraw din it-tweġiba tal-velja paskwali fil-milja vivifikanti kollha tagħha. Nixtiequ nħeġġuha mill-ġdid bil-profondità kollha tal-fidi u bil-qawwa tal-konverżjoni: “. . . Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu” (Rm 6, 8).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.