IL-VATIKAN JAWTORIZZA L-FTUĦ TAL-KAWŻA GĦALL-KANONIZZAZZJONI TA’ TIFLA FILIPPINA TA’ 13-IL SENA
Il-Vatikan qed jikkunsidra li tinfetaħ il-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ Niña Ruiz-Abad, tifla Filippina ta’ 13-il sena, li mietet fl-1993 u li l-qabar tagħha sar post ta’ pellegrinaġġ.
Fis-16 ta’ Marzu 2024, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan ‘Fides’ irrapportat li l-Vatikan ta n-“nihil obstat” (“xejn ma jfixkel”) biex tibda l-kawża tal-kanonizzazzjoni għal Ruiz-Abad, li sa’ issa hi meqjusa bħala “Qaddeja ta’ Alla”, li hu -ewwel pass lejn il-qdusija. Jekk it-tfajla Filippina tiġi ddikjarata qaddisa, tkun waħda mill-iżgħar fl-istorja. L-aħbar twasslet b’ċirkolari mill-Isqof ta’ Laoag, Renato Mayugba, li nqrat fil-knejjes kollha tar-reġjun ta’ Ilocos Norte, minn fejn hi oriġinarjament Ruiz-Abad.
F’Lulju tal-2023, l-Isqfijiet tal-Filippini kienu diġà esprimew l-appoġġ tagħhom għall-ftuħ tal-kawża, li se tinfetaħ formalment fis-7 ta’ April 2024, il-Ħadd il-Ħniena Divina, fil-Katidral ta’ San Guljelmu, fil-Belt ta’ Laoag, bl-ewwel sessjoni tat-tribunal djoċesan.

Min kienet Niña Ruiz-Abad?
Niña Ruiz-Abad twieldet fil-31 ta’ Ottubru 1979 fil-belt ta’ Quezon, il-Filippini. Il-ġenituri tagħha kienu avukati u missierha miet meta hi kellha biss 3 snin. It-tifla trabbiet f’Quezon fuq il-gżira ta’ Luzon, flimkien ma’ oħtha Mary Anne. Hija attendiet l-iskola fiċ-Child Study Centre tal-Università tal-Filippini u aktar tard fl-Iskola Montessori Holy Angels, it-tnejn fi Quezon.
Omm Niña, devota tal-Ħniena Divina, marret mal-bniet tagħha lejn Sarrat, 300 mil fit-tramuntana ta’ Quezon City, f’April tal-1988 biex taħdem fid-Dipartiment tal-Ġustizzja. Ruiz-Abad bdiet l-iskola sekondarja tal-Università tal-Istat Mariano Marcos, qrib il-belt ta’ Laoag. Kellha devozzjoni qawwija lejn l-Ewkaristija u sa minn żgħira, qassmet rużarji, Bibbji, kotba tat-talb u santi fil-lokal tagħha u fl-iskola.
Meta Patri Danny Pajarillaga iltaqa’ ma’ Niña Ruiz-Abad fl-1993, mill-ewwel innota l-imħabba kbira tagħha lejn l-Ewkaristija u li kienet titlob ħafna. U hekk jiftakruha dawk li kienu jafuha: “Kienet xhieda ħajja ta’ tjubija u ta’ reliġjon. Kienet dejjem liebsa l-abjad u b’kuruna tar-Rużarju ma’ għonqha”. Fiċ-ċirkulari tall-Isqof ta’ Laoag, Renato Mayugba, semma li: “Il-ħajja ta ‘Niña kienet waħda ta’ talb, adorazzjoni, u relazzjoni intima ma Alla, ma’ Ġesù, mal-Ispirtu s-Santu u mal-Verġni Marija.”
Għexet bi qdusija l-marda tagħha
Niña Ruiz-Abad ġiet djanjostikata b’kardjomijopatija ipertrofika fl-età ta’ 10 snin u għexet bil-marda għal tliet snin b’fidi u b’ferħ evanġeliku. Fis-16 ta’ Awwissu 1993, qalbha waqfet waqt li kienet l-iskola u ttieħdet minnufih l-isptar, fejn mietet. Hija kienet midfuna f’ċimiterju pubbliku f’Sarrat u l-qabar tagħha issa huwa sit ta’ pellegrinaġġ.
“Illum”, qalet il-Konferenza tal-Isqfijiet Filippini, “it-tfal u ż-żgħażagħ huma ispirati mill-ħajja ta’ Niña Ruiz-Abad biex jgħixu ħajja mibnija fit-talb. L-istorja tagħha qed tkompli tilħaq il-qlub ta’ ħafna nies għax hija eżempju ta’ kif bl-għajnuna ta’ Alla jistgħu jingħelbu l-ostakli li jista’ jkollna.”
Joe Galea