Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa Solenni u ftuħ tal-Pellegrinaġġ Penitenzjali fit-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata. Pjazza Indipendenza, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Marija kienet l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù, mhux biss għax kienet ommu imma wkoll għax għażlet, b’rieda sħiħa, bil-kapaċitajiet kollha tal-persuna tagħha, li timxi skont kif jixtieq Ġesù. Dan għexitu b’mod speċjali fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitha. Fit-Tradizzjoni tal-Knisja nafu li kien hemm dejjem il-qima lejn dawn is-seba’ mumenti li fihom Marija għexet it-tbatija. U bħala omm, Marija tgħix it-tbatija kollha kemm hi li tista’ tgħaddi minnha kull omm, minn dakinhar sal-lum.
L-Ewwel Dulur (Lq 2:34-35)
Jekk ikollna nikkontemplaw l-ewwel dulur ta’ Marija, niltaqgħu magħha quddiem Xmun, b’Ġesù tarbija fi ħdanha. Hawn nistgħu niġbru u nikkontemplaw it-tbatijiet kollha li ġġarrab omm marbutin mat-trobbija u maċ-ċkunija tat-tarbija tagħha. Kemm tensjoni, kemm tbatija minn dawk l-ommijiet li jixtiequ jkollhom tarbija u ma jirnexxilhomx minħabba raġuni jew oħra! Kemm tensjoni, kemm tbatija dik l-omm li jkollha tarbija imma li jkollha diffikultajiet fit-tqala tagħha! Kemm taqtigħ il-qalb, kemm diffikultajiet, kemm biżgħat u kemm tamiet! Imma t-tbatijiet marbuta mat-tarbija ma jiqfux sempliċiment mat-twelid, mal-ħlas, imma jkomplu. Min jaf x’għad jiġri minn din it-tarbija! Id-diffikultajiet kollha marbuta mas-saħħa tagħha, dawk id-diffikultajiet marbuta mal-biża’ mill-futur ta’ din it-tarbija, kemm għal dik li hija saħħa fiżika u kemm għal dik li hija saħħa mentali u psikika ta’ din it-tarbija, u llum iktar minn qatt qabel!
It-Tieni Dulur (Mt 2:13-21)
Jekk ikollna nikkontemplaw it-tieni dulur ta’ Marija, it-tieni mument tat-tbatija tagħha, niltaqgħu magħha taħrab ma’ Ġużeppi, ir-raġel tagħha, lejn l-Eġittu. U hawn nistgħu niġbru dawk id-diffikultajiet kollha marbutin mat-theddid għall-ħajja spiritwali imma wkoll fiżika tat-tarbija, tat-tifel jew tat-tifla. Kemm diffikultajiet sakemm din it-tarbija tistabbilixxi ruħha, b’mod speċjali fiżikament u fis-soċjetà! Kemm problemi, kemm ħsibijiet sakemm tibda l-iskola, kemm diffikultajiet sa xħin dik l-omm tkun ċerta li, b’xi mod jew b’ieħor, din it-tifla jew dan it-tifel huma aċċettati minn sħabhom fis-soċjetà. Kemm problemi, kemm ħsibijiet, kemm iljieli mingħajr irqad tgħaddi minnhom l-omm, anki ta’ dik it-tifla jew ta’ dak it-tifel, anki fit-tfulija tagħhom!
It-Tielet Dulur (Lq 2:41-50)
Din il-preokkupazzjoni tikber mat-tielet dulur ta’ Marija, meta titlef lil Ġesù adolexxenti. U anki l-omm, sa ċertu punt, trid titgħallem titlef lil dan binha jew bintha adolexxenti. Fl-adolexxenza, it-tifel jew tifla joħorġu u jitbiegħdu mill-ħdan u mis-sikurezza tal-familja, u jibdew preokkupazzjonijiet wisq ikbar, tant li nibdew ngħidu li l-uġigħ tal-qalb hu ħafna agħar u akbar mill-uġigħ tal-ġisem. Kemm tbatija tbati dik l-omm għall-inċertezzi li toħloq l-adolexxenza ta’ binha jew ta’ bintha, il-ħbiberiji, u x’sustanzi jistgħu jagħmlu ħsara lil dan it-tifel jew din it-tifla; id-diffikultajiet marbuta mal-futur akkademiku, jekk jimxux ’il quddiem jew le, fl-iskola, fl-università… dak kollu li hu marbut maż-żgħożija, mal-adolexxenza!
Ir-Raba’ Dulur (Ġw 19:17)
U Marija tkompli fil-mixja umana tagħha u fil-mixja tagħha wara Ġesù, bħalma kull omm tkompli taffaċċja l-isfidi u d-diffikultajiet li ġġib it-trobbija. U nsibu lil Marija fir-raba’ dulur tiltaqa’ ma’ Binha fit-triq tal-Kalvarju. Kemm mumenti ma’ wliedna żgħażagħ jew fuq l-għatba tal-ħajja adulta! Kemm mumenti ta’ diffikultà jgħaddu minnhom, kemm dubji! Kemm ħsibijiet jiġuha lil dik l-omm li kieku tixtieq tinfed fil-qalb u fil-moħħ ta’ dak iż-żagħżugħ, ta’ dak it-tifel jew it-tifla tagħha adulti, imma ma tistax għax ma jippermettulhiex! Kemm diffikultajiet fil-bidu tal-ħajja adulta marbutin ma’ relazzjoni ta’ żwieġ, relazzjoni ma’ persuna oħra, ma’ djun li t-tfal tagħha jridu jieħdu biex jibdew il-ħajja tagħhom! Kemm dubji, diffikultajiet u biżgħat ikollha dik l-omm marbutin ma’ żwieġ, ma’ familja ġdida, li t-tifel jew it-tifla tagħha qegħdin jibdew! Dawn nistgħu norbtuhom, kollha kemm huma, mal-laqgħa ta’ Marija ma’ Ġesù fi triqtu lejn il-Kalvarju.
Il-Ħames Dulur (Ġw 19:18-30)
Il-ħames dulur li ġġarrab Marija meta ssib ruħha taħt is-salib ta’ Binha li qed ibati u qed imut, hu li ssib ruħha bla saħħa, mingħajr il-possibbiltà li tgħinu, mingħajr il-kapaċità li tagħmel xi ħaġa… sempliċiment tassisti għat-tbatija ta’ Binha. Kemm tbatijiet ta’ dan it-tip iġarrbu l-ommijiet anki fil-ħajja adulta ta’ wliedhom, meta jarawhom b’wiċċhom imnikket, b’moħħhom imtaqqal, b’qalbhom kiebja, imwiegħra, li ma tafx kif se taffronta d-diffikultà li qegħdin jaffaċċjaw fil-mument attwali ta’ ħajjithom! B’mod speċjali kemm ibatu n-nanniet meta jaraw lill-ġenituri nkwetati minħabba l-ulied! Dawn huma kollha tbatijiet illi l-omm iġġarrab u li Marija ġarrbet fil-ħajja tagħha ma’ Binha Ġesù.
Is-Sitt Dulur (Ġw 19:39-40)
Dawn it-tbatijiet ikomplu fis-sitt dulur ta’ Marija, meta tilqa’ fi ħdanha lil Binha Ġesù mejjet. Kemm ommijiet jilqgħu fi ħdanhom lil binhom jew binthom fil-mewt fiżika tagħhom! Kemm ħrief imutu qabel in-nagħaġ, anki fi żmienna, minħabba elf problema u diffikultà! Imma mhux biss! Kemm ommijiet jassistu għall-mewt spiritwali jew psikoloġika ta’ wliedhom! Kemm ommijiet jinkwetaw għax uliedhom adulti m’għadhomx jemmnu, telqu għalkollox lil Alla, u kemm ommijiet jinkwetaw għax uliedhom adulti spiċċaw kważi ħajjin mejtin! Minflok jgħixu ħajja li ttajjar, pożittiva, dawn isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn jgħixu fid-dwejjaq, fin-niket, fil-problemi, fid-diffikultajiet, fil-qtigħ ta’ qalb!
Is-Seba’ Dulur (Ġw 19:39-42)
Imma l-ommijiet jaslu wkoll biex iġarrbu l-esperjenza tas-seba’ u l-aħħar dulur ta’ Marija, meta tara lil Ġesù jgħib minn quddiemha u jiġi midfun mejjet. Kemm ommijiet jgħixu din l-esperjenza diffiċli u terribbli li jridu jidfnu u jaraw lil binhom jew binthom imutu qabilhom, u jgħibu minn din id-dinja, mhux b’mod li huma kienu jistennew imma ħafna qabel ma huma ħasbu li setgħet tiġri xi ħaġa traġika bħal din!
Kif għexithom id-duluri tagħha Marija?
Dawn id-duluri kollha nistgħu nsibuhom fil-persuna ta’ Marija, imma ejjew nagħmlu mistoqsija u nikkonkludu bir-risposta: Kif għexet dawn it-tbatijiet Marija? Kif irnexxielha tgħaddi minn dawn il-widien imwiegħra tal-ħajja? X’kien li żamm lil Marija, li taha l-qawwa u l-għajnuna biex taffaċċja dawn is-sitwazzjonijiet li ħafna drabi l-ommijiet jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom?
L-ewwel u qabel kollox ta’ min jirrifletti ftit illi d-duluri u l-uġigħ ta’ Marija qatt ma kienu uġigħ egoistiku. Jekk nirriflettu ftit, is-Seba’ Duluri flimkien huma t-tbatija ta’ Marija, ikkaġunata minħabba f’Binha Ġesù: tbatija ġeneruża ġejja mill-imħabba, mhix egoistika, imma għax tara lil xi ħaddieħor li tħobb għaddej mit-tbatija. U din diġà hija tagħlima kbira għalina lkoll! It-tbatija tan-Nisrani għandha, kemm jista’ jkun, tieqaf ftit fuq il-persuna tagħna nfusna. Għandna kemm jista’ jkun niffukaw fuq it-tbatija u l-uġigħ tal-oħrajn, it-tbatija tad-dixxiplu ta’ Ġesù. Tieqaf ftit, iva, fuq dak li jiġri lilna, li jiġri lill-qalb tiegħi, it-tbatija li tiġrili, marbuta mad-diffikultà fiżika jew psikoloġika tiegħi; imma t-tbatija tan-Nisrani trid kemm jista’ jkun tkun iffukata fuq it-tbatija tal-ieħor, għax hi tbatija mibnija fuq relazzjoni ġeneruża, fuq il-karità, fuq l-imħabba. Mhix xi ħaġa li tista’ tgħinna jekk aħna nieqfu nikkompatixxu lilna nfusna, jew jekk nieqfu niffukaw fuq it-tbatija tagħna u nistqarru kemm aħna msieken u nippruvaw nagħmluha ta’ msieken, b’tali mod li ħaddieħor jikkompatina u tiġih ħniena minna! Mhijiex tbatija li tista’ tgħinna, la spiritwalment u lanqas psikoloġikament… inqas u inqas fiżikament!
It-tbatija tan-Nisrani għandha tkun kemm jista’ jkun iffukata fuq l-ieħor u fuq l-oħra, fuq dak li għaddej minnu l-ieħor, fuq dak li għaddejja minnu l-oħra, b’tali mod li naraw il-Mulej kif qed isejħilna biex ngħinu lil dak jew lil dik. Ħa nkunu bħal u ma’ Marija, preżenti, nassistu sal-aħħar mument, sakemm Binha Ġesù jgħib minn fuq wiċċ din l-art bit-tama tal-Qawmien.
Imma hemm mod ieħor, importanti ħafna, li Marija tgħallimna. Ma ninsewx li fil-bidu nett ta’ ħajjitha Marija tistqarr lill-anġlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Din il-kapaċità ta’ Marija li tgħaqqad ir-rieda tagħha mar-rieda ta’ Alla hi kapaċità li ħafna drabi aħna nsibuha daqshekk diffiċli, iebsa u tqila għalina. Din il-kapaċità ta’ Marija bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla li kien fiha, jalla tgħaddi għandna lkoll, u ngħidu lil Alla kif qalet Marija u magħha: ‘Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek!’. Meta aħna naċċettaw u nilqgħu mhux biss il-Kelma ta’ Alla kif inhi miktuba, mhux biss is-sejħat li jagħmlilna l-Mulej permezz tal-Kelma tiegħu fl-Iskrittura, imma meta nilqgħu l-Kelma tiegħu li hu jibagħtilna u jagħtina fil-ħajja u l-esperjenzi li aħna ngħaddu minnhom, il-mod ta’ kif nirreaġixxu għall-istorja tagħna, għall-esperjenzi ta’ ħajjitna u għall-esperjenzi ta’ dawk li aħna nħobbu, aħna wkoll ma’ Marija rridu ngħidu: ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej; ħa jkun minni skont kelmtek!’.
Jalla din iċ-ċelebrazzjoni li ser nagħmlu, dan il-pellegrinaġġ li ser nimxu fit-toroq tagħna, iħallu fina dawn iż-żewġ attitudnijiet ta’ Marija: niffukaw iktar fuq it-tbatijiet ta’ ħaddieħor, fuq it-tbatija tan-nies ta’ madwarna billi nippruvaw ngħinuhom u nħobbuhom, kif fl-aħħar mill-aħħar it-tbatija ta’ Marija kienet iffukata kollha kemm hi fuq Binha Ġesù; u lill-Mulej, anki jekk bi tbatija jew bi ġlieda fil-qalb tagħna, anki jekk mhux faċli, nidraw ngħidulu: ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek!’.