PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 TA’ ĠUNJU 1983)
ĊELEBRAZZJONI MARJANA TA’ RINGRAZZJAMENT U TA’ IMPLORAZZJONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Katowice, 20 ta’ Ġunju 1983
1. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!
Għeżież ħuti! B’qalbi kollha nizzikom ħajr tal-istedina f’Piekary.
Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Piekary Slaskie, għas-Santwarju ta’ Omm Alla fid-dijoċesi ta’ Katowice, għandu storja ta’ bosta snin. Bħala Metropolita ta’ Krakovja kont niġi mistieden biex nippridka l-Kelma ta’ Alla fl-aħħar Ħadd ta’ Mejju, meta kien isir l-pellegrinaġġ annwali tal-irġiel u taż-żgħażagħ maskili. Dan kien avveniment speċjali fil-ħajja tal-Knisja, mhux biss fi Slesia, imma fil-Polonja kollha. Dak iż-żmien kienu jiġu f’Piekary irġiel u żgħażagħ mir-reġġjun vast industrijali, li jmur ‘il hemm mill-fruntiera tas-Slesia ta’ Katowice kemm fil-Punent, lejn Opole, kif ukoll fil-Lvant, lejn Krakovja. Illum isir l-istess, għajr li l-kwadru tal-pellegrinaġġ twessà. M’għadux laqgħa mal-irġiel, imma hija laqgħa ġenerali; mela nagħti merħba u nsellem b’qalb kbira lil dawk kollha preżenti, għeżież ħuti: irġiel u nisa, żgħożija maskili u femminili, il-familji kollha.
Attendejt għal din il-laqgħa f’Piekary sa mill-1978. Attendejtha b’perseveranza u fiduċja. U intom ukoll stennejtuha b’perseveranza u fiduċja. U meta sar possibbli, rajtu li fuq l-għolja ta’ Piekary ma stajniex noqogħdu kollha. U allura kien hemm bżonn li jittrasferixxu Piekary għal dan l-ajruport fil-viċinanzi ta’ Katowice, fejn ninsabu.Biex inkunu nistgħu nattwaw il-pellegrinaġġ tallum tal-Papa f’Piekary kien meħtieġ li din id-darba Piekary stess titlaq f’pellegrinaġġ!
2. U hekk infatti seħħ. Bħala parti mill-Ġublew tas-sitt ċentinarju ta’ Jasna Gora, illum nasal fis-santwarju ta’ Piekary, u Omm Alla tiġi mis-santwarju tagħha tilqagħni ġentilment.
Din il-laqgħa ħadet il-forma ta’ talba kbira tal-Knisja ta’ Katowice. It-talba tkompli sa minn l-aħħar Ħadd ta’ Mejju, minnmindu x-xbiha tas-Sinjura ta’ Piekary iċċaqalqet għal-laqgħa tal-lum, billi fi triqtha żaret il-parroċċi ndividwali. U llum hawn – f’dan l-ajruport – sa minn filgħodu qiegħda titkompla t-talba, li takkumpanja l-wasla tax-xbiha ta’ Piekary Slaskie. Qabel kollox hemm it-talba tar-Rużarju u flimkien miegħu l-kant, il-qari u l-meditazzjonijiet, skont il-program previst, stabbilit u attwat bi preċiżjoni kollha Slesjana.
Nistaqsi lili nnifsi: wara tant sigħat ta’ tħejjija fit-talb għad fadlilkom biżżejjed forza biex tisimgħu lil-Papa? M’intomx mxebbà u għajjenin biżżejjed?
Madankollu, it-tifkira tal-laqgħat ta’ qabel f’Piekary tgħidli li n-nies tas-Slesia u, b’mod ġenerali, il-bnedmin kollha tax-xogħol iebes ta’ dan ir-reġġjun industrijali ma jgħejjewx faċilment jitolbu. Barra minn dan, jafu jitolbu b’mod hekk “attraenti” fil-komunità kbira tagħhom, li t-talb ma jgħejjihomx. Jistà jkun li jitilqu mis-santwarju tagħhom għajjenin, imma mhux sfiniti, għaliex iġorru magħhom r-riżorsi friski tal-ispirtu tax-xogħol iebes ta’ kuljum.
3. U għalhekk nizzi ħajr lill-Knisja ta’ Katowice għal din il-laqgħa tallum. Nizzi ħajr lill-Isqof Herbert, li stedinni ħafna drabi hawn bħala Metropolita u Kardinal, u meta ddeċieda li jistedinni bħala Papa ma sabx sliem qabel ma attwa din id-deċiżjoni tiegħu. Insellem flimkien miegħu lill-Isqfijiet Józef, Czeslaw u Janusz, u lill-kleru kollu, għeżież ħuti saċerdoti, li magħhom jgħaqqduni rbit kultant mhux inqas stretti minn dawk ma ħuti, saċerdoti ta’ Krakovja. Insellem b’qalbi kollha lill-Ordnijiet reliġjużi maskili u femminili, waqt li nawgura li l-vokazzjoni evanġelika tagħhom tiffjorixxi fil-ħsad tax-xogħol kbir uman, li miegħu jiltaqgħu kuljum. Insellem lis-Seminarju maġġuri, li miegħu kont marbut fl-imgħoddi: bħala professur u bħala Metropolita ta’ Krakovja. Jalla dan is-Seminarju jkompli jiffjorixxi b’abbundanza ta’ vokazzjonijiet dijoċesani u missjunarji.
Lill-istituzzjonijiet dijoċesani industrijużi kollha (fosthom lil “Gosc Niedzielny”: “Ospiti tal-Ħadd”), ngħid, fil-preżenza ta’ Omm Alla ta’ Piekary, kif jgħidu fis-Slesia: “Szczesc Boze” (Alla jgħinkom).
Ippermettuli li nsellem ukoll lill-Kardinali Pollakki, hawn preżenti: Lill-Kardinal Primat u Metropolita ta’ Krakovja; u lill-Kardinali Tedeski: ta’ Magonza u ta’ Berlin, kif ukoll lill-Isqfijiet kollha hawn preżenti, Pollakki u barranin. Qed nara li hawn ukoll il-Kardinal John Krol ta’ Filadelfja fl-Istati Uniti. Flimkien magħkom insellem lil kulħadd.
4. Hawn nidħol fit-talba l-kbira, li tkompli mhux biss mill-aħħar Ħadd ta’ Mejju, mhux biss illum sa minn filgħodu, imma ilha għaddejja ġenerazzjonijiet, timla kull sena, kull ġimgħa u kull ġurnata.
Darba waħda – meta ma kienx għad hawn is-Slesia tallum, imma diġa kien hawn ix-xbiha ta’ Omm Alla f’Piekary – f’din it-talba inserixxa ruħu s-Sultan Pollakk Ġwanni III Sobieski, waqt li kien sejjer għall-għajnuna ta’ Vjenna.
Illum jien, L-Isqof ta’ Ruma u fl-istess ħin iben in-Nazzjon Pollakk, nixtieq ninserixxi ruħi fit-talba tas-Slesia tallum, li fix-xbiha tas-Sinjura ta’ Piekary tiffissa l-ħarsa bħal fix-xbiha tal-Omm tal-ġustizzja u tal-imħabba soċjali.
U għalhekk nixtieq ukoll nieħu l-ispunt għal din it-talba mix-xogħol multiformi, li intom teżerċitaw kull jum, meta – propju f’nofs ix-xogħol – tibdlu din it-tislima: “Szczesc Boze!” (Alla jgħinkom), “Szczesc Boze!” (Alla jgħinkom).
Huwa hekk. Biex tasal sal-għerq stess tax-xogħol uman – kemm dan ix-xogħol fl-industrija jew dak tal-art, it-tbatija tal-minatur, tal-metallurġiku jew ukoll ta’ mpjegat, jew it-tindif tal-omm fid-dar, jew it-tbatija tas-servizz sanitarju maġemb il-morda – biex nilħqu l-għerq innifsu ta’ kwalunkwè xogħol uman, hemm bżonn li jgħaqqadna ma’ Alla: “Szczesc Boze!” (Alla jgħinkom).
5. B’din it-tislima “Szczesc Boze” (Alla jgħinkom) induru lejn il-bniedem li jaħdem, u fl-istess ħin ngħaqqdu xogħolu ma’ Alla. Ngħaqqdu x-xogħol uman l-ewwelnett ma’ Alla Ħallieq. Qabel kollox, infatti, l-istess opra tal-ħolqien (jiġifieri l-ħruġ mix-xejn tal-kożmu) huwa ppreżentat fil-Ktieb tal-Ġenesi bħala x-“xogħol” ta’ Alla, maqsum fis-sitt “ijiem tal-Ħolqien”. Wara dawn is-sitt ijiem, Alla waqaf minn kull xogħol fis-sebà jum (cf. Ġen 2, 2); B’dan l-Iskrittura Mqaddsa timponi wkoll lill-bniedem bl-obbligu tal-mistrieħ, l-ubbidjenza li jagħti lil Alla l-jum qaddis.
Ix-xogħol uman huwa magħqud ma’ Alla Ħallieq. Infatti, Alla, waqt li ħalaq lill-bniedem xbiha u xebħ tiegħu, tah il-mandat biex irażżan l-art. Din l-espressjoni bibblika hija deskrizzjoni tax-xogħol partikolarment profonda u għanja bil-kontenut. Fuq l-analisi ta’ dan il-kliem bibbliku, li huwa miġbur diġa fil-Ktieb tal-Ġenesi, kelli nibbaża b’miżura rilevanti l-enċiklika Laborem Exercens, li sentejn ilu ddedikajt lix-xogħol uman.
6. Meta fuq ix-xogħol insellmu lil xulxin bis-sentenza “Szczesc Boze” (Alla jgħinkom), nesprimu b’dan il-mod ir-rieda tajba tagħna lejn il-proxxmu li jaħdem, u fl-istess ħin ngħaqqdu xogħolu ma’ Alla Ħallieq, ma Alla Redentur.
Biex jifdi lill-bniedem, l-Iben ta’ Alla sar bniedem fi-ġuf ta’ Marija Verġni ta’ Nazzaret, bl-opra tal-Ispirtu Santu. Kristu fdiena permezz ta’ salibu u l-Qawmien mill-Imwiet, billi sar ubbidjenti sal-mewt. Fl-opra tar-Redenzjoni tidħol ukoll il-ħajja kollha terrena ta’ Bin Alla, il-missjoni messjanika tiegħu magħquda mat-tħabbir tal-Vanġelu u, qabel dan, it-tletin sena ta’ ħajja moħbija, li sa mill-bidu tagħha kienet iddedikata għax-xogħol fil-ħanut maġemb Ġużeppi ta’ Nazzaret. Hekk, mela, fil-kelma tar-rivelazzjoni divina hemm stampat il-Vanġelu tax-xogħol, li l-Knisja taqra dejjem mill-ġdid u mill-ġdid tħabbar lill-bnedmin kollha. Ix-xogħol, infatti, huwa l-vokazzjoni fundamentali tal-bniedem fuq din l-art.
Qiegħed nitkellem dwar dan fis-sena li tiċċelebra l-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni. Il-Knisja kollha din is-sena tixtieq tieħu b’mod partikolarment profond il-qawwiet tagħha spiritwali mill-misteru tar-Redenzjoni. Il-bniedem tax-xogħol huwa msejjaħ ukoll biex jingħaqad, permezz tax-xogħol propju tiegħu, ma’ Kristu redentur tad-dinja, li kien ukoll “bniedem tax-xogħol”.
Dan il-kontenut kollu hekk għani jiġi miġbur f’dawn iż-żewġ kelmiet: “Szczesc Boze” (Alla jgħinkom), li hekk frekwentement wieħed jismà fil-Polonja, u b’mod speċjali fis-Slesia. Lejn Kristu, lejn il-Vanġelu tax-xogħol, lejn il-misteru tar-Redenzjoni, nersqu permezz ta’ Marija: propju permezz ta’ Dik li, fis-Santwarju tagħha ta’ Piekary, hija magħquda ma’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin tax-xogħol fis-Slesia; propju permezz ta’ Marija, li hawn fis-Slesia hija meqjuma bħala l-Omm tal-ġustizzja u tal-imħabba soċjali.
7. Ix-xogħol uman, infatti, jinsab fiċ-ċentru tal-ħajja soċjali kollha. Permezz tiegħu jiffurmaw ruħhom il-ġustizzja u l-imħabba soċjali, kemm-il darba s-settur kollu tax-xogħol ikun immexxi minn ordni soċjali ġust. Jekk din l-ordni tkun nieqsa, minflok il-ġustizzja tintroduċi ruħha l-inġustizzja u minflok l-imħabba l-mibegħda.
Waqt li dduru lejn Marija bħala Omm il-ġustizzja u l-Imħabba soċjali, għeżież ħuti, bħala ħaddiema tas-Slesia u tal-Polonja kollha, tixtiequ tesprimu kemm huwa għal qalbkom propju dak l-ordni morali, li għandu jmexxi s-settur tax-xogħol.
Id-dinja kollha segwiet, u għadha ssegwi b’emozzjoni, il-ġrajjiet li seħħew fil-Polonja minn Awissu tal-1980. Il-ħaġa li b’mod partikolari ġegħlet tirrifletti lill-opinjoni pubblika vasta kienet il-fatt li f’dawn il-ġrajjiet kellu x’jaqsam qabel kollox l-ordni morali stess li jirrigwarda x-xogħol uman, u mhux iż-żieda fis-salarju biss. Laqtet ukoll iċ-ċirkustanza li dawn il-ġrajjiet kienu ħielsa mill-vjolenza, li ħadd ma ġarrab il-mewt jew xi feriti għalihom. Fl-aħħarnett ukoll il-fatt li l-ġrajjiet tad-dinja Pollakka tax-xogħol tas-snin tmenin kellhom fihom is-sinjal sinifikanti reliġjuż.
Ħadd mela m’għandu għalfejn jistagħġeb li hawn fis-Slesia – f’dan il-kbir “ċentru tax-xogħol” – tiġi meqjuma l-Omm ta’ Kristu bħala Omm il-ġustizzja u l-imħabba soċjali.
8. Ġustizzj u mħabba soċjali jfissru propju milja tal-ordni morali, marbut mas-sistema sħiħa soċjali u b’mod partikolari mas-sistema tax-xogħol uman.
Ix-xogħol jikseb il-valur fundamentali tiegħu mill-fatt li jiġi mwettaq mill-bniedem. Fuq dan tibbaża ruħha d-dinjità tax-xogħol, li għandha tkun irrispettata mingħajr ma jitqies liema tip ta’ xogħol il-bniedem iwettaq. L-essenzjali hu li dan iwettqu l-bniedem. Billi jwettaq xogħol kwalunkwè, huwa jittimbra fuqu nnifsu s-sinjal tal-persuna: tax-xbiha u xebħ ma’ Alla nnifsu. Huwa mportanti wkoll il-fatt li l-bniedem iwettaq ix-xogħol għal xiħadd, għall-oħrajn.
Ix-xogħol huwa wkoll obbligu tal-bniedem: kemm quddiem Alla kif ukoll quddiem il-bnedmin, kemm quddiem il-familja tiegħu, kemm quddiem in-Nazzjon, quddiem is-soċjetà li minnha jagħmel parti.
Għal dan l-obbligu – jiġifieri id-dmir tax-xogħol – jikkorrispondu wkoll id-drittijiet tal-bniedem tax-xogħol, li għandhom ikunu ifformulati fil-kuntest vast tad-drittijiet umani. Il-ġustizzja soċjali tikkonsisti fir-rispett u fl-attwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-membri kollha ta’ soċjetà partikolari.
Fuq dan l-isfond jakkwistaw elokwenza ġusta dawk id-drittijiet, li jirrigwardaw direttament ix-xogħol imwettaq mill-bniedem. Miniex se nidħol fid-dettalji, se nsemmi biss dawk l-iktar importanti. L-ewwelnett, id-dritt għal salarju ġust, ġust, jiġifieri tali li jkun biżżejjed ukoll għall-manteniment tal-familja. Imbagħad, id-dritt għall-assikurazzjoni f’każ ta’ inċident fuq ix-xogħol. U wkoll id-dritt għall-mistrieħ (niftakar kemm-il darba missejna f’Piekary l-kwistjoni tal-Ħadd ħieles mix-xogħol).
9. Mal-isfera tad-drittijiet tal-ħaddiema tingħaqad ukoll il-problema tas-sindakati (Unions). Infakkar dak li għal dan il-għan ktibt fl-enċiklika Laborem Exercens (n. 20): “. . . is-sindakati moderni kibru fuq il-bażi tat-taqtigħa tal-ħaddiema, tad-dinja tax-xogħol u, l-ewwel u qabel kollox, tal-ħaddiema ndudstrijali, għall-protezzjoni tad-drittijiet ġusti tagħhom fil-konfront tal-imprendituri u tal-propjetarji tal-mezzi ta’ produzzjoni. Id-difiża tal-interessi eżistenzjali tal-ħaddiema fis-setturi kollha, li fihom jidħlu fis-seħħ d-drittijiet tagħhom, tikkostitwixxi d-dmir tagħhom. L-esperjenza storika tgħallem li organizzazzjonijiet ta’ dan it-tip huma element indispensabbli tal-ħajja soċjali, speċjalment fis-soċjetajiet industrijalizzati moderni. Dan, evidentement, ma jfisserx li ħaddiema tal-industrija biss jistgħu iwaqqfu assoċċjazzjonijiet ta’ dan it-tip. Ir-rappreżentanti ta’ kull professjoni jistgħu jinqdew biex jassikuraw d-drittijiet rispettivi tagħhom. Jeżistu, mela, is-sindakati tal-bdiewa u tal-ħaddiema tal-ħsieb . . ., dawn huma esponenti tal ġlieda għall-ġustizzja soċjali, għad-drittijiet ġusti tan-nies tax-xogħol skont il-professjonijiet singuli” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 20). Wara l-enċiklika titkellem ukoll dwar dmirijiet, tal-mod, tal-limiti tal-attività tas-sindakati.
F’dan l-ispirtu jien ippronunzjajt ruħi fix-xahar ta’ Jannar 1981 waqt l-udjenza konċessa fil-Vatikan lid-Delegazzjoni ta’ Solidarnosc ikkumpanjata mid-Delegat tal-Gvern Pollakk għall-kuntatti permanenti tax-xogġol mas-Santa Sede.
U hawn, fil-Polonja, il-Kardinal Stefan Wyszynski qal: “Dan huwa d-dritt tal-bnedmin li wieħed jassoċja ruħu; dan mhuwiex dritt mogħti minn xiħadd, ladarba huwa dritt intrinsiku tiegħu stess. Għalhekk dan id-dritt mhuwiex mogħti lilna mill-Istat, li għandu biss id-dmir li jipproteġih u jgħasses li dan ma jkunx miksur. Dan id-dritt mogħti mill-Ħallieq, li għamel lill-bniedem bħala esseri soċjali. Mill-Ħallieq jieħu l-karattru soċjali tal-aspirazzjonijiet umani, il-bżonn li jassoċjaw u jingħaqdu ma’ xulxin” (Stefan Wyszynski, Discorso, 6 ta’ Frar 1981).
10. Hekk, mela, għeżież, il-kustjoni li hemm fis-seħħ fil-Polonja fl-ark tal-aħħar snin tippossiedi sens morali profond. Din ma tistax tkun solvuta b’mod differenti, għajr fuq it-triq ta’ djalogu veru tal-awtorità mas-soċjetà. Għal tali djalogu l-Episkopat Pollakk sejjaħ ħafna drabi.
Għaliex il-ħaddiema fil-Polonja – u, wara kollox, kullimkien fid-dinja – għandhom id-dritt għal tali djalogu? Għaliex il-bniedem li jaħdem mhuwiex biss strument ta’ produzzjoni, imma wkoll suġġett, li fil-proċess kollu tal-produzzjoni għandu l-preċedenza quddiem il-kapital. Il-bniedem permezz ta’ xogħolu, jsir l-operatur tal-bank tax-xogħol, tal-proċess tax-xogħol, tal-prodotti tax-xogħol u tad-distribuzzjoni tagħhom. Huwa dispost ukoll għas-sagrifiċċji meta jħossu ko-operatur u jistà jinfluwixxi fuq id-distribuzzjoni ġusta ta’ dak li rnexxielu jipproduċi fl-istess ħin .
11. Ejjew induru lejn Marija bħala Omm tal-ġustizzja soċjali, sabiex dawn il-priipji fundamentali tal-ordni soċjali, li minnhom jiddependi l-veru sens tax-xogħol uman, u flimkien miegħu s-sens tal-eżistenza tal-bniedem, jerġgħu jilbsu forma rejali ta’ ħajja soċjali tal-art tagħna. Infatti l-bniedem ma jistax jaħdem, meta ma jarax is-sens ta’ xogħolu, meta dan is-sens m’għadux aktar trasparenti. Meta jiġih sa ċertu sens imċajpar. Għalhekk ejjew indawru talbitna ħerqana lill-Omm il-ġudstizzja soċjali, sabiex terġà tagħti s-sens lix-xogħol, xogħol tal-bnedmin kollha fil-Polonja.
Fl-istess ħin ejjew insejħu lil Marija bħala Omm l-imħabba soċjali. Waqt li nipprattikaw il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali tkun possibbli l-imħabba, li dwarha kellem Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 13, 34).Din l-imħabba soċjali mhi xejn għajr iċ-“ċiviltà tal-imħabba” kostantament imfakkra mill-Papa Pawlu VI, li lejha rridu niddirieġu l-iżvilupp kollu tal-ħajja tas-soċjetà u tal-ħajja internazzjonali.
Fost oħrajn huwa qal: “Ċiviltà li, propju għaliex oriġinata mill-imħabba għall-umanità u ntiża biex tgħinha tgawdi l-esperjenza beata, trid tkun indirizzata għar-riċerka u għall-affermazzjoni tal-valuri veri u sħaħ tal-ħajja, dan ukoll itaffi . . . in-nuqqas ta’ fehim, id-diffikultajiet, l-oppożizzjonijiet” (Pawlu VI, Allocutio in Audientia generali, 21 gennaio 1976: Insegnamenti di Paolo VI, XIV [1976] 41).
12. L-imħabba hija ikbar mill-ġustizzja. U l-imħabba soċjali hija ikbar mill-ġustizzja soċjali. Jekk inhu veru li l-ġustizzja għandha tħejji l-art għall-imħabba, allura l-verità ferm iktar kbira hija li l-imħabba biss tistà tassigura l-milja tal-ġustizzja. Hemm bżonn mela li l-bniedem ikun tassew maħbub, jekk għandhom ikunu assigurati pjenament, Id-drittijiet tal-bniedem. Din hija d-dimensjoni ewlenija u fundamentali tal-imħabba soċali.
It-tieni dimensjoni hija l-familja. Il-familja hija wkoll l-iskola ewlenija u essenzjali tal-imħabba soċjali. Hemm bżonn li nagħmlu kollox, sabiex din l-iskola tkun tistà tibqà li hi. Fl-istess ħin, il-familja għandha tkun hekk qawwija b’Alla – jiġifieri bl-imħabba reċiproka ta’ dawk kollha li jiffurmawha – li tkun taf tibqà sur għall-bniedem f’nofs il-kurrenti distruttivi u l-provi dolorużi kollha.
Dimensjoni ulterjuri tal-imħabba soċjali hija Art Twelidna: l-ulied subien u bniet tal-istess Nazzjon jibqgħu fl-imħabba tal-ġid komuni, li jiksbu mill-kultura u mill-istorja, billi jsibu fihom is-sosten għall-identità soċjali tagħhom u fl-istess ħin billi jfornixxu dan is-sosten lill-proxxmu, lill-konnazzjonali. Dan iċ-ċirku tal-imħabba soċjali għandu sinifikat partikolari fl-esperjenza storika Pollakka tagħna, u fil-kontemporanjetà tagħna.
L-imħabba soċjali hija miftuħa lejn il-bnedmin kollha u lejn il-popli kollha. Jekk din tifforma ruħha b’mod profond u solidu fiċ-ċrieki fundamentali tagħha (il-bniedem, il-familja, Art Twelidna), allura tissupera wkoll fi sfera iktar wiesgħa.
13. Hekk, mela, għeżież parteċipanti għal-laqgħa tallum fis-Slesia, aċċettaw mill-ġdid għal darb’oħra, mingħand il-konnazzjonali u suċċessur ta’ Pietru f’din l-komunità kbira tagħna l-Vanġelu tal-ġustizzja u tal-imħabba soċjali. Jalla dan jgħaqqadna b’mod profond madwar Omm Kristu fis-santwarju tagħha f’Piekary, hekk għaqqdet ġenerazzjonijiet sħaħ.
Jalla dan jinfirex bħal raġġi b’mod wiesà fuq il-ħajja tal-bnedmin tax-xogħol iebes fis-Slesia u fil-Polonja kollha.
Ejjew infakkru mill-ġdid lill-ħaddiema kollha mejtin, dawk li ġralhom inċidenti mortali fil-minjieri jew f’postijiet oħra, dawk li reċentement tilfu l-ħajja fi ġrajjiet traġiċi. Kollha.
Qiegħed jistenniena, għalina li qegħdin ngħixu, sforz kbir morali marbut mal-Vanġelu tax-xogħol: l-isforz li jimmira biex jintroduċi fil-ħajja Pollakka l-ġustizzja u l-imħabba soċjali.
Taħt is-sinjal ta’ Marija – bil-għajnuna tagħha!
Għal dan l-isforz u għal din it-tbatija: “Szczesc Boze” (Alla jgħinkom)!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb