Minn Edward Tagliaferro
Kien hemm ġurdien li kien jgħix f’razzett żgħir. Kull meta kien ikollu bżonn joħroġ mit-toqba tiegħu, l-ewwel kien jgħasses sew biex jara li m’hemm ħadd. Darba induna li kien hemm il-bidwi fil-kamra. Wara ftit telaq, u l-ġurdien, inkiss inkiss, beda ħiereġ biex imur ifittex x’jiekol. F’daqqa waħda ntebaħ li l-bidwi kien poġġa nassa b’biċċa ġobon tfuħ taqsam il-qlub. Il-ġurdien qabdu paniku sħiħ: “Nassa! Nassa! Ajjut!” Dan għaliex ommu kienet għallmitu li nassa tfisser periklu kbir u għandu joqgħod ‘il bogħod minnha biex ma jkunx jista’ jxomm il-ġobon.
Hekk kif kien imwerwer, telaq jiġri jsib it-tiġieġa. Bil-ħniena kollha talabha tgħinu. “Jien lill-bidwi ntih bajda kuljum. Hu jżoqqni tajjeb u żgur li m’hemmx periklu għall-ħajti. Issa, itlaq ‘l hemm u ħallini bi kwieti.”
Il-ġurdien, b’qalbu maqsuma, mar jiġri jfittex l-għajnuna tan-nagħġa. Din qaltlu, ‘Jien nagħti lill-bidwi suf abjad silġ biex jużah hu jew ibiegħu. Billi għandu bżonni, jien m’għandiex x’ninkedd.”
L-aħħar tama għall-ġurdien kienet il-baqra. “Din tgħini żgur biex tneħħili l-perklu,” qal bejnu u bejn ruħu. Iżda l-baqra qaltlu, “Jien lill-bidwi ntih barmil ħalib bnin kuljum. Dak li ma jużax, ibiegħu. Żgur se jibqa’ jieħu ħsiebi bħal dejjem.” Il-ġurdien kollu sogħbien mar jistaħba fit-toqba tiegħu, iżda għadda minn triq oħra biex żgur jevita n-nassa.
L-għada filgħodu sema’ ħoss kbir u twerżieq. Serp inqabadlu denbu fin-nassa, u malli l-mara tal-bidwi ġiet tara x’ġara, is-serp gidimha. Tgħidx kemm għajtet u werżqet. Malajr telgħalha d-deni, u t-tabib qal lill-bidwi biex itiha l-mediċina li kitbilha. Iżda d-deni ma riedx jinżlilha u għalhekk ħaseb li naqra brodu tat-tiġieġ għandu jtuqha. B’hekk tilfet ħajjitha t-tiġieġa.
Il-mara baqgħet sejra għall-agħar sakemm mietet. Ħafna qraba ġew għall-funeral mill-bogħod. Wara l-funeral, il-bidwi qatel lin-nagħġa biex jitma’ lill-mistednin. L-għada kellu jħallas l-ispejjeż tal-funeral imma ma kellux biex. Għalhekk ħa l-baqra l-biċċerija.
Kieku l-ġurdien sab l-għajnuna, forsi sħabu l-annimali ma kinux jitilfu ħajjithom. It-tiġieġa setgħet tfaqqa’ l-molla tan-nassa b’munqarha, u n-nagħġa u l-baqra b’difrejhom kbar ta’ saqajhom. Forsi b’hekk is-serp ma kienx jaqbad denbu, u ma kienx jigdem lill-mara tal-bidwi.
Mela tajjeb li nagħtu każ tal-problemi tal-oħrajn, għax meta nagħmlu l-ġid lil xi ħadd, ħafna drabi, xi ftit jew wisq dan il-ġid se jerġa’ jiġi fuqna. Id-dinja sejra lura minħabba l-aġir ta’ ħafna nies ħżiena, imma iktar u iktar imħabba l-apatija u l-indifferenza tan-nies tajbin.