Ġwanni Pawlu II waqt żjara fl-isptar Villa Albani ta’ Anzio

ŻJARA FL-ISPTAR «VILLA ALBANI» TA’ ANZIO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 3 ta’ Settembru 1983

Għeżież ħuti morda!

1. Bi tqanqil profond ninsab f’nofskom għal din iż-żjara tiegħi, qasira imma qawwija: ridt niġi biex inwasslilkom personalment it-tislima ta’ mħabba tiegħi u biex nenfasizza li intom preżenti dejjem fi ħsiebi u f’talbi.

Flimkien magħkom nixtieq ukoll insellem lir-ragħaj tad-dijoċesi, Monsinjur Dante Bernini, Monsinjur Emanuele Clarizio, Arċisqof titulari  ta’ Anzio, lis-Sindku tal-Belt, lill-President tal-Għaqda sanitarja lokali, lill-President tal-Kumitat ġenituri tad-diriġenti, lill-qraba tagħkom, lill-ħbieb u lil dawk kollha li llum jinsabu f’dan il-post ta’ niket u ta’ tama; ħsieb speċjali ta’ rispett rispettuż nindirzza  lir-responsabbli tal-Isptar, lill-primarji, lit-tobba, lill-istaff paramediku, lill-kollaboraturi kollha fl-ispeċjalizzazzjonijiet kollha differenti, kif ukoll lir-reliġjużi rġiel u nisa, li joffru servizz, u lil dawk kollha li jassistu u jgħinu lill-morda, b’imħabba u dedikazzjoni. Niftakru sew l-esklamazzjoni tal-Imgħallem Divin: “Ejjew għandi intom li intom għajjenin u mtaqqlin!”.(cf. Mt 11, 28). Jien ukoll inħoss il-bżonn u d-dmir li niltaqà mal-morda, mal-anzjani, u mal-persuni kollha li jbatu. Ninsab hawn magħkom, f’dan l-isptar ta’ Anzio, l-ewwelnett biex nawguralkom il-fejqan: għal dan il-għan tinsabu hawn miġbura u għal dan jaħdmu t-tobba u l-kollaburaturi tagħhom; u dan tistennew intom, morda, flimkien mal-familjari tagħkom, b’ansjetà u b’apprensjoni. Ejjew nitolbu b’fiduċja sħiħa u nitolbu lill-Mulej li din ix-xewqa titwettaq mill-iktar fis possibbli.

Fl-istess ħin, ninsab hawn biex inwasslilkom il-kelma tal- inkuraġġiment u tal-fidi nisranija. U xi jgħid il-messaġġ ta’ Kristu b’mod partikulari fir-rigward tat-tbatija u tal-mard? Ġesù b’kelmtu divina, u għalhekk assoluta u deċiżiva, u wkoll bl-eżempju tal-passjoni u l-mewt  tiegħu fuq is-Salib, ixandar li t-tbatija mhix għalxejn: din, b’mod misterjuż, imma realment tidħol fil-pjan rovidenzjali tal-ħolqien u tar-Redenzjoni tal-umanità, bħala purifikazzjoni mid-dnub li jattakka n-natura umana; bħala tagħlim dwar il-valuri traxxendentali u eterni; bħala xewqa għall-ħajja feliċi vera u awtentika f’Alla u ma’ Alla. Għal dan il-għan San Pawl, waqt li jikteb lir-Rumani, jgħid: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina!” (Rm 8, 18). 

2. Bla dubju li dak li jkun jibqà mħawwad quddiem il-preżenza tal-mard meta dan jattakka ħajjitna, kemm quddiem l-oċean immens tan-niket, li jkebbeb l-istorja umana, tal-imgħoddi u tal-preżent, Bdanakollu, id-dawl tal-fidi jġegħlna naraw fin-nofs ta’ dan il-kalvarju tal-istorja s-Salib ta’ Kristu qatt ħadd mhu minsi, abbandunat, emarġinat mill-Iktar Għoli! U ħadd – jerġà jgħid San Pawl – ma jistà jifridna mill-imħabba ta’ Kristu! (cf. Rm 8, 35. 39). Għalhekk, għeżież morda u intom li qegħdin tisimgħuni, ibqgu fl-imħabba u fid-dawl ta’ Kristu!  Żommu tixgħel il-lampa tal-fiduċja u tal-kunfidenza! “Infatti  intom ilkoll ulied id-dawl u ulied il-jum – jassikura l-appostlu –; aħna  m’aħniex tal-lejl, linqas tad-dlamijiet! . . . Alla ddestinana . . . għall-akkwist tas-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex sew jekk ngħassu u sew jekk norqdu, ngħixu flimkien miegħu” (1 Ts 5, 5. 9-10).

Għad għandi f’moħħi l-viżjoni ta’ tant morda li ltqajt magħhom xi ftit jiem ilu ħdejn il-Grotta ta’ Massabielle, f’Lourdes. Marija Santissma dehret għal tmintax-il darba liċ-ċkejkna Bernardetta u wettqet tant mirakli u tant konverżjonijiet, unikament biex issabbar u tikkonferma l-fidi tagħna f’Alla, fi Kristu u fil-Knisja; unikament sabiex inżommu dejjem il-lampa tal-fidi mixgħula, ukoll fil-waqtiet tat-tbatija, ukoll fid-deżolazzjoni tad-dinja moderna, li tħossha hekk deluża u mhedda. Ejjew nintelqu b’fiduċja totali f’Alla, li jħobb u jmexxi id-destin tal-istorja umana.

3. Ġejt hawn ukoll biex nagħmel is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof lil xi wħud minn ħutna, imdawrin mill-imħabba komuni tagħna u mis-solidarjetà u l-komunjoni tagħna nisranija, Dawn se jirċievu tali sagrament, li jirrapreżenta stadju ta’ importanza partikolari fil-“Bidu Nisrani”, matul is-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni, li tfakkarna is-Sagrifiċċju mwettaq minn Kristu għalina u għas-salvazzjoni tagħna. Permezz ta’ dan is-Sagrament huma se jintrabtu b’mod iktar perfett mal-Knisja, li fiha kienu diġa nkorporati bil-Magħmudija; se jkunu mogħnija b’qawwa speċjali tal-Ispirtu Santu u b’tali mod se jkunu mpenjati b’mod iktar strett biex ixerrdu u jiddefendu l-fidi bħala xhieda veri ta’ Kristu (cf. Lumen Gentium, 11).

Hemm bżonn li nħossu, f’din iċ-ċirkustanza sinifikattiva, il-ferħ u l-kburija tat-tkabbir kontinwu tal-Knisja, li llum tara f’dawn il-kreżimandi ġodda dawk li, imqawwija mill-virtù tal-Ispirtu Santu, se jkunu ta’ eżempju għall-oħrajn bi tjubithom, bis-sempliċità tagħhom, imma fuq kollox bit-tbatija tagħhom, li tgħaqqadhom b’mod speċjali ma’ Kristu msallab.

Nittama tassew minn qalbi li dan l-isptar storiku “Villa Albani” ta’ Anzio, bi prestiġju dejjem ikbar u b’qawwa mġedda, ikompli l-opra ta’ assistenza manifika u ta’ kura tal-morda, permezz tal-kontribuzzjoni u l-kontribut ġeneruż u diżinteressat tal-kategoriji kollha u fil-livelli kollha. U takkumpanjakom dejjem l-barka apostolika tiegħi, li b’imħabba kbira nagħtikom u nestendiha lill-persuni kollha għeżież għalikom.


Kif hi drawwa tal-ewwel Sibt ta’ kull xahar, il-Qdusija Tiegħu imexxi filgħaxija r-reċta tar-Rużarju Mqaddes imxandra mir-Radju Vatikan. Wara r-reċta tar-Rużarju, il-Papa jindirizza t-tislima tiegħu lil diversi gruppi.

Issa rrid inwassal it-tislima kordjali tiegħi lil ħuti tal-opra tal-assistenza Morda immankati, li riedu jitilgħu hawn fuq biex jirreċitaw miegħi r-Rużarju Mqaddes: nagħtikom merħba! Feħsiebni wkoll niżżi ħajr għaż-żjara lill-Isqfijiet u s-saċerdoti li akkumpanjawhom, kif ukoll lir-reliġjużi uill-voluntarji li jgħinuhom.

X’konfort huwa dan għalija li naf li intom, u tant parsuni oħra bħalkom, titolbu u toffru nkonvenjenzi u tbatijiet b’sosten tal-ministeru apostoliku tiegħi. Ir-Redenzjoni kellha l-waqt tal-quċċata tagħha fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, li f’din is-Sena Ġubilari qegħdin infakkru b’mod partikolari. Kull impenn biex nattwalizzaw l-efett imiss il-quċċata tiegħu fl-offerta tat-tbatija ta’ kull wieħed u waħda f’komunjoni ta’ mħabba ma’ Kristu mejjet u rxuxtat.

Jalla kull wieħed u waħda minnkom jgħixu kull waqt tal-eżistenza propja f’din il-prospettiva mdawla, billi niksbu l-inċentiv dejjem imġedded biex tħobbu u taqdu lil Kristu f’ħutkom. Jien qribkom bi mħabba kbira u nbierek lilkom, u lill-assistenti l-oħra tal-Opra u lil dawk li għalikom  jagħmlu mill-aħjar li jistgħu b’ġenerożità qaddisa u spirtu evanġeliku.

Inwassal tislima kordjali lill-pellegrinaġġ ta’ Würzburg immexxi mill-Isqof Paul Werner Scheele. Nawguralkom li tagħmlu esperjenza profonda tal-komunjoni tagħkom u tal-appartenenza tagħkom lill-Knisja kollha.

B’ferħ partikolari insellem, minħabba l-vista pastorali imminenti tiegħi, lil grupp li ġie mill-Awstrija, il-“Corale San Filippo”. Is-servizz sabiħ tagħkom, li permezz tiegħu, wieħed jistà jgħid, intom tajtu l-ġwienaħ lit-talb tal-komunità, jistà jqawwikom fil-fidi, fit-tama u fil-karità u biex tapprondixxu ruħkom dejjem iktar.

Miġjuba għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading