IL-VILLAĠĠ OLIMPIKU ART TA’ MISSJONI

Inizjattiva mill-Knisja Franċiża

F’dan is-sajf, il-Knisja fi Franza se tkun parti mill-festa ta’ sport li se jipprovdi l-Logħob Olimpiku Pariġi 2024 li se jsir bejn is-26 ta’ Lulju u l-11 ta’ Awwissu. Il-Knisja fi Franza se tagħmel dan bi programm li tħejja għal din l-okkażjoni b’attivitajiet li joffru spazju għal Quddies, talb u laqgħat, merħba u akkumpanjament bil-ħsieb li jkunu ta’ għajnuna għall-atleti u għal dawk li se jkunu f’Pariġi u fil-villaġġi ta’ madwar biex igawdu mill-qrib dan l-avveniment. Hemm ukoll imħejjija manifestazzjonijiet ta’ ferħ u fraternità kif jixraq lil din iċ-ċelebrazzjoni ta’ sports.

Il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju se ssir Quddiesa ċelebrata mill-Arċisqof ta’ Pariġi fil-knisja tal-Madeleine fil-preżenza ta’ Thomas Bach, il-president tal-Kumitat Internazzjonali Olimpiku (IOC) fejn jingħata bidu għall-inizjattiva tal-Knisja f’dawn il-Logħbiet.

Lejliet iċ-ċerimonja tal-ftuħ, fil-25 ta’ Lulju, atleti u viżitaturi se jiġu mistiedna għal velja ta’ talb miftuħa għal kulħadd li se ssir fil-bażilka ta’ Saint-Denise. Iċ-ċelebrazzjoni fil-knejjes tal-Madeleine u Saint-Denise se jissimbolizzaw il-preżenza Nisranija f’dan l-avveniment dinji. Hu mistenni li l-viżitaturi fil-ġranet tal-Logħob Olimpiku jlaħħqu mal-15 u l-20 miljun u għalhekk il-Knisja Franċiża qed tqis dan iż-żmien bħala art tajba u straordinarja ta’ missjoni għal kulmin jixtieq. Il-moviment Holy Games, imniedi mill-Konferenza Episkopali Franċiża u mmexxi minn Isabelle de Chatellus, hu protagonist f’din l-inizjattiva. 

Saint-Denis, Pariġi fejn se jsir il-Logħob Olimpiku

Ħtieġa ta’ persuni preparati

L-involviment tal-Knisja se jkun il-preżenza Kristjana fil-qalba tal-Villaġġ Olimpiku ta’ Saint- Denis, bi 42 chaplain li ngħataw formazzjoni minn Jason Nioka, seminarista u atleta tal-Judo. Qassisin, reliġjużi rġiel u nisa kif ukoll lajċi ngħataw formazzjoni biex ikollhom il-ħila neċessarja għal akkumpanjament lill-persuni skont ir-rwol u l-ħtiġijiet tagħhom, billi l-esiġenzi tal-isportivi u tal-bqija tan-nies huma differenti. Għalhekk tenħtieġ tħejjija xierqa u professjonali.

Mhux faċli li ssib chaplains li jafu sew dwar l-ispeċjalità tal-isports ta’ livell għoli. Il-ħajja tal- isportivi f’dan il-livell hi millimetrika. Kull farka ta’ sekonda u daqsxejn ta’ distrazzjoni tista’ tagħmel id-differenza bejn suċċess u disfatta. It-tensjoni tkun kbira. Hi telgħa ta’ strapazz. Huma jiem li ftit li xejn isibu ħin għal Alla. Għalhekk inħass il-bżonn ta’ ħolqien ta’ spazji viċin l-atleti fejn jingħataw merħba u jħossuhom milqugħa u akkumpanjati minn persuni ġenwini. Dan li qed toffri l-Knisja Franċiża fil-jiem tal-Logħob Olimpiku.

Kien essenzjali li c-chaplains jingħataw idea dettaljata ta’ dak li jgħaddu minnu l-atleti għax hu importanti li jkollhom għarfien speċifiku ta’ dak li jistgħu jgħaddu minnu l-atleti. Dawn jagħmlu sforzi kbar, biex jirbħu jmorru ‘l hemm mil-limitazzjoni tagħhom u wħud minnhom jitkissru bit-taħriġ esaġerat. Hemm ukoll l-inkwiet ta’ kif il-midja se tinterpreta l-prestazzjoni tagħhom hekk kif illum huma esposti għall-ġudizzju attent tal-oħrajn.

L-isforzi tal-atleti olimpiċi

Għal atleta ta’ dan il-livell, il-Logħob Olimpiku jfisser tħejjija intensa ta’ 4 sa 8 snin għal ħafna jiem. Meta atleta jkollu f’moħħu midalja li jrid jirbaħ, jifraħ meta l-isforzi tiegħu iġibu riżultat, imma jekk is-sagrifiċċji li jkun għadda minnhom jaslu biss għal disfatta jew għal midalja inqas milli ħolom li se jirbeħ, id-daqqa fuqu tkun qawwija u tista’ twassal għal dipressjoni.

L-atleti jgħaddu snin ta’ taħriġ biex jikkompetu

Atleti li huma parti mill-moviment Happy Games, li semmejna aktar ‘il fuq, jistqarru li mill-esperjenza tagħhom hija l-fidi li tisdramatizza l-biżgħa waqt il-kompetizzjoni. Meta taw l-aħjar tagħhom, irrikonoxxew li dan ġie mogħti lilhom biex ikun għall-ikbar glorja t’Alla. L-aktar fil-każ ta’ telfa, l-isportiv irid jagħmel dik l-esperjenza li tixbah lir-Reżurrezzjoni, meta jaf li jista’ jqum mill-waqgħa u jipprova jgħix ir-realtà li tinsab fi sports ta’ din il-kwalità.

Dan huwa sens tal-inizjattiva tal-Knisja Franċiża fi żmien il-Logħob Olimpiku. Iċ-chaplaincy tal-villagg olimpiku, li se tkun miftuha mis-7 ta’ filgħodu sal-11 ta’ bil-lejl, fuq kollox se tkun post ta’ akkoljenza u ta’ smigħ. Se jkun hemm ukoll Quddiesa kuljum fil-knisja ta’ Saint-Ouen le-Vieux, li mhix ‘il bogħod mill-villaġġ Olimpiku.

Il-knisja l-oħra, dik tal-Madeleine, li hi fil-qalba ta’ Pariġi se tkun ċentru reliġjuż għall- animazzjonijiet li qed tipproponi l-Knisja Kattolika. Fiha kappella dedikata għal dan l-iskop, li ġiet mogħtija l-isem ta’ Ommna Marija tal-Isportivi, li se toffri spazju biex atleti u viżitaturi japprofittaw ruħhom għal ħin ta’ smigħ u ta’ talb fil-kwiet. Sportivi u supporters jistgħu iqiegħdu talbiet ta’ intenzjoni waqt il-laqgħat interattivi u, fejn jistgħu, jiltaqgħu maċ-chaplains. Ikollhom ukoll il-possibbiltà li waqt il-Quddiesa ta’ kuljum jitberkulhom l-oġġetti, bħal blalen u equipment ieħor relatat mal-isports.

Fil-villaġġi ta’ taħriġ

Xi parroċċi mill-villaġġi tal-qrib, li se jilqgħu atleti għall-aħħar taħriġ, ħasbu dwar il-possibbiltà li se jkun hemm ħafna li jiġu jaraw lill-atleti waqt it-taħriġ. Ma jonqsux il-viżitaturi li kif ikunu Pariġi biex igawdu s-sbuħija tal-belt jidħlu jaraw ukoll il-knejjes, bl-arti li żżejjinhom. Għalhekk se jkun hemm persuni fuq iz-zuntier tal-knejjes biex jagħtu merħba lil min jiġi, joffrulhom x’jixorbu u jdawruhom mal-bini tal-knisja.

L-iniżjattiva tal-Knisja Franċiża fi żmien l-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024 hi xhieda ta’ kif turi l-ferħ Nisrani, mod kif tista’ tkun sehem minn festa kbira ta’ fraternità li jista’ joffri l-isports. L-ottimiżmu tal-organizzaturi jistrieħ fuq l-esperjenza tal-għadd ta’ żgħażagħ li ħadu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ is-sena li għaddiet u mistenni li ħafna minnhom se jkunu parti minn din l-inizjattiva.

Joe Galea

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading