Il-Ħadd, 7 ta’ Lulju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Viżitazzjoni. Bażilika tal-Viżitazzjoni, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Naħseb li kollha kemm aħna naqblu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, lil Alla qed inwarrbuh fil-ġenb. Mhux aħna li qegħdin hawn: forsi għalina Alla huwa importanti, forsi għalhekk qegħdin hawn. Imma dan ma jfissirx li l-bniedem ma baqagħlux bżonn ta’ Alla. Anzi, iktar ma nwarrbu lil Alla fil-ġenb, iktar imbagħad noħolqu allat oħra, bħall-alla tas-superstizzjoni. Nibda nibża’ jekk nara qattusa sewda għaddejja jew jekk ngħaddi minn taħt sellum, u nibda nbaħħar ’l hawn u nbaħħar ’l hemm. U ma nemminx, għax ma nemminx f’Alla ta’ veru.
Imma kultant anki aħna li nemmnu f’Alla, forsi mingħalina li nemmnu f’Alla! Aħna qegħdin kollha kemm aħna f’mixja ta’ konverżjoni, għandna bżonn niskopru u nagħrfu min hu verament dan Alla tagħna. Kieku nagħrfu min hu Alla tagħna, naħseb li forsi nippreokkupaw inqas ruħna bil-flus. Naħseb li kultant il-flus għamilniehom xi ftit alla tagħna. Kieku nemmnu f’Alla, ma noħolqux alla mill-apparenza, minn kif nidhru, minn kif se jarawna l-oħrajn u minn kif inħossuna importanti quddiem l-oħrajn, ikbar jew iżgħar mill-oħrajn, u ninkwetaw x’se jgħidu fuqna jew għalina l-oħrajn. Kieku nagħrfu min hu Alla tagħna, kieku ninkwetaw inqas ukoll fuq kemm aħna jew m’aħniex importanti fis-soċjetà, jekk jafux bina jew le, jekk jagħtux kasna jew le. Kieku nemmnu iktar f’Alla tagħna, ikollna iktar paċi vera fil-qalb. Tgħiduli: aħna li qegħdin hawn ma nemmnux f’Alla? U żgur li nemmnu f’Alla. Imma kif għadni kif għedt, naħseb li lkoll kemm aħna – l-ewwel wieħed jien – imsejħin biex nagħrfu min hu tassew Alla tagħna.
Kieku jkollna nħarsu lejn l-istorja ta’ Eliżabetta u Marija nindunaw illi tiġri xi ħaġa importanti f’Eliżabetta. Eliżabetta tirrappreżenta mhux biss lil dik il-mara xwejħa li aħna naraw fl-istatwi, imma fil-Vanġelu tirrappreżenta l-istennija tal-poplu ta’ Iżrael kollu kemm hu. Eliżabetta m’għandhiex forsi 50, 60, 70 sena kif nistgħu nimmaġinaw aħna, imma għandha eluf ta’ snin! Tfisser il-wegħda ta’ Alla, il-ħalfa ta’ Alla, jew aħjar l-istennija li hemm f’kull bniedem, li narawha fit-Testment il-Qadim. Imma m’hemmx għalfejn immorru naqraw u nqallbu l-Bibbja, għax hi l-istennija li naraw fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna: l-għatx, id-dwejjaq, ix-xewqat, il-bżonnijiet li nħossu bħalissa. Dawn huma kollha l-istennijiet tagħna lkoll kemm aħna: forsi stennija marbuta mas-saħħa tal-ġisem, ma’ xi suċċess ’l hawn u ’l hemm, ma’ xi soluzzjoni ta’ xi problema. Eliżabetta tiġbor fiha dawn l-istennijiet kollha. Il-Festa li qed niċċelebraw illum hija l-laqgħa tal-istennijiet u tax-xewqat ma’ Dak li jaqtagħhom ta’ veru. Dak li kienet iġġorr Marija fiha huwa dak illi jaqta’ x-xewqat li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna.
Jekk ikollna mmorru fit-Testment il-Qadim insibu diversi stejjer li juruna kemm il-poplu ta’ Iżrael kien jixtieq din il-preżenza ta’ Alla, tant illi pprova joħloq oġġetti, bħalma kienet l-arka – mhux dik li fiha Noe kien daħħal pari ta’ annimali biex tibqa’ miexja d-dinja – imma l-Arka li nsibu fil-ktieb tal-Eżodu u fil-ktieb tad-Dewteronomju. Din kienet kaxxa, bejn wieħed u ieħor kbira xi metru, miksija bid-deheb, b’żewġ kerubini bi ġwenħajhom imilu fuq l-għatu tagħha. F’din il-kaxxa l-poplu kien iżomm tliet oġġetti importanti li kienu jfakkruh fil-preżenza ta’ Alla: ftit manna tad-deżert, il-bastun ta’ Aron, u t-twavel tal-Liġi. Il-manna tad-deżert kienet tfakkar lill-poplu f’meta Alla ħa ħsiebu meta kien bil-ġuħ. Il-bastun ta’ Aron kien ifisser il-poter ta’ Alla mgħoddi fis-saċerdozju tat-Testment il-Qadim. It-twavel tal-Liġi kienu jfissru l-Kelma ta’ Alla. U l-poplu ta’ Iżrael kien jgħożżhom dawn l-oġġetti u għalih kienu l-preżenza ta’ Alla fuq l-art, tant illi – jgħidilna l-Ktieb tad-Dewteronomju – meta għamel tinda fid-deżert u kien ipoġġi fiha din l-Arka, kienet tinżel sħaba ta’ Alla fuqha, imma sħaba tat-twerwir, bin-nar, bis-sajjetti, bir-ragħad (ara Num 9:15–10:36). Kważi kważi għal-Lhud Alla kien dak ix-xi ħadd li jwerwer, tant kbir u potenti li trid tibża’ minnu, trid toqgħod attent għalih, biex ma taħbatx difrek miegħu għax tispiċċa ħażin. Dan kien Alla tat-Testment il-Qadim, illi l-poplu immaġina: Alla li bil-mod il-mod beda jiġi mgħarraf lill-poplu fil-mixja tal-istorja tiegħu.
U dan Alla f’din l-Arka ġieli kien hemm drabi illi għab minn nofs il-poplu, minħabba li popli oħra kienu iktar b’saħħithom u qawwijin, u jisirqu din l-Arka lill-poplu Lhudi, bħalma għamlu l-Filistej. U kemm-il darba l-poplu Lhudi spiċċa mingħajr din l-Arka, orfni, mingħajr il-preżenza ta’ Alla f’nofsu. U allura kien jerġa jivvinta allat foloz oħra, kien jipprova jimmaġina dan Alla fejn hu. Imma kien baqa’ l-Kelma ta’ Alla, u din kienet tiġi mgħożża, meqjuma, mistura, imma fuq kollox kienet tiġi mgħixa minn diversi nies. Għandna nies kbar fit-Testment il-Qadim li l-preżenza ta’ Alla għalihom ma kinitx fil-kaxxa tal-Arka, imma saret fil-persuna tagħhom. Kellna dawk li jgħidulhom l-Imħallfin, fosthom Ġagħel, din il-mara illi għaliha l-Lhud qalu, wara li ħelsithom minn Sisera li kien ta’ periklu għall-poplu: “Imbierka din il-mara fost in-nisa ta’ Ġerusalemm” (ara Mħ 5:24). U l-istess qallu għal Ġuditta meta ħelset lill-poplu billi daħket b’Oliferne u qatgħetlu rasu: “Hienja din il-mara” (ara Ġdt 13:18). Imma kif qegħdin taraw u tifhmu, għal-Lhud il-preżenza ta’ Alla kienet qawwa, setgħa, biża’, qtugħ tal-irjus, mewt, rabja, aggressività, kienet Alla prepotenti li trid tibża’ minnu.
U tkompli l-istorja tal-Arka. David jirnexxilu jisraq din l-Arka mill-pjanura ta’ Saron fejn kien hemm ħamest ibliet tal-Filistej, u jeħodha f’post jismu Kiriath Jearim, proprju fir-riġel tat-tlajja’ tal-għolijiet lejn Ġerusalemm. Illum dan il-post jissejjaħ Abu Ghosh. U f’Kiriath Jearim jieħu din l-Arka fid-dar ta’ raġel twajjeb, fejn iddum tliet xhur tgħammar f’din id-dar. Sakemm din l-Arka tibqa’ f’din id-dar ta’ Kiriath Jearim, ikun hemm barka sħiħa, ikun hemm il-ġid kullimkien, fertilità, imħabba, hena, paċi. Imbagħad din l-Arka David itellagħha lejn Ġerusalemm, u hi u tiela’ din l-Arka – li hija l-preżenza ta’ Alla – David jibda jibda jiżfen, jaqbeż u jifraħ (ara 2 Sam 6:14-22) b’din il-preżenza ta’ Alla, qawwi, tal-biża’, prepotenti, li ma tirraġunax miegħu, li ħażin għalik jekk toffendih. David jifraħ b’din il-preżenza għax għandu lil xi ħadd li jista’ jgħinu kontra l-għadu, li jista’ jgħinu jirbaħ il-gwerer, iżomm il-ġustizzja u l-poter tiegħu. David mhux biss jiżfen u jaqbeż quddiem l-Arka, imma toħroġlu espressjoni li nsibu fit-Tieni Ktieb ta’ Samwel: “Minn fejn ġieni dan li l-għamara ta’ Alla tiġi għandi?” (ara 2 Sam 6:9).
Jiena naħseb li lkoll kemm intom indunajtu li dawn il-vrus li qegħdin insemmu mit-Testment il-Qadim kollha kemm huma jinsabu fil-ġrajja li għadna kemm smajna (Lq 1:39-45). Kollha kemm intom indunajtu illi bl-espressjoni “f’dawk il-jiem” – hekk jibda l-Vanġelu tal-lum – San Luqa qiegħed jirreferi għal meta l-anġlu jidher lil Marija, u qalilha: “Il-qawwa tal-għoli, id-dell tal-għoli, is-sħaba tal-għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (ara v. 35). Qed jgħidilha: ‘Issa int il-preżenza l-ġdida ta’ Alla. Issa int it-tabernaklu, int l-Arka l-ġdida li ġġorr ġo fik il-preżenza vera ta’ Alla’. U din hija l-preżenza vera ta’ Alla, li hi ħafna differenti mill-preżenza tal-Arka, li kienet sinjal ta’ qawwa, poter, biża’, serħan il-moħħ għas-sultan li kellu l-poter.
Ilkoll kemm aħna għadna niftakru li San Luqa qalilna li Marija telqet tħaffef lejn l-għoljiet, l-istess bħalma l-Arka minn Kiriath Jearim telgħet tiġri lejn l-għoljiet ta’ Ġerusalemm. Bl-istess mod il-preżenza l-ġdida ta’ Alla – Ġesù fil-ġuf ta’ Marija – tersaq lejn l-għoljiet ta’ Għajn Karim, ta’ għasir il-għenba, l-għajn tad-dwieli jew inkella għajn għasir il-għenba. Kif Bethlehem hija d-dar tal-ħobż, hekk ukoll Għajn Karim hija l-għasir tal-inbid. U l-ħobż u l-inbid lilna diġà jibdew ifakkruna f’xi ħaġa, forsi dak li qegħdin nagħmlu issa stess hawnhekk dalgħodu flimkien: il-ħobż u l-inbid, Betlehem u Għajn Karim.
Meta titla’ din l-Arka, meta Marija tmur lejn l-għoljiet u tidħol fid-dar ta’ Żakkarija – Iżrael, l-istennija – hi ssellem lil Eliżabetta, lil dik li kienet verament tistenna – ix-xewqat profondi tal-bniedem. Kif Eliżabetta ssellem lil Marija, bħal David quddiem il-preżenza ta’ Alla, Ġwanni jaqbeż fil-ġuf ta’ Eliżabetta. Bħal David li jiżfen hi u tielgħa l-Arka lejn Ġerusalemm, hekk ukoll Ġwanni jagħraf il-preżenza l-ġdida ta’ Alla, jew aħjar il-preżenza awtentika ta’ Alla, f’Marija.
U tkompli Eliżabetta: “Imbierka inti fost in-nisa” (v. 42), l-istess kliem illi jingħad għal Ġagħel u għal Ġuditta, għax kellhom fihom il-Kelma ta’ Alla. It-Testment il-Qadim qatt ma jgħid li mara hija mbierka. Huma mberkin biss l-irġiel, b’mod speċjali r-rabbini li jirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla, u din tibda tidher fl-esperjenza tal-ħajja tagħhom, fl-għażliet tagħhom. Għalhekk jissejħu mberkin, henjin, għax għandhom fuqhom il-barka ta’ Alla, isiru huma stess preżenza ta’ Alla. Imma f’dan il-każ għandna żewġ nisa – Ġagħel u Ġuditta – l-uniċi tnejn li t-Testment il-Qadim isejħilhom “imberkin”, “henjin” fost in-nisa, għax huma wkoll iġorru fihom il-preżenza ta’ Alla, imma mhux il-preżenza awtentika li tilħaq il-milja tagħha fit-Testment il-Ġdid. Hija preżenza imperfetta, ibbażata fuq il-prepotenza, l-aggressività u l-biża’. U lil Marija Eliżabetta tgħidilha wkoll: “Imbierka inti fost in-nisa”, imma b’mod ieħor, għax fiha qed iġġorr mhux lil dak jeqred u jkisser, imma lil dak li jħobb, li ġie biex iġibilna l-paċi vera tal-qalb li għandu bżonn il-bniedem.
Ħafna drabi kemm jiġrilna aħna wkoll li nimmaġinaw li l-prepotenza, ir-rabja, it-tbatija, l-aggressività se jagħmluna kuntenti! Araw x’jiġri meta tnejn min-nies ikollhom xi jgħidu bejniethom: xi ħadd minnhom it-tnejn irid jirbaħ, trid tgħaddi tagħhom. Imma l-paċi tal-qalb hi li titlef: mhux ta’ wieħed jew tal-ieħor, imma tat-tnejn! Din id-darba Marija ġġibilna lis-Sultan tal-paċi, u ġġibu fl-umiltà. Mhux iktar fis-sbuħija u fil-kobor tal-Arka miksija bid-deheb u bl-anġli, bil-maestà, imma fl-umiltà ta’ tfajla, tal-umanità dgħajfa tagħna. U hawn hu l-qofol, is-sigriet, il-bidla bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Fit-Testment il-Qadim Alla kien jiġi immaġinat bħala xi ħadd kbir, li trid tibża’ minnu, li ħażin għalik jekk tiksirha miegħu għax ipattihielek. Imma fit-Testment il-Ġdid għandna rivelazzjoni u wirja oħra differenti ta’ Alla: Alla twajjeb, li jħobb, umli.
Dan hu s-sigriet li rridu naħdmu fuqu aħna lkoll: l-umiltà. Lil Alla nagħrfuh mhux tant kemm nimmaġinawh kbir, mhux tant kemm ngħidu: ‘Alla tagħna huwa l-aqwa, Alla tagħna huwa l-uniku’. Le! Alla tagħna huwa sempliċi, huwa umli, juri lilu nnifsu fl-ikbar dgħufija, mhux biss tal-umanità – meta jkun sempliċiment tarbija fil-ġuf ta’ ommu – imma din il-preżenza tkompli wkoll illum fil-ħobż u fl-inbid. U hawn hu l-qtugħ veru tax-xewqat tagħna: meta aħna niltaqgħu ma’ dik l-Ostja ċkejkna, ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. Ara kemm hawn affarijiet sbieħ fil-knisja, ara kemm ikollna affarijiet sbieħ barra u kemm narmaw għall-Festa, u kemm għandna statwi u kwadri sbieħ! Jalla dawn kollha kemm huma jressquna għaċ-ċentru, li kultant hu wisq bil-maqlub ta’ dak kollu li jidher, ta’ dak kollu li hu sabiħ, ta’ dak kollu li jagħmel storbju… għax huwa ċkejken, Ġesù ostja, fl-umiltà u fiċ-ċkunija tiegħu.
Hekk uriena fil-laqgħa ta’ Marija ma’ Eliżabetta: is-sempliċità assoluta ta’ laqgħa bejn żewġ persuni, bejn tnejn min-nies. Mhux talli hekk, talli ltaqa’ ma’ Eliżabetta fiċ-ċkunija ta’ ftit ċelloli. Timmaġinah int lil Alla li jrid jidher lill-bnedmin, u l-ewwel darba li tista’ tiltaqa’ miegħu, tiltaqa’ miegħu fi ftit ċelloli? Timmaġinah int lil Alla bħal dan? Ma tistax timmaġinah, għax aħna moħħna jaħseb kbir, aħna moħħna jmur lil hinn minn dak li hu veru u sempliċi. U hawn hu l-kobor tal-misteru li qegħdin niċċelebraw illum. U dan hu li nitolbu lil Marija.
“Għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (v. 49), qalet Marija, għax “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (v. 48). Hawn hu s-sigriet tal-ħajja Kristjana u umana: meta s-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum, tal-ostja ċkejkna, ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, aħna nkunu kapaċi napprezzawhom, naċċettawhom, neħduhom bħala rigal ta’ Alla. Hemmhekk nipprovaw nimmerviljaw ruħna, nistagħġbu, mhux bil-kobor, imma nistagħġbu biċ-ċokon. Din hi t-tagħlina l-kbira li jagħtina dan il-misteru tal-lum: nistagħġbu bl-umiltà. Aħna ħafna drabi nagħmlu bil-maqlub: is-sempliċità u d-dgħufija tagħna nippruvaw nilbsu maskra fuqhom biex nidhru ikbar. Alla le! Alla fil-kobor tiegħu ta’ veru jmur bil-maqlub: jispiċċa quddiemna sempliċi, xejn, dgħufija f’ostja ċkejkna.
Jalla kull wieħed u waħda minna nidħlu tant fil-fond ta’ dan il-misteru li niltaqgħu ma’ Ġesù fiċ-ċkunija tiegħu, illum, fl-Ewkaristija. Dik l-Arka tal-Patt tat-Testment il-Qadim, dik l-Arka sabiħa li kienet taħbi ġo fiha s-sinjali tal-preżenza – għax ma kinux il-vera preżenza ta’ Alla – dik l-Arka hija Marija. Imma llum hija t-tabernaklu, hija din il-knisja li fis-sbuħija u fil-kobor tagħha tgħatti jew tikxef iċ-ċkunija ta’ Alla li jsir biċċa ħobż. Hawn hu l-kobor tal-misteru tal-fidi tagħna. Hawn hu l-kobor ta’ dak li nemmnu fih u ta’ dak li aħna dixxipli tiegħu.
U meta din l-imħabba u din l-umiltà tibda tmissna ftit ftit fil-qalb tagħna – għax aħna kollha morda bil-kburija – jiena ngħidilkom illi ma nibqgħux infittxu nagħmlu allat oħra: il-flus ma jibqgħux daqshekk importanti; ma jibqax daqshekk importanti kif nidher jew x’jgħidu l-oħrajn fuqi; ma jibqax daqshekk importanti kif jien magħruf u meqjus; ma jibqax daqshekk importanti jekk għandix proprjetà jew m’għandix; ma jibqax daqshekk importanti jekk jiena għandix il-kumdità jew m’għandix… għax niltaqa’ tassew mal-verità ta’ Alla li hija s-sempliċità, li tlaqqagħni mingħajr biża’ mal-verità tiegħi. Kollha kemm aħna fl-aħħar mill-aħħar fil-fond tal-fond tal-qalb tagħna aħna dgħajfa, aħna xejn. Alla, li huwa kbir, ma jibżax ikun xejn f’ostja ċkejkna, imma jien li ma jiena xejn, ma naċċettax l-umiltà tiegħi!
Ejjew nitolbuh lill-Mulej illum bl-interċessjoni ta’ Marija u Eliżabetta biex nidħlu fil-fond ta’ dan il-misteru, nindunaw illi jekk irridu li x-xewqat veri u profondi tagħna jiġu maqtugħa, dan jista’ jsir biss meta aħna nkunu umli bħal Marija u Eliżabetta u naċċettaw id-don sempliċi ta’ Alla f’din l-Ewkaristija: fil-quddiesa, fl-adorazzjoni, fit-talb tagħna, fit-tqarbin. Meta aħna naċċettaw l-Ewkaristija, din tista’ verament timliena bl-hena tassew. Ma ninsewx li kulma aħna u kulma għandna jiddependi kollu minn Sid id-dar, li huwa kbir imma huwa moħbi f’daqsxejn ta’ ostja maqful warajja.
