Ħsieb tas-17-il Ħadd matul is-Sena – B

Minn D. Edward Vella.

Waħda mill-aktar affarijiet li nieħdu ‘for granted’ fil-ħajja hija l-ikel: għall-grazzja t’Alla naħseb li qatt ma batejna l-ġuħ u allura anke meta nħossu l-ġuħ, inkunu nafu li ma ndumux ma nissodisfaw il-bżonn tagħna tal-ikel. L-ikel huwa neċessarju għall-ħajja, u minbarra li l-aspett l-aktar importanti tiegħu li huwa dak ta’ nutriment, għandu wkoll aspetti oħra marbutin miegħu, pereżempju aspett familjari u soċjali. Huwa waqt l-ikel li ħafna drabi tiltaqa’ u titkellem il-familja, u ċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu ħafna drabi ikun fihom l-ikel.

It-tema tal-messaġġ tal-liturġija tal-Kelma f’dan il-Ħadd huwa marbuta mal-ikel. Ninsabu fis-sena B: il-qari tal-Ħdud huwa maqsum fuq ċiklu ta’ tliet snin, A, B, u Ċ; fis-sena A naqraw il-Vanġelu skont San Mattew, fis-sena B naqraw il-Vanġeju skont San Mark u fis-Sena Ċ naqraw dak skont San Luqa. Il-Vanġelu skont San Ġwann jinqara fis-snin kollha, l-aktar fil-festi l-aktar importanti. Fis-sena B li ninsabu fiha bħal issa, insibu wkoll numru ta’ Ħdud ddedikati lil kapitlu 6 tal-Evanġelju skont San Ġwann. Dan il-kapitlu fih tema importanti ħafna li hija dik tal-Ewkaristija. Ġesù f’din is-silta jitlaq bil-bżonn naturali tal-ikel billi jitma lill-folol minn ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar u mbagħad jgħaddi biex jintroduċi ikel ħafna aktar importanti, jiġifieri l-ikel spiritwali, li huwa Hu stess.

L-ewwel riflessjoni mill-qari tal-lum xtaqt neħodha mill-ewwel qari: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu”,  u mbagħad il-profeta jkompli wkoll “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll’”. Il-Mulej lilna qiegħed jgħidilna l-istess: quddiem il-ġuħ tad-dinja, in-nisrani ma jistax jorbot idejh u ma jagħmel xejn. Aħna ma nistgħux nieħdu sehem fl-Ewkaristija mingħajr ma nisimgħu din il-karba li jwasslilna l-Mulej illum permezz tal-Kelma tiegħu biex il-problema tal-ġuħ fid-dinja nagħmluha tagħna wkoll. Anke il-preokkupazzjoni ta’ Ġesù fil-Vanġelu tal-lum x’ħin ra l-folol u jgħid lil Filippu, ‘“Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Żġur li miż-żejjed tagħna huma ħafna li jistgħu jgħixu.

“Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”. It-tweġiba ta’ Indri toffri riflessjoni tassew sabiħa: il-fatt li l-ħames ħobżiet kienu tax-xgħir, jiġifieri ta’ kwalità baxxa ħafna u żewġ ħutiet żgħar, juruna li x’aktarx dan it-tifel kien ġej minn familja fqira. Meta inkunu ġenerużi biżżejjed li noffru minn dak li għandna, anke jekk dan ikun ftit għax daqshekk nkunu nifilħu nagħtu, Alla mill-ftit tagħna kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar. Ħafna drabi il-problema tkun li l-bniedem, fl-egoiżmu tiegħu, lanqas miż-żejjed tiegħu ma hu lest li jagħti. Dan it-tifel jgħallimna ħafna għax fil-faqar tiegħu ta’ kulma kellu.

Ġesù, mill-ħames ħobżiet tax-xgħir u miż-żewġ ħutiet żgħar, jitma l-ħames t’elef raġel, u hekk jintroduċi waħda mill-aktar temi importanti fit-tagħlim tiegħu; aħna lkoll għandna bżonn ta’ Alla, ikoll nafu li but mimli ma huwiex garanzija li f’ħajjitna nkunu kuntenti jew li nsibu s-sens tal-ħajja. Huwa f’Alla biss li l-bniedem jiskopri l-vera identità tiegħu, huwa f’Alla li jiskopri s-sens veru tal-ħajja u d-destin waħdieni tiegħu. Dan il-bżonn ta’ Alla jinqata biss f’Ġesù, il-veru ħobż tal-ħajja li niżel mis-sema u sar Ewkarsitija għalina. Din hija t-tema li ser jiżvolġi magħna Ġesù fil-Ħdud li ġejjin. Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm lest li nagħti minn dak li Alla pprovdieli biex ngħin lil min hu fil-bżonn? Kemm jien konxu u naċċetta li s-sens tal-ħajja nsibu biss f’Alla permezz ta’ Ġesù il-ħobż veru li jagħti sens lil ħajjitna?

Mulej Ġesù għinna ħalli nagħrfu li ġo fina hemm l-ġuħ u l-għatx għalik, għinna ħalli nifhmu li huwa Int biss li tista’ tissodisfa l-qalb u r-ruħ tagħna b’dak li verament għandna bżonn. Mulej Int huwa dak l-ikel li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading