Miġbura mill-Bolla ta’ indizzjoni tal-Papa Franġisku għall-Ġublew Ordinarju tas-sena 2025: Pellegrini tat-Tama
“L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom. Għaliex il-komunità tagħhom hija magħmula minn bnedmin li, magħqudin flimkien fi Kristu, huma mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier”[i]
Dan huwa kliem l-isqfijiet miġbura fil-Konċilju Ekumenika Vatikan II fil-bidu tal-Kostituzzjoni Pastorali, Gaudium et Spes fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum u ppublikata minnhom fis-7 ta’ Dicembru 1965. Fl-istees data, eżattament sittin sena wara, il-Knisja ser tkun qed toqrob lejn tmiem il-ġrajja ta’ Ġublew Ordinarju ieħor bit-tema, Pellegrini tat-Tama.
Ir-referenza komuni għall-pellegrinaġġ ta’ ħajjet il-bniedem, li kienu għamlu dakinhar l-isqfijiet konċiljari u dik li l-Papa Franġisku qed jagħmel illum fit-tema tal-ġublew 2025, ċertament mhix kumbinazzjoni, għaliex il-mixja nisranija hija “nisġa bejn tama u sabar”[ii]. Hija magħmula minn hena u tama, minn niket u tħassib.[iii]
Minkejja dan il-kliem ċar u tant fattwali, kemm mill-Papa llum u kemm mill-Konċilju dakinhar, xorta waħda hawn min għadu qed jifhem il-pellegrinaġġ tat-tama biss bħala speċi ta’ passiġġata twila, xi ġita li matulha ser ikollna l-okkażjoni li mmorru sa Ruma jew inżuru wkoll xi lok imqaddes.
Fl-istess bolla, naqraw li “barra li niksbu t-tama fil-grazzja ta’ Alla, aħna msejħin niskopruha mill-ġdid anki fis-sinjali taż-żminijiet li l-Mulej joffrilna.” Għalhekk bejn paragrafi 8 u 15, huwa l-Papa jagħti lista ta’ dak li huwa jsejħilhom, sinjali ta’ tama.
Sinjail ta’ tama għall-paċi fid-dinja
L-ewwel wieħed minn dawn is-sinjali jittraduċi ruħu f’paċi għad-dinja, li għal darb’oħra sabet ruħha mgħaddsa fit-traġedja tal-gwerra. Illum, l-umanità nsiet it-traġedji tal-imgħoddi, u b’hekk qed ikollha toqgħod għal prova ġdida u iebsa fejn qed tara tant popli mifnija mill-kefrija qalila tal-vjolenza.
Imbagħad, biex jinstigana nirriflettu aktar dwar il-gravità tas-sitwazzjoni preżenti, Franġisku jagħmlilna numru ta’ domadi.
- Minn xiex jonqoshom jgħaddu dawn il-popli li mhux diġà ġarrbuh?
- Kif inhu possibbli li l-karba ddisprata tagħhom għall-għajnuna ma tqanqalx lir-responsabbli tan-Nazzjonijiet biex itemmu darba għal dejjem il-wisq kunflitti reġjonali, fl-għarfien tal-konsegwenzi li jistgħu joħorġu minnhom fuq livell dinji?
- Huwa wisq li noħolmu li l-armi jispiċċaw u ma jibqgħux iġibu qerda u mewt?
Sinjali ta’ tama għat-tnissil tal-ħajja
It-tieni sinjal li nsibu f’dan id-dokument ġubilari huwa dwar it-tkattir tal-ħajja. Li nħarsu lejn il-futur bit-tama jfisser ukoll li jkollna viżjoni tal-ħajja mimlija entużjażmu biex ngħadduha lill-oħrajn. Imma b’xorti ħażina, u b’diqa, qed naraw kif f’tant sitwazzjonijiet din il-perspettiva hi nieqsa. L-ewwel konsegwenza hi t-telfien tax-xewqa li ngħaddu l-ħajja lill-oħrajn.
B’rabta ma’ dan, il-Papa jsemmi numru ta’ raġunijiet li minħabba fihom qed naraw f’diversi pajjiżi tnaqqis fir-rata tat-twelid li jħassibna.
- ir-ritmi frenetiċi tal-ħajja,
- il-biżgħat dwar il-futur,
- in-nuqqas ta’ garanziji ta’ xogħol u ħarsien soċjali adegwat,
- mudelli soċjali li fihom l-aġenda hi ddettata mit-tiftix tal-profitt flok mill-għożża tar-relazzjonijiet.
Imbagħad, f’kuntesti oħra, minflok naffrontaw il-problemi, inwaħħlu fiż-żieda demografika u mhux fil-konsumiżmu estrem u selettiv ta’ xi wħud.
Sinjali ta’ tama lil dawk li qed ibatu
Jikteb il-Papa Franġisku li fis-Sena Ġubilari se niġu msejħa biex inkunu sinjali tanġibbli ta’ tama għal tant ħutna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ibsin. Fost dawn isemmi l-ħabsin li, imċaħħda mil-libertà, qed iġarrbu ta’ kuljum, barra l-ħajja iebsa tal-priġunerija, il-vojt affettiv, ir-restrizzjonijiet imposti fuqhom u, mhux f’każ wieħed jew tnejn, in-nuqqas ta’ rispett.
Hawn Franġiskui jipproponi lill-Gvernijiet li fis-Sena tal-Ġublew jieħdu inizjattivi li jroddu lura t-tama;
- forom ta’ amnestija u ta’ tnaqqis fil-piena bl-għan li jgħinu lill-persuni jerġgħu jiksbu l-fiduċja fihom infushom u fis-soċjetà;
- u mixjiet ta’ inseriment mill-ġdid fil-komunità li magħhom jikkorrispondi impenn konkret fl-osservanza tal-liġijiet.
Hija sejħa antika, li ġejja mill-Kelma ta’ Alla u tibqa’ ħajja bil-valur kollu tal-għerf tagħha fl-invokazzjoni ta’ atti ta’ ħniena u ta’ ħelsien li jippermettu lill-persuna terġa’ tibda mill-ġdid.
Sinjali ta’ tama lill-morda
Dwar il-morda, il-Papa Franġisku jikteb li sinjali ta’ tama għandhom jiġu offruti lil dawk li jinsabu f’dar jew fi sptar. It-tbatijiet tagħhom jistgħu jsibu serħan fil-qrubija ta’ persuni li jżuruhom u fl-imħabba li jirċievu. Huwa fakkar li l-opri tal-ħniena huma wkoll opri ta’ tama.
Dawn l-opri tal-ħniena mal-morda, jridu jkunu msieħba wkoll ma’ sentimenti ta’ gratituidni lejn il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li, f’kundizzjonijiet kemm-il darba diffiċli, iħaddmu l-missjoni tagħhom b’għożża attenta għall-persuni morda u l-iżjed dgħajfa.
Sinjali ta’ tama liż-żgħażagħ
Minkejja li ż-żgħażagħ, fil persuna tagħhom stess jippersonifikaw it-tama, imma b’xorti ħażina, dawn spiss jaraw jiġġarraf quddiemhom il-ħolm tagħhom. Fuq l-entużjażmu tagħhom hu msejjes il-ġejjieni. Huwa sabiħ li narawhom mimlija enerġija, jgħinnu minn jeddhom u jħabirku f’diżastri naturali u kriżijiet soċjali. Imma huwa wkoll ta’ swied il-qalb meta tara żgħażagħ neqsin minn kull tama;
- meta l-futur tagħhom hu inċert u bla ħolm,
- meta l-istudju tagħhom ma joffrix possibbiltajiet,
- meta minħabba n-nuqqas ta’ xogħol jew ta’ okkupazzjoni stabbli biżżejjed jirriskjaw li jxejnu kull xewqa li jkollhom,
- meta huwa inevitabbli li l-preżent jingħax fil-malinkonija u fid-dwejjaq,
- meta l-illużjoni tad-drogi, ir-riskju tat-trasgressjoni u t-tiftix ta’ dak li jtir mar-riħ joħolqu fihom iktar milli f’oħrajn il-konfużjoni, u jaħbu l-ġmiel u s-sens tal-ħajja, biex jispiċċaw jiżolqu f’abbissi mudlama u jwassluhom għal ġesti li bihom jeqirdu lilhom infushom.
Għalhekk, iħeġġiġna l-Papa, ħa jkun il-Ġublew fil-Knisja okkażjoni ta’ qabża ’l quddiem għall-ġid tagħhom: b’passjoni mġedda. Ejjew nieħdu ħsieb ukoll
- tal-adolexxenti,
- tal-istudenti,
- tal-għarajjes,
- tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar!
Dan għaliex iż-żgħażagħ, huma l-ferħ u tama tal-Knisja u tad-dinja!
Sinjali ta’ tama għall-migranti
Ma setgħax jonqos li Franġisku jerġa jfakkarna fil-migrani, li jabbandunaw arthom biex ifittxu ħajja aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom.
- Jalla x-xewqat tagħhom ma jiġux fix-xejn minħabba preġudizzji u għeluq.
- Jalla l-akkoljenza, li tiftaħ beraħ id-dirgħajn għal kull persuna skont id-dinjità tagħha, timxi id f’id mar-responsabbiltà, biex ħadd ma jiġi mċaħħad mill-jedd li jibni futur aħjar.
- Jalla tant eżiljati, fittiexa tal-ażil u rifuġjati, li l-ġrajjiet imqallba internazzjonali jobbligawhom jaħarbu biex jevitaw gwerer, vjolenzi u diskriminazzjonijiet, jiġu garantiti s-sigurtà u l-aċċess għax-xogħol u għall-edukazzjoni, għodod meħtieġa għall-inseriment tagħhom fil-kuntest soċjali ġdid.
Hawn il-Papa jfakakrna f’obbligu morali u soċjali li għandna bħala nsara.
- Ħa tkun dejjem il-komunità Nisranija lesta biex tiddefendi d-dritt tal-iżjed dgħajfa.
- Ħa tiftaħ beraħ b’ġenerożità l-bibien tal-akkoljenza, biex lil ħadd qatt ma tonqsu t-tama ta’ ħajja aħjar.
- Ħa tidwi fil-qlub il-Kelma tal-Mulej li, fil-parabbola kbira tal-Ġudizzju Finali, qal: “Kont barrani u lqajtuni”, għax “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35,40).
Sinjali ta’ tama lill-anzjani
Impenn ieħor għall komunità Nisranija u għas-soċjetà ċivili huwa li nkunu sinjali ta’ tama għall-anzjani, li spiss jgħaddu minn solitudni u sens ta’ abbandun. Li nivvalorizzaw it-teżor li huma, l-esperjenza tagħhom tal-ħajja, l-għerf li huma jġorru u l-kontribut li kapaċi joffru. Dan irid ikun għal kulħadd biex naħdmu flimkien għall-patt bejn il-ġenerazzjonijiet.
Ħsieb partikulari tal-Papa huwa għan-nanniet, li jirrappreżentaw it-trasmissjoni tal-fidi u tal-għerf tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet iżgħar. Ħa jkunu mwieżna mill-gratitudni tal-ulied u mill-imħabba tan-neputijiet, li jsibu fihom fejn iniżżlu l-għeruq, kif ukoll il-komprensjoni u l-inkuraġġiment.
Sinjali ta’ tama lill-foqra
Hawn it-talba ħerqana tal-Papa Franġisku hija għal tama lil tant biljuni ta’ foqra, li spiss ma għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu. Quddiem ir-ripetizzjoni ta’ mewġiet dejjem ġodda ta’ faqar, hemm ir-riskju li huma jidraw u jirrassenjaw ruħhom. Hija sitwazzjoni skandaluża f’dinja mogħnija b’riżorsi enormi, iddestinati f’parti kbira għall-armamenti.
Minkejja li l-foqra jissemmew fid-dibattiti politiċi u ekonomiċi internazzjonali, imma mill-bqija jidher li l-problemi tagħhom qishom bħal appendiċi, qisha xi kwistjoni li donnok ikollok iżżidha kważi b’obbligu fit-tarf nett, jekk ma jqisuhiex ukoll bħala sempliċi ħsara kollaterali. Fil-fatt, meta mbagħad wieħed jiġi biex iwettaq b’mod konkret, dawn spiss jibqgħu fl-aħħar post fuq il-lista.
“Il-foqra”, jikteb il-Papa Franġisku, “kważi dejjem, huma l-vittmi, mhux il-ħatja”.
Sabiex tagħna jkun pellegrinaġġ tassew
Is-sinjali qegħdin hemm, imma sfortunatament iċ-ċirkustanzi fil-ħajja tagħna u fis-soċjetà ta’ madwarna jkunu tant mudlama li la nilmħu s-sijali u lanqas lil xulxin. Għalhekk tul il-mixja tal-ħajja, ninhtieġu Dawl li jakkumpanjana, l-istess kif kellu l-Poplu ta’ Alla fit-Tesment il-Qadim, matul il-mixja tal-ħajja tiegħu fid-deżert, lejn l-Art Imwgħda, mixja li ħaditlu erbgħin sena sħaħ, żmien ta’ ġenerazzjoni u tul ta’ ħajja.
Imma jekk huma dakinhar kellhom il-kolonna tan-nar timxi magħhom matul il-lejl u s-sħaba għal matul il-jum, illum, id-Dawl tagħna, kif stqarr huwa stess, huwa Kristu nnifsu. Huwa biss permezz tiegħu li nintebħu bis-sinjali u nkunu kapaċi naqrawhom u nimxu magħhom. Huwa biss permezz tiegħu li nagħrfu lil xulxin. Huwa biss permezz tiegħu li l-mixja tal-ħajja tagħna, minn tlajjar fil-vojt tinbidel f’pellegrinaġġ tassew – pellegrinaġġ tat-tama.
Kitba ta’ Joe Farrugia
[i] Gaudium et Spes. Vatikan II. 1.
[ii] Spes non confundit. Bolla ta’ Indizzjoni tal-Ġublew Ordinarju tas-Sena 2025. 5.
