VIŻTA FIL-KULLEĠĠ SPANJOL TA’ SAN JOSÉ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 29 ta’ Ottubru 1983
Għeżież ħuti Isqfijiet u saċerdoti.
1. Waqt li kont dieħel f’dan il-Kulleġġ fuklar Ruman tal-Knisja li hemm fi Spanja, ġiet lura f’moħħi minnufih it-tifkira tassew pjaċevoli tal-pellegrinaġġ pastorali tiegħi fit-toroq ta’ Santa Marija u ta’ San Ġakbu; ta’ Santa Tereża u ta’ San Ġwann tas-Salib: il-vjaġġ apostoliku li wettaqt fil-maħbuba Art Twelidkom propju sena ilu, “waqt li żrajt b’idejn mimlijin il-kelma tal-Vanġelu, il-fidi u t-tama” (Ġwanni Pawlu II, Homilia in aëronavium portu civitatis Santiago de Compostela habita, 1, 9 novembre 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1246).
Insellmilkom minn qalbi, fil-paċi ta’ Kristu redentur, u fikom insellem lill-Isqfijiet u lill-presbiteri kollha, kif ukoll lill-ulied fidili kollha, tal-wisq maħbuba artkom Spanja.
2. Il-venerabbli saċerdot tad-dijoċesi ta’ Tortosa, Manuel Domingo y Sol, imdorri f’qalbu għall-konversazzjoni divina, b’imħabba ta’ iben, kellu l-ispirazzjoni li jwaqqaf dan il-Kulleġġ, disgħin sena ilu, hawn f’Ruma, qrib is-Sedja ta’ Pietru.
Il-predeċessur tiegħi Ljun XIII inkuraġġixxa u appoġġja tali inizjattiva ta’ min ifaħħarha, “għat-tiġdid – qal – xjentifiku u wkoll dixxiplinari tal-kleru Spanjol”, sal-punt li jiddikjara li huwa stess kien iqis lilu nnifsu fundatur tal-Kulleġġ. Sabilhom sedja addattata fil-Palazz antik Altemps, minn fejn, għal iktar minn segħin sena, għaddew ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ Spanjoli li, f’din il-belt eterna, irċivew il-formazzjoni saċerdotali tagħhom jew komplew l-istudji tagħhom. Ħafna minnhom kienu ordnati presbiteri fil-kappella prezzjuża tal-palazz imfakkar, taħt il-ħarsa tal-Verġni tal-Ħniena – Omm l-iktar ħanina, Patruna tal-Kulleġġ – u qrib il-qabar ta’ Sant’Aniċetu, Papa u martri. Oħrajn kienu ordnati fil-Bażilika ta’ San Pietru u f’dik ta’ San Ġwann fil-Lateran jew kultant f’tempji oħra tal-Belt. Oħrajn ġew Ruma wara li kienu diġa saru saċerdoti. Mhumiex ftit dawk li kellhom aċċess imbagħad għall-Episkopat. Diversi taw xhieda tal-fidi tagħhom u tas-saċerdozju tagħhom permezz ta’ ħajjithom. Kollha, fil-Knejjes lokali mxerrda ma’ Spanja, fl-Amerka Latina u f’Nazzjonijiet oħra tad-dinja, kienu ħabbara tal-Vanġelu, billi ħadmu fid-diversi oqsma tal-apostolat u billi nfluwenzaw b’forma deċiżiva fil-ħajja reliġjuża u ekkleżjali tas-seklu tagħna.
3. Issa għal tnejn u għoxrin sena il-Kulleġġ Spanjol qiegħed jippossiedi din is-sedja ġdida u moderna. Piju XII bierek l-ewwel ġebla tal-bini u Pawlu VI inawgurah uffiċjalment fit-13 ta’ Novembru 1965, matul ir-rabà sessjoni tal-Konċilju. Hekk beda stadju ġdid tal-istorja brillanti ta’ dan iċ-ċentru, stadju msejjaħ biex ikun xejn inqas fertili ta’ dak ta’ qablu fil-qasam tal-formazzjoni saċerdotali, skont l-orjentamenti tal-Vatikan II u l-esiġenzi ta’ żmienna, imma mingħajr qatt ma nfired mill-għan propju tal-istituzzjoni u, il-linja mfassla mill-fundatur u mill-predeċessuri tiegħi fid-dokumenti u d-diskorsi ndirizzati lill-Kulleġġ.
4. Diġa mhux bogħod minn l-ewwel ċentenarju tat-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru ta’ formazzjoni għal seminaristi u saċerdoti, lejlet il-ħames ċentenarju tal-bidu tal-evanġelizzazzjoni tal-Amerika, mibdija u mwettqa fil-parti l-kbira minn missjunarji Spanjoli, u fil-prospettiva tat-tielet millennji tal-Kristjaneżmu, huwa meħtieġ li naħsbu dwar l-azzjoni pastorali li intom, saċerdoti żgħażagħ, intom imsejħin biex tipproġettaw b’entużjażmu mġedded u mimli ġenerożità fuq iż-żminijiet il-ġodda li qegħdin joqorbu. Hemm bżonn li nħarsu b’tama u hemm bżonn inħejju bi kjaroveġġenza u bi ftuħ il-futur tal-Knisja; imma billi nżommu b’kontinwità mal-imgħoddi ħalli ma nitilfux il-wirt għani u istruttiv tiegħu.
L-opra mwettqa fid-diġa kważi seklu tal-eżistenza tal-Kulleġġ Spanjol hija realtà manifika u konsolanti, li jixirqilha r-rikonoxximent u l-gratitudni tas-Santa Sede u tal-Poplu ta’ Alla kollu. U dan ir-rikonoxximent imur fl-ewwel post lill-Fratellanza tas-saċerdoti ħaddiema dijoċeżani tal-Qalb ta’ Gesù, imwaqqfa hija wkoll mill-istess Dun Manuel Domingo y Sol, li lilha ġiet afdata mis-Santa Sede d-direzzjoni ta’ dan iċ-ċenaklu saċerdotali, taħt is-superviżjoni tas-Sagra Kongregazzjoni għall-edukazzjoni kattolika u tal-Patruni tal-Kulleġġ, il-Primat ta’ Spanja, l-Eminentissmu Sinjur Kardinal Marcelo Gonzáles Martín, Arċisqof ta’Toledo, u l-Eċċellentissmu Monsinjur Carlos Amigo Vallejo, Arċisqof ta’ Siviglia, it-tnejn hawn preżenti, li f’din ir-responsabiltà u delikata funzjoni li jassistu u jorjentaw il-ħajja tal-Kulleġġ jirrapreżentaw l-Episkopat kollu Spanjol.
5. Tkellimt dwar “ċenaklu”. Fiċ-ċenaklu Ġesù ippronunzja t-talba saċerdotali, li għadna kemm smajna fil-qari evanġeliku. Ċenaklu hija l-aħjar definizzjoni li wieħed jistà jagħti lill-ċentru ekkleżjastiku bħal dan fejn l-abitanti tiegħu, intom, biex tkunu saċerdoti – mistiedna għaċ-ċena tal-Mulej – intom imsejħa biex tagħmlu tagħkom l-istess esperjenza ta’ Kristu li joffri lilu nnifsu lill-Missier, bħala vittma ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ għaqda fost il-bnedmin, sabiex ikoll “inkunu mqaddsa fil-verità”.
F’din is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni nixtieq, insemma, ukoll hawn, l-għajta evanġelika tiegħi, indirizzata lil dan iċ-ċenaklu, lis-saċerdoti u lis-seminaristi kollha li jgħixu fih:
– “Iftħu l-bibien lil Kristu Redentur”; iftħu l-bibien lill-Persuna tiegħu, li fiha, għall-ubbidjenza tiegħu sal-mewt, għandna mill-ġdid aċċess għall-Missier. Il-ftuħ lir-Redentur jesiġi kompenetrazzjoni, xebħ lilu, f’għaqda intima ta’ sentimenti, ta’ menti u rieda. Dan talab l-istess Kristu fit-talba għad-dixxipli tiegħu: “Sabiex ikunu ħaġa waħda biss bħalna”. Imbagħad la tonqsux, bil-maqlub, mill-intensifikazzjoni tar-rapport personali ma’ Kristu, permezz tat-talb individwali u dak komunitarju, u fuq kollox bil-Quddiesa ta’ kuljum, “sabiex – kif nirreċitaw fit-talba ewkaristika – imqawwija mill-Ġisem u mid-Demm ta’ Ibnek u mfawra mill-Ispirtu Santu, niffurmaw fi Kristu ġisem wieħed u spirtu wieħed”;
– mal-Kelma tal-Mulej, li għandha tippenetra f’ruħkom permezz tal-meditazzjoni, l-istudju, il-qari, billi toħolqu fikom mentalità f’sintonija perfetta mad-duttrina evanġelika u mal-maġisteru tal-Knisja, Omm u Għalliema;
– mas-Salib, li huwa s-sors tar-Redenzjoni u tal-ħajja, il-preludju tal-qawmien mill-imwiet u l-bażi ta’ kull tiġdid awtentiku: tħejju ruħkom – kif jgħid SanPawl – biex tippridkaw lil Kristu Msallab (cf. 1 Kor 1, 23); għalhekk hemm bżonn li tirrinunzjaw għall-kriterji tagħkom, għall-kriterji tad-dinja, waqt li b’deċiżjoni u mħabba tħaddnu l-kriterji tal-Vanġelu, ukoll jekk kultant dawn iqanqlu tbatija, sagrifiċċju u ċaħda;
– iftħu,fl-aħħarnett, il-bibien ta’ qalbkom għall-Knisja ta’ Ġesù, għat-tagħlim tiegħu, għall-orjentamenti pastorali tagħha u għar-regoli dixxiplinarji tagħha: Is-saċerdoti imħarrġa f’Ruma, qrib is-Sedja ta’ Pietru, għandhom mottiv speċjali ta’ lejaltà u fedeltà lejn il-Knisja, għall-għan li jagħtu xhieda tal-vitalità santifikatriċi tagħha u tal-preżenza tagħha viżibbli fid-dinja, mingħajr ma jaħbu l-identità propja f’dak kollu li jista jikkontribwixxi biex jirrendi trasparenti quddiem il-bnedmin kollha l-Vanġelu u l-Persuna ta’ Ġesù.
6. Għeżież ħuti Isqfijiet, superjuri u studenti tal-Kulleġġ: jiena kuntent li l-lejla qiegħed niltaqà hawn biex nitlob flimkien u ngħix siegħa ta’ fraternità ferrieħa, magħkom u wkoll mar-reliġjużi u l-lajċi li jaħdmu f’din id-dar u li nsellem bi mħabba u li lilhom nixtieq nesprimi gratitudni f’isem kulħadd għas-servizz ġeneruż lil din id-Dsr saċerdotali.
Lil kulħadd nagħti minn qalbi l-barka apostolika tiegħi.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb