Hieni l-bniedem li jagħti bil-ferħ

Il-Ħadd, 11 ta’ Awwissu 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Lawrenz. Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Ilkoll kemm aħna li qegħdin hawn dalgħodu – imma mhux aħna biss, kull bniedem – nistgħu ma’ isimna nżidu l-isem ta’ Lorenzo. Dan qed ngħidu mhux biex nagħmel pjaċir lilkom ta’ San Lawrenz, imma għax din hi l-verità. Kull bniedem ġo fih għandu l-isem Lorenzo.

L-isem Lorenzo għandu l-oriġni tiegħu fil-kuruna tar-rand – laurea, laurentius – li kienet il-premju mogħti lil dawk li jaslu xi mkien. Għadha sal-ġurnata mqaddsa tal-lum: dawk li jirbħu tiġrija, dawk li jiggradwaw fl-universitajiet, kull min jieħu xi lawrja, allura jiġi ddikjarat laurentius. Din il-kelma qiegħda fil-fond tal-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, għax kollha kemm aħna, sakemm ħajjin, irridu naslu xi mkien. U sakemm għandna skop fil-ħajja, sakemm nixtiequ nirrealizzaw lilna nfusna – inkunu mwettqin, inkunu sħaħ, inkunu kompluti bħala bnedmin –, allura għandna jgħajjat fina dan l-isem Laurentius.

Mela naħseb li kollha kemm aħna naqblu li nixtiequ nkunu aħjar, li ġo fina hemm enerġija, hemm imbuttatura li tmexxina pass jew iktar ’il quddiem. Ħafna drabi meta m’hemmx din l-imbuttatura, nibdew ninkwetaw li dħalna fl-istress jew fid-dipressjoni, dħalna fi sqaq iswed u m’aħniex naraw dawl. Imma sakemm aħna ħajjin u sakemm moħħna u qalbna jaħdmu mhux ħażin, ġo fina hemm din ix-xewqa, hemm dan l-isem Laurentius.

Imma kif nippruvaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum naqtgħu din ix-xewqa? Għalkemm ġo fina hemm dan il-bżonn li nkunu aħjar – u fuq din naqblu kollha kemm aħna –, imma mbagħad ma naqblux fuq kif nistgħu aħna nkunu aħjar. Hemm modi illi jistgħu verament jgħinuna nkunu aħjar, imma hemm toroq, passi, modi oħra li jpoġġuna f’sitwazzjoni agħar milli nkunu qegħdin fiha. Allura liema hi t-triq li jurina Lorenzo llum? Liema hi t-triq tal-lawrja vera u proprja? Liema hi t-triq li tgħinna nħossuna tassew bnedmin imwettqin u rrealizzati?

Lorenzo, kif tafu intom, kien żagħżugħ intelliġenti, ibda mill-istess raħal żgħir fejn twieled fi Spanja, sa Zaragoza, l-Università fejn imbagħad iltaqa’ mal-Papa Sistu II, u sa Ruma. Dan iż-żagħżugħ promettenti, li kien qed ifittex hu wkoll l-umanità tiegħu, li jkun bniedem sħiħ, għażel li t-triq tiegħu tkun Ġesù Kristu. It-triq tar-realizzazzjoni tal-bniedem, tat-twettiq tagħna, it-triq illi tista’ tagħmilna tassew kuntenti hija waħda. Ħafna minna għandna esperjenzi ta’ toroq oħra, għandna esperjenzi ta’ disfatti, ta’ frustrazzjonijiet, ta’ nkwiet li jġibu toroq oħra. Imma hija din it-triq biss – it-triq ta’ Ġesù Kristu – li lilna tista’ tiggradwana. Hekk nistgħu ngħidu li jitwettaq fina Laurentius, titwettaq fina l-umanità tagħna.

It-triq hi dik li jurina l-Vanġelu tal-lum (Ġw 12: 24-26), u li jkompli jsaħħaħ il-Qari li smajna, kemm l-Ewwel wieħed (Sir 51:1-8) u kemm it-Tieni (2 Kor 9:6-10). “Hieni l-bniedem”, irrepetejna fis-Salm 112 – imbierek il-bniedem, makarios, imwettaq u kuntent il-bniedem li jagħti bil-ferħ. Kemm nippreokkupaw ruħna fil-ħajja, kemm ninkwetaw biex nakkwistaw u biex niksbu. Kulma nakkwistaw fil-ħajja u niksbu – ikun xi jkun, flus, popolarità, unuri, pożizzjoni fuq ix-xogħol – mhux jissodisfana, mhux jikkuntentana, imma bħal joħloq fina vojt ikbar. Bħal dik il-ħofra li hemm fil-qalb tagħna, tikber u titwessa’. Din hi l-esperjenza tagħna, kollha kemm aħna. Naħseb li ħadd mhu ħa jmeri lil ħadd fuq dan li qegħdin ngħidu, għax din hija l-verità. M’hemmx xi ħaġa li lilek tista’ timliek u tgħid: ‘Jien issa sodisfatt għalkollox’. M’hemm l-ebda ħaġa, l-ebda oġġett, l-ebda persuna, l-ebda esperjenza, l-ebda rigal… xejn.

Allura liema hi t-triq ta’ Ġesù? It-triq ta’ Ġesù hi li fis-sitwazzjoni li qed fiha bħalissa int, bil-kapaċitajiet tiegħek li għandek issa – mhux li se jkollok ’il quddiem – bil-ġid tiegħek li għandek issa, bil-persuni li għandek madwarek, bid-difetti kollha li għandhom, issa int tipprova tħobb. Din hi t-triq ta’ Ġesù u din hija t-triq tar-realizzazzjoni, li tista’ tagħtina milja, li lilna tista’ tgħinna nħossuna bnedmin ta’ veru, bnedmin tassew. Din hi t-triq tal-ġenerożità, tal-għotja, tal-imħabba.

Irriflettu ftit fil-ħajja: x’ma nippruvawx niksbu sa minn meta nkunu għadna żgħar? Tipprova tikseb ħaġa waħda wara l-oħra: l-ewwel l-iskola, imbagħad il-ħbieb, imbagħad tipprova tikseb lit-tfajla jew lill-ġuvni, imbagħad il-karriera fuq ix-xogħol, imbagħad il-post fejn toqgħod, imbagħad forsi għal dar waħda, tnejn, forsi għal karozza, tnejn… u tibqa’ miexi, dejjem bil-għatx, dejjem bil-ġuħ, qatt m’inti mimli u sodisfatt għalkollox. Imbagħad nibdew nitilfu dak li nħobbu, kultant il-persuni li nkunu ddedikajna l-ħajja tagħna kollha għalihom; u nibdew nindunaw illi, ikollu kemm ikollu, il-bniedem huwa fqir, għeri, m’għandu xejn ħlief ħaġa waħda li tista’ tagħmlu sinjur: il-kapaċità li jħobb, li jgħin, li jaqdi, li jaħfer, li jassisti, li jkun mal-persuni fil-bżonn. Din l-unika ħaġa li għandna li lilna tagħmilna tassew sinjuri fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha issa.

Ħafna drabi aħna ngħixu fl-illużjoni ta’ meta jkolli iktar, meta nakkwista dik il-biċċa art, meta mbagħad nagħmel dik il-ħaġa, meta nakkwista dik id-degree, imbagħad inkun nista’… X’illużjonijiet fil-ħajja! L-unika ħaġa li għandna f’idejna hi din: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art – fil-preżent, qed jitkellem Ġesù, illum, mhux fil-futur – u tmut”… Jekk jien illum ma nippruvax immut għalija nnifsi, u nagħti biċċa minni nnifsi lill-oħrajn – lir-raġel tiegħi, lill-mara tiegħi, lit-tfal tiegħi, lill-ġenituri tiegħi, lil ħuti –, jekk jien ma nħobbx ftit lill-oħrajn, jien se nibqa’ vojt, se nibqa’ dejjem bil-għatx u bil-ġuħ.

Intom tafu f’liema dinja qegħdin ngħixu! It-triq ta’ Ġesù, it-triq tal-ġenerożità, kulma jmur qiegħda ssir dejjem iktar triq tal-ftit, triq unika, illi mhix popolari, triq rari li tagħżilha. Għax illum hemm toroq oħra: it-triq tas-suċċess, it-triq tal-ġid, it-triq tal-apparenza, it-triq tal-approvazzjoni. Huma dawn it-toroq illi aħna bħala bnedmin imbuttati minn hawn u minn hemm, minn fuq u minn taħt, mill-ġnub u minn kullimkien, biex infittxu, bl-illużjoni li xi darba se ngħidu: ‘Strieħ issa, ruħ tiegħi, għax issa kuntenta. Strieħ, qalb tiegħi, għax issa għandek kollox’. Imma aħna nafu li din hija illużjoni kbira, li d-dinja jaqblilha tfittex u timbotta lil min ifittex.

Dan għax hemm il-magna l-kbira tal-flus u tal-ekonomija li ddur wara dan kollu. Saħansitra aħna nafu li l-ekonomija tivvinta l-mard u l-problemi li ma jkunux. Għax għandek naqra piż, int għandek problema. Din hi invenzjoni tal-ekonomija biex tixtri xi ħaġa, biex tagħmel xi ħaġa ħalli tipprova tneħħi l-piż li għandek. Hekk jaqblilha l-ekonomija: li inti tiġri fit-triq li lilek ma tikkuntentak qatt, għax inkella tieqaf tonqof. Hemm bżonn li tibqa’ tonfoq għax l-ekonomija trid iddur, ir-rota tal-flus trid iddur.

Għalhekk Ġesù jippreżentalna t-triq: “Jien hu t-triq, jien hu l-verità, jien hu l-ħajja” (Ġw 14:7). Ma ninsewx li San Lawrenz kien bniedem intelliġenti, għax il-fidi titlob l-intelliġenza. Kulħadd għandu xi ftit jew wisq ta’ intelliġenza, imma importanti li nsaħħu l-fidi bl-intelliġenza, importanti li l-fidi ma tibqax xi ħaġa li nilqgħu u naċċettawha bl-għama u fl-għama, jew agħar u agħar, bis-superstizzjoni, b’sens maġiku. Immur nitlob, imbagħad tiġri xi ħaġa. Nagħmel wegħda, imbagħad naqla’ l-grazzja. Noqogħdu attenti! Ġesù Kristu wisq iktar intelliġenti minn hekk! San Lawrenz, li kien bniedem intelliġenti, għaraf minn kmieni li l-unika triq hi Ġesù Kristu, l-unika triq hi li jagħti ħajtu, li jagħti lilu nnifsu. Mhix triq faċli, imma hija triq diffiċli. L-unika triq hi t-triq tal-vokazzjoni, fil-każ tiegħu ta’ djaknu, fil-każ tagħna vokazzjoni ta’ miżżewweġ, ta’ miżżewġa, jew ta’ saċerdot; aħna msejħin kollha kemm aħna, fis-sitwazzjoni tagħna, biex inkunu bħal Ġesù, kull wieħed u waħda minna fis-sitwazzjoni tiegħu. Imma San Lawrenz, żagħżugħ intellġenti ta’ madwar 25 jew 27 sena – nafu li miet ta’ 32 sena – jagħżel bħala t-triq tal-ħajja tiegħu dik ta’ djaknu.

Ippermettuli dalgħodu, fil-Festa ta’ dan il-Qaddis kbir, imma fuq kollox ta’ dan ir-raġel intelliġenti u bis-sens, nippreżenta hawnhekk magħkom il-ħajja tal-vokazzjoni reliġjuża u saċerdotali bħala għażla ta’ nies intelliġenti, bħala għażla ta’ nies illi jagħrfu li, tikseb kemm tikseb matul ħames, għaxar, għoxrin, tletin sena minn ħajtek, fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa b’idek mimlija bir-riħ, b’idek mimlija b’xejn, b’idek mimlija bil-vojt. Dan għandna esperjenza kollha kemm aħna tiegħu: jekk ma nagħżlux lil Ġesù Kristu, jiġifieri li nagħtu l-ħajja tagħna, lilna nfusna lilu. Allura min jagħżel it-triq tal-ħajja reliġjuża, jew tal-ħajja tal-vokazzjoni saċerdotali jew ta’ konsagrazzjoni oħra, hi liema hi, anki fid-dinja, mhux qiegħed jagħmel għażla bla sens, mhux qiegħed jagħmel għażla ta’ barra minn hawn, imma hi l-għażla li tixraq l-iktar lill-verità tal-bniedem.

Għax fl-aħħar mill-aħħar x’se jibqa’? Quddiem il-persuna ta’ Ġesù, aħna biss se nibqgħu. Imma kultant ngħixu bl-illużjoni tal-eternità ta’ dak li għandna; il-gost sakemm inti rċevejt il-ħaġa u dawk il-ftit mumenti meta akkwistajtha, għax imbagħad jisparixxi. Kif jgħid tajjeb Shakespeare, il-pjaċir hu meta inti qed tixtieq il-ħaġa, għax meta takkwistha, taħrab, ma tibqax tieħu gost biha. Dak il-gost nimmaġinawh li hu etern, nimmaġinaw li hu għal dejjem. Nidħlu fl-illużjoni illi dak il-mument se nimmartellawh, se nimmarkawh, se jibqa’ dejjem ħaj fl-istorja tal-ħajja tagħna. Imma din hija nuqqas ta’ verità, u allura jagħmel sens li żagħżugħ jew żagħżugħa jagħżlu fil-ħajja tagħhom illi jimxu wara Ġesù, b’radikalità, bħala dixxipli tiegħu mhux biss fid-dinja, imma wkoll kif jgħid Ġesù stess fil-Vanġelu: “Għalkemm qegħdin fid-dinja, intom m’intomx tad-dinja” (Ġw 15:18-19).

Ejjew illum f’din il-Festa ta’ dan id-Djaknu, nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tiegħu, biex lilna li nqisu lilna nfusna bħala nies intelliġenti, jagħtina l-intelliġenza vera, mhux biss tal-Iskrittura imma anki tal-ħajja: is-sens komun tal-ħajja, il-verità tal-ħajja. Kemm jeħlisna minn inkwiet dan is-sens komun! Kemm teħlisna minn inkwiet din l-intelliġenza tal-Iskrittura! Forsi jista’ jkun hawn minna stess hawnhekk li nitħabtu, niġġennu u kultant niġġieldu u nidħlu f’kunflitti fuq affarijiet żgħar, li jgħaddu, li għoxrin jew tletin sena oħra ħadd mhu se jaħseb iktar fihom. Dan il-qaddis, il-ġid tiegħu, il-ġid tal-Knisja, tah kollu lill-foqra. Meta Valerjanu jitolbu u jgħidlu: ‘Ġibli l-ġid tal-Knisja’, jeħodlu l-veru ġid tal-Knisja: il-foqra. Għaliex huma dawn il-foqra, il-batuti, huma dawn li se jsalvawha lill-Knisja. Huwa l-fqir u l-batut li jsalvani. Sintendi, huwa l-fqir u l-batut li ma ngħinx illi jitlob kundanna għalija quddiem Alla. Huwa l-fqir u l-batut li jien ma nassistix, illi jgħajjat quddiem Alla ġustizzja għalija, għax jien imsejjaħ biex ngħinu mhux biss bħala Kristjan imma wkoll bħala saċerdot.

Ejjew nitolbu lil San Lawrenz biex jagħtina din l-intelliġenza. U nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Lawrenz, biex jagħtina l-kapaċità li nippromovu, li nħeġġu u li ngħinu żgħażagħ, adulti, kull min niltaqgħu miegħu, biex ngħixu l-ħajja tagħna Kristjana fl-essenzjalità tagħha, f’dak li hu l-iktar importanti: “Hieni l-bniedem li jagħti bil-ferħ”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading