BEATIFIKAZZIONI TA’ SUOR MARIA DI GESÙ CROCEFISSO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 13 ta’ Novembru 1983
“Ismà! Binti” . . . (Sal 45, 11).
1. Illum il-Knisja tapplika dan il-kliem tas-Salm għal Suor Marija di Gesù Crocifisso, Karmelitana Skalza imwielda fl-art li rat l-iżvolġiment ta’ ħajjet Ġesù ta’ Nazzaret; art li tinsab f’reġġjun li f’dawn il-jiem ukoll tkompli tkun fiċ-ċentru ta’ preokkupazzjonijiet gravissmi u tensjonijiet dolorużi.
“Ismà, binti”. Hekk hu, fit-tifkira tal-Poplu ta’ Alla tinkiteb b’mod profond it-triq ta’ Suor Marija lejn l-Għarus divin. Illum il-Knisja tinkurunaha bl-att tal-beatifikazzjoni. Tali att jirrendi xhieda tas-“sbuħija” spiritwali speċjali ta’ din il-bint tal-Art Imqaddsa; “sbuħija” li mmaturat fir-rifless tal-misteru tar-Redenzjoni: fir-raġġi tat-twelid u tat-tagħlim, tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu..
Il-liturġija tgħid lill-Beata l-ġdida: “Huwa hu Sidek: Agħtih qima” (Sal 45, 12).
U fl-istess ħin bil-kliem tal-istess Salm il-liturġija turi l-ferħ għall-elevazzjoni għall-altari tal-Qaddejja umli ta’ Alla.
“Kollha ġmiel bint is-sultan / bil-ġawhar minsuġ bid-deheb ilbiesha . . .” (Sal 45, 14): drapp tad-deheb tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba; tal-virtujiet tejologali u morali li hi eżerċitat bi grad erojku bħala bint il-Karmelu.
2. F’din is-Sena li l-Knisja qiegħda tgħix bħala Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni, bosta drabi inġbarna madwar figure li laħqu l-glorja tal-altari. Dan huwa sinjal partikolari tal-qawwa bla tarf tar-Redenzjoni li topera fl-erwieħ tal-Qaddeja maskili u femminili ta’ Alla, li jippermettilhom li jipprogredixxu b’mod tenaċi fit-triq tal-vokazzjoni għall-qdusija.
Din il-vokazzjoni għandha l-bidu tagħha etern fil-pjan salvifiku tat-Trinità Qaddisa, li dwarha jitkellem it-tieni qari tal-quddiesa: “Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbiha ta’ Ibnu ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom, ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll” (Rm 8, 29-30).
F’din id-dehra grandjuża Pawlina aħna nippenetraw, biex ngħidu hekk, fl-intimu stess tal-ħsieb divin, billi b’xi mod nilqgħu l-“loġika” tal-pjan tas-salvazzjoni, fir-rabta tal-azzjonijiet misterjużi li jmexxuna lejn l-attwazzjoni sħiħa tagħha. Hekk, mela, l-vokazzjoni għall-qdusija hija l-pjan ta’ Alla fir-rigward tal-bniedem: fir-rigward, illum, ta’ oħtna Marija di Gesù Crocifisso.
3. Barra minn dan il-vokazzjoni għall-qdusija hija frott tar-rivelazzjoni u tal-għarfien. Ikellimna bi kliem penetranti il-Vanġelu tallum . Ġesù jgħid: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma għaraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11, 25-27).
Il-veru għerf u dehen jassumi ċ-“ċkunija”, mifhumha bħala ħlewwa. Biha biss huwa possibbli, fl-Iben, għall-Iben u mal-Iben, nagħrfu l-misteri tal-Missier, li iżda jibqgħu mhux magħrufa għall-għorrief u l-intelliġenti ta’ din id-dinja, mogħmija mill-istupidaġni u s-suppervja (cf. 1 Kor 1, 18-21).
Il-vokazzjoni għall-qdusija tkun attwata minn dawk iċ-“ċkejknin” tal-Vanġelu li b’qalbhom kollha jaċċettaw ir-rivelazzjoni divina. Grazzi għal dan huma “jagħrfu l-Iben”, u grazzi għall-Iben “jagħrfu lill-Missier”.
Tali għarfien huwa infatti, fl-istess ħin, l-aċċettazzjoni tal-Vokazzjoni: “Ejjew għandi . . . Erfgħu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni . . .” (Mt 11, 28-29).
U hekk hu li wieħed imur għand Kristu propju kif marret Suor Marija di Gesù Crocifisso, jiġifieri billi ħadet fuqha l-madmad tiegħu, billi tgħallmet minnu, għaliex huwa ta’ qalb ħelwa u umli, u billi sabet il-mistrieħ għal ruħha (cf. Mt 11, 28-29).
4. U dan kollu huwa opra tal-imħabba. Il-qdusija tistrieħ, qabel kollox, fuq l-imħabba. Din hija l-frott matur tagħha. U fil-liturġija tallum, b’mod partikolari, hija eżaltata l-imħabba:
– “l-imħabba, qawwija daqs il-mewt”;
– “l-imħabba li l-ilminjiet il-kbar ma jistgħux jitfu”;
– “l-imħabba, li minħabba fiha trid tagħti r-rikkezzi kollha ta’ darek” (cf. Kt 8, 6-7).
Dan jgħid l-awtur tal-Għanja tal-għanjiet. U San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, jgħallem li Alla “f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rm 8, 28). Propju din il-koperazzjoni tindika t-triq tal-qdusija, ikolli ngħid, jum wara jum, tul il-ħajja kollha. F’din it-triq titwettaq il-qdusija bħala vokazzjoni eterna ta’ dawk “li kienu msejħin skont il-providenza ta’ Alla” (cf. Rm 8, 28).
5. Il-qari tal-Liturġija tallum huwa kumment splendidu lill-ħajja ta’ Suor Marija, imwielda qrib Nażżaret u mietet fil-Karmelu ta’ Betlem ta’ 33 sena. Imħabbitha lejn Kristu kienet qawwija bħall-mewt; il-provi l-iktar dolorużi ma tfewhiex, imma bil-maqlub ippurifikawha u saħħuha. Hija tat kollox għal din l-imħabba.
Il-ħajja kollha ta’ din l-għarbija ċkejkna, imfawra b’doni mistiċi straordinarji, kienet fid-dawl tal-Ispirtu Santu, it-tweġiba kuxjenti u irrevokabbli għal vokazzjoni ta’ qdusija, jiġifieri għal dak il-proġett etern ta’ salvazzjoni, li dwaru jitkellem San Pawl, li l-ħniena divina stabbilit għal kull wieħed u waħda minna.
Ħajjitha kollha hija frott ta’ dak l-“għerf” evanġeliku suprem li bih Alla jieħu gost jarrikkixxi lill-umli u lill-fqajrin, biex tħawwad lill-qawwija. Iddotata b’ċarezza kbira tal-qalb, fertili naturali u b’dik il-fantasija poetika karatteristika tal-popli semitiċi Marija, ma kellhiex l-opportunità li tidħol għal studji għoljin, imma dan ma mpedihiex, grazzi għall-virtù prominenti tagħha, li tkun mimlija b’dak l-“għarfien” li għandu l-ikbar valur, u li biex jirregalalna dan Kristu miet fuq is-salib: l-għarfien tal-Misteru Trinitarju, prospettiva tant importanti f’dik l-ispiritwalità nisranija orjentali. Li fiha ċ-ċkejkna Għarbija kienet edukata.
6. Kif wieħed jaqra fid-Digriet kanoniku tal-Beatifikazzjoni, “il-qaddejja umli ta’ Kristu, Marija di Gesù Crocifisso, billi tappartieni, minħabba razza, rit, vokazzjoni u peregrinazzjonijiet, lill-popli tal-Lvant u billi b’xi mod kienet rappreżentanti, hija bħala don magħmul lill-Knisja universali minn dawk li, fil-kondizzjonijiet miżeri ta’ ġlied u ta’ demm li fih qegħdin ixerrdu, b’mod speċjali issa jirrikorru b’fiduċja kbira tal-qalb għall-interċessjoni fraterna tagħha, fit-tama li grazzi wkoll għat-talb tal-Qaddejja ta’ Alla jiġu fl-aħħarnett restitwiti l-paċi u l-qbil f’dawk l-artijiet, fejn “il-Verb sar bniedem” (Ġw 1, 14), billi huwa nnifsu huwa l-paċi tagħna”.
Il-Beata Marija twieldet fil-Galilea. Minħabba dan ħsiebna tallabi jrid illum imur b’mod speċjali fl-Art fejn Ġesù għallem l-imħabba u miet sabiex l-umanità jkollha r-rikonċiljazzjoni. “Dik l-Art – kif fakkart diġa f’okkażjoni oħra – ilha tara, għal għaxriet ta’ snin, żewġ popli kontra xulxin f’antagoniżmu s’issa irriduċibbli. Kull wieħed minnhom għandu storja, tradizzjoni, ġrajja tiegħu, li donnhom jagħmlu diffiċli qbil bejniethom” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio occasione oblata orationis dominicae Angelus Domini habita, 5, domenica 4 aprile 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/1 [1982] 1110).
Illum iktar minn qatt qabel it-theddid li qed jheddidna iġegħlna nagħmlu mill-imħabba u mill-fratellanza l-liġi fundamentali tar-rapporti soċjali u internazzjonali, fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni u maħfra, billi nieħdu ispirazzjoni mill-istil ta’ ħajja, li bih il-Beata Marija di Ġesù Crocifisso hija ta’ eżempju mhux biss għall-poplu tagħha, imma għad-dinja kollha. Dan l-istil ġdid ta’ ħajja jistà jagħtina paċi stabbilita mhux fuq it-terrur, imma fuq il-fiduċja reċiproka.
7. Ejjew illum nifirħu ħdejn l-Altar tal-Istqarrija ta’ San Pietru għall-Beatifikazzjoni ta’ Suor Marija. Ejjew niktbu dan il-ferħ tal-Knisja fil-kont tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Ejjew flimkien infaħħru ma’ Kristu lill-Missier għaliex f’għajnejn ir-ruħ ta’ Suor Marija di Gesù Crocifisso irrivela l-misteru tal-imħabba u tal-verità u rrendiha parteċipi tal-glorja tas-Saltna tiegħu.
Ejjew mas-Salmista nitolbu lill-Beata l-ġdida sabiex il-Mulej jagħti l-paċi lil artu: “Itolbu paċi għal Ġerusalem: ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk, ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek. Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!” Minħabba f’Dar il-Mulej, Alla tagħna, nixtieq li jkollok il-ġid” (Sal 122, 6-9).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb