Qagħdiet u Ġesti Waqt il-Quddiesa (1)…u aktar Mirakli Ewkaristiċi

Minn Manwel Cutajar

Qagħdiet Varji

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa ngħollu qalbna, moħħna u leħinna lejn Alla. Imma aħna ħlejjaq maħluqin bil-ġisem kif ukoll bl-ispirtu u għalhekk it-talb tagħna mhux limitat għal moħħna,qalbna u leħinna biss, iżda jiġi espress ukoll minn ġisimna kollu kemm hu.

Meta ġisimna jieħu sehem fit-talb tagħna nitolbu bil-persuna sħiħa kollha tagħna, kif Alla riedna u ħalaqna bir-ruħ  magħquda u nkorporata f’ġisimna, u dan l-impenn tal-esseri kollu tagħna fit-talb jgħinna nitolbu b’attenzjoni u ħeġġa akbar.

Waqt il-Quddiesa nassumu u noqogħdu  f’qagħdiet differenti skond kif ikun meħtieġ: bilwieqfa, għarkopptejna, bilqiegħda, u flimkien ma’ dawn il-qagħdiet aħna wkoll  mistennija li nagħmlu numru ta’ ġesti differenti, kif se naraw aktar ‘il quddiem.

Dawn il-qagħdiet u ġesti mhumiex sempliċiment ċerimonjali. Għandhom tifsira reliġjuża profonda, jekk nifhmu eżattment x’inkunu qed nagħmlu, u jistgħu jsaħħu s-sehem personali u sħiħ tagħna fil-Quddiesa. Fil-fatt, dawn l-azzjonijiet huma l-mod li bih nimpenjaw ġisimna fit-talb waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.Kull qagħda li nassumu fil-Quddiesa timmarka u ssaħħaħ it-tifsira tal-azzjoni li nkunu qed nieħdu sehem fiha f’dak il-mument fil-qima tagħna.

Imma x’ifissru eżattament dawn il-qagħdiet esterni?

a) Il-qagħda “bilwieqfa” hija qabelxejn sinjal ta’ rispett: inqumu bilwieqfa fil-preżenza ta’ xi ħadd li rridu nqimuh  u nagħtuh ġieh.

Għalhekk aħna nqumu bilwieqfa waqt il-proċessjoni tad-dħul u tal-ħruġ taċ-ċelebrant, li jirrappreżenta lil Kristu, fil-quddiesa. Inqumu bilwieqfa wkoll meta nwieġbu għat-tislijiet taċ-ċelebrant. Inqumu meta jixxandar l-Evanġelju, il-qofol tar-Rivelazzjoni.

Bilwieqfa hi wkoll il-qagħda tat-talb tal-Lhud u l-karatteristika tat-talb Nisrani. Għalhekk illum aħna l-Insara nqumu meta ningħaqdu mas-saċerdot fit-Talba Ewkaristika, minbarra waqt il-Konsagrazzjoni, u talb ieħor solenni.

Il-qagħda bilwieqfa hi s-simbolu tal-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet. Inqumu bilwieqfa wara l-Konsagrazzjoni bħala qima lil Kristu Rxoxt. Din il-qagħda, sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja,ġiet mifhuma bħala l-qagħda ġusta u denja ta’ dawk li qamu ma’ Kristu u jfittxu l-ħwejjeġ tas-Sema. Għalhekk,l-insara f’dawn l-ewwel żminijiet qatt ma kienu jitolbu għarkobbtejhom nhar ta’ Ħadd u fi żmien il-Għid.

Meta noqogħdu bilwieqfa għat-talb nassumu l-istatura sħiħa tagħna,kollha kemm hi,quddiem Alla, mhux bi kburija, imma bi gratitudni umli għall-ħaġa meraviljuża li Alla għamel fil-ħolqien u l-Fidwa ta’ kull wieħed minna. Bil-Magħmudija ngħatajna sehem fil-ħajja ta’ Alla, u l-qagħda ta’ bilwieqfa hija rikonoxximent ta’ dan id-don mill-isbaħ. Dil-qagħda  għandha tiġi osservata wkoll waqt li nirċievu l-Ewkaristija fit-Tqarbin, is-Sagrament li jgħaqqadna fl-aktar mod profond possibbli ma’ Kristu, li Huwa l-kawża tas-Salvazzjoni tagħna.

Il-Miraklu Ewkaristiku  fil-ħajja tal-Beata Emilia Bicchieri

Il-Beata Emilia Bicchieri, magħrufa wkoll bħala Emilia ta’ Vercelli,twieldet fl-1238 f’Vercelli, l-Italja. Kienet waħda minn sebat ibniet imwielda fil-familja prestiġjuża tal-patrizju Gibellina ta’ Pietro Bicchieri. Emilia,sa minn età żgħira,wriet ġibda qawwija għall-ħajja reliġjuża, u ta’ spiss kienet tirtira f’kamritha għal sigħat sħaħ ta’ talb. Sfortunatament, ommha mietet waqt li Emilia kienet għadha tifla żgħira,u dan wassal lil missierha biex isir saħansitra aktar protettiv fuqha.

Għall-ewwel, missierha oġġezzjona għax-xewqa tagħha li ssir soru. Madankollu,hekk kif beda jifhem u japprezza s-sejħa vera tagħha, iffinanzja b’mod ġeneruż il-bini tal-monasteru Dumnikan ta’ Santa Margherita f’Vercelli. Ta’ 18-il sena, Emilia daħlet f’dan il-monasterju u ħaddnet il-ħajja ta’ soru Dumnikana.

Tul iż-żmien tagħha f’Santa Margherita,id-devozzjoni ta’ Emilia lejn l-Ewkaristija,il-Passjoni u l-Verġni Marija saret aktar dejjem kbira u soda. L-impenn bla waqfien tagħha lejn il-Fidi tagħha wassal biex tiġi magħżula ripetutament minn ħutha s-sorijiet bħala Prijora tal-komunità. Madankollu,Emilia b’umiltà rrifjutat dawn l- offerti,u minflok għażlet li tgħaddas lilha nnifisha f’servizz domestiku  għall- benefiċċju tas-sorijiet.

Kien biss fl-1273 li Emilia finalment aċċettat l-irwol ta’ Prijura. Matul dal-mandat tagħha bħala prijora, hija tat eżempju ta’ livell eċċezzjonali ta’ tmexxija spiritwali,billi ggwidat lil sħabha s-sorijiet b’imħabba, għerf u umiltà. Id-dedikazzjoni tagħha għall-benesseri spiritwali u materjali tal-komunità kienet ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.

Emilia kellha devozzjoni profonda lejn l-Ewkaristija. Kienet tagħrafha bħala l-għajn u l-qofol tal-fidi tagħha. Hija emmnet bil-qalb fil-Preżenza Reali ta’ Kristu fil-ħobż u l-inbid ikkonsagrati u fittxet li tnissel din il-qima f’ħutha s-sorijiet kollha.

Il-ħajja ta’ Emilia kienet immarkata minn talb profond, sagrifiċċju personali, u devozzjoni kbira lejn Alla. Hija trawmet bi mħabba qawwija lejn il-Passjoni ta’ Kristu, kienet timmedita kontinwament fuq it-tbatija Tiegħu u toffri t-tbatijiet tagħha  f’għaqda ma’ Tiegħu. Din id-dedikazzjoni bla waqfien għas-sagrifiċċju ta’ Kristu wasslitha għal fehim aktar profond tal-qawwa fejjieda tal-Imħabba Tiegħu.

Il-Mirakli Ewkaristiċi:

Emilia kellha devozzjoni kbira lejn is-Santissimu Sagrament,u diversi mirakli Ewkaristiċi  huma attribwiti lilha. Miraklu Ewkaristiku ferm sabiħ seħħ meta kienet qed tieħu ħsieb is-sorijiet morda fl-infermerija u waslet tard wisq għall-Quddiesa biex tirċievi t-Tqarbin. Niżlet għarkubbtejha fit-talb u ġie lejha anġlu biex jamministra l-Ewkaristija Mqaddsa.

F’okkażjoni oħra, id-dmirijiet tagħha fl-infermerija żammewha milli tagħmel ir-ringrazzjament twil wara li rċeviet it-Tqarbin. Wara li attendiet il-quddiesa marret lura għand is-sorijiet morda u qaltilhom, “M’iniex waħdi, ħuti; ara, inġib lil Ġesù biex iberikkom.” F’dak il-mument, it-tliet sorijiet  morda fiequ b’mod mirakoluż mill-mard tagħhom.

Flimkien mal-Ewkaristija, il-Beata Emilia kellha mħabba partikolari lejn il-Kuruna tax-Xewk. 

Hija rċeviet l-Istigmati fil-forma tal-feriti li rċieva Sidna Ġesu mill-Kuruna tax-Xewk. Din it-tbatija u l-grazzja damu għal tlett ijiem., Emilia mietet fl-3  ta’ Mejju 1314 f’Vercelli fl-eta ta’ 76 sena. Ġiet midfuna fil-monasterju ta’ Santa Margherita, li kienet qdiet b’devozzjoni tul ħajjitha.

Aktar tard ir-relikwi tagħha ġew imqiegħda fil-Katidral ta’ Vercelli, fejn għadhom meqjuma llum.

Il-ħajja qaddisa u virtuża tal-Beata Emilia Bicchieri kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna matul is-sekli. Il-beatifikazzjoni tagħha saret fid-19 ta’ Lulju, 1769,  mill-Papa Klement XIV.

Mill-eżempju tagħha,nistgħu nkunu ispirati biex ikollna devozzjoni akbar lejn l-Ewkaristija Mqaddsa u qima aktar profonda għall-Passjoni tal-Mulej Ġesù.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading