Saċerdot Franċiż isalva s-Sagrament minn knisja kattolika li ngħatat in-nar

Kitba ta’ Joe Galea

Patri Sébastien RousseI, il-Kappillan tal-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, fil-belt ta’ Saint-Omer, fir-reġjun ta’ Pas-de-Calais, in-naħa ta’ fuq ta’ Franza, irnexxielu jsalva s-Sagrament u mal-għoxrin oġġett sagru ieħor, fosthom ir-relikwarju tal-korp qaddis ta’ Santa Kornelja, wara li l-knisja tiegħu sfat maħruqa fil-lejl ta’ nhar it-Tnejn, 2 ta’ Settembru.

Joël Vigoureux, ta’ 39 sena, magħruf mal-ġustizzja li fil-passat ipprova jagħti n-nar lil bosta postijiet ta’ qima, inqabad ftit sigħat wara li n-nirien inġiebu taħt kontroll. Skont l-awtoritajiet tal-belt, in-nar beda għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu, imbagħad infirex mal-navi tal-ġenb u tan-nofs, lejn is-saqaf u l-kampnar, li waqgħu fi ftit ħin. In-nar kien kontrollat f’4 siegħat, grazzi għall-ħidma qalbiena ta’ 120 ħaddiem tat-tifi tan-nar. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’.

Il-Kappillan tal-knisja, Patri Sébastien Roussel, irrakkonta li daħal fil-bini hekk kif l-awtoritajiet li kienu fuq il-post qalulu li seta’ jgħaddi. “Bl-awtorizzazzjoni u taħt il-ħarsien tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, stajt nidħol fil-knisja meta n-nar kien taħt kontroll biex nieħu dak li hu l-aktar importanti, jiġifieri l-ewwel iċ-ċiborju mit-tabernaklu u mbagħad diversi statwi u oġġetti oħra sagri.” Patri Roussel żied li “t-twieqi mpittra tal-ħġieġ, partikolarment dawk sbieħ fil-kor dedikati lil Verġni Marija, ma ġratilhomx wisq ħsara.”

Il-Knisja storika tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Saint-Omer hi ta’ stil neo-Gotiku u kienet tlestiet fl-1859 u ġiet rinnovata għal kollox mill-muniċipalità fl-2018 bi spiża ta’ ħames miljun ewro. Il-president tar-reġjun ta’ Hauts de France, Xavier Bertrand, assigura li l-amministrazzjoni tiegħu “se tkun qrib il-belt ta’ Saint-Omer għar-rikostruzzjoni tal-knisja, biex tara li dan il-wirt storiku u reliġjuż jerġa’ jieħu l-ħajja.”

Nhar it-Tlieta 3 ta’ Settembru saret laqgħa fil-muniċipju, li għaliha attenda l-perit li kkoordina r-rinnovazzjoni li saret fl-2018 kif ukoll uffiċjali mill-prefettura tal-belt, biex tiġi maħsuba bla dewmien ir-rikostruzzjoni. Madankollu, din hi mistennija li tieħu diversi snin.

L-Erbgħa 4 ta’ Settembru nżamm ħin ta’ talb quddiem knisja, segwit minn Quddiesa ċelebrata mill-Isqof ta’ Arras, Olivier Leborgne, fil-Bażilika ta’ Notre-Dame-des-Miracles f’Saint-Omer.

Ir-ritratti tal-fjammi jibilgħu is-saqaf u l-kampnar tal-knisja komplew inisslu rabja u dieqa fuq il-midja soċjali, mhux l-inqas minħabba li dawn l-atti saru tant familjari għas-soċjetà Franċiża.

F’dawn l-aħħar snin, numru ta’ strutturi emblematiċi tal-Knisja Kattolika fi Franza, fosthom il-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi, ġarrbu ħsarat gravi min-nirien. Fil-11 ta’ Lulju, inħakem min-nar il-kampnar tal-Katidral ta’ Rouen, bil-ħaddiema iġibu n-nirien f’ħin qasir taħt kontroll. Imma l-ħsara laħqet saret.

Fit-12 ta’ Lulju, l-Osservatorju tal-Patrimonju Reliġjuż, li hu assoċjazzjoni li tħabrek biex tipproteġi u tagħti importanza lill-wirt reliġjuż ta’ Franza, qalet li 27 knisja sofrew min-nirien is-sena li għaddiet u 12 fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. L-attakki fuq biniet reliġjużi f’dawn l-aħħar snin jgħoddu għal madwar 90 il-mija tal-1,000 attentat kontra l-Insara kif reġistrati kull sena mill-Ministeru tal-Intern tal-pajjiż.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading