QUDDIESA GĦALL-UNIVERSITARJI U GĦAN-NIES TAL-KULTURA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 15 ta’ Diċembru 1983
“Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu! Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!” (Lq 3, 4. 6).
1. X’inhu l-Avvent? X’inhu l-Avvent tas-Sena tar-Redenzjoni u tal-Ġublew Straordinarju?
Qegħdin niltaqgħu, bħal kull sena, f’dan il-perijodu billi issa nġorru fina tweġiba sħiħa għal din il-mistoqsija, imma fl-istess ħin nistaqsu mill-ġdid. Jalla t-tweġibiet ikunu sors ta’ mistoqsijiet ġodda b’mod partikolari dawk li jiddedikaw ruħhom għax-xogħol xjentifiku: l-ambjenti universitarji, il-professuri, ix-xjenzati, ir-riċerkaturi, l-istudenti. Kull sena niltaqgħu f’din l-assembleja kemm f’dan il-perijodu tal-Avvent kif ukoll f’dak tar-Randan. F’din is-sena qiegħed jiżdidilna mottiv partikolari: il-Ġublew Straordinarju tar-Redenzjoni. Insellem lil dawk kollha preżenti b’kordjalità partikolari. Insellem lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika, lill-illustri retturi tal-universitajiet, lill-Professuri u lin-nies tal-kultura kollha. Insellem b’qalb kbira lilkom ilkoll, studentessi u studenti, li ġejtu numerużi għal din il-laqgħa ta’ talb.
Pellegrini ġejjin minn partijiet differenti tad-dinja biex iżuru b’mod speċjali f’din is-sena l-oqbra tal-Appostli. Nifraħ għaliex illejla nistà nagħmel żjara-pellegrinaġġ flimkien magħkom, għeżież ħuti. Nittama li jiżvela ruħu quddiemna b’mod iktar sħiħ il-misteru tal-Avvent, li se jkellem lil qlubna bil-profondità xokkanti tar-Redenzjoni. Infatti l-Avvent jintroduċina fir-Redenzjoni tad-dinja u jurina għeruqha: il-“bidu” tagħha f’Alla, u, sa ċertu punt, jurina wkoll “il-bidu” tal-bniedem. Dan ma jirrigwardax biss il-bidu fis-sens storiku. Huwa b’mod sempliċi, il-“bidu” – li ma jieqaf qatt. “Il-bidu” li mhux biss “kien” darba, imma dejjem “hu”; u dan huwa f’kull wieħed u waħda minna!
Dan huwa l-mottiv li għalih hemm bżonn li niltaqgħu, fiż-żmien tal-Avvent, ħdejn il-mejda tal-Kelma divina u minnha ngħaddu għall-mejda tal-Ewkaristija. Għażilna ppropju l-lejla tallum għal din il-laqgħa. Nixtiequ, bil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, napprofondixxu l-għarfien tagħna tal-Avvent u tar-Redenzjoni. Nixtiequ nakkomodaw fl-Ewkaristija l-opra feddejja ta’ Kristu: dak il-frott sagramentali tar-Redenzjoni tad-dinja, iddestinata b’mod irrepetibbli għal kull wieħed u waħda minna: skont il-metru tal-għarfien tagħna u tal-imħabba tagħna.
2. “Ħejju t-triq tal-Mulej . . .”.
Dan il-kliem ippronunzja darba l-profeta kbir Iżaija, l-evanġelista tat-Testment il-Qadim, L-istess kliem dewa fl-inħawi tal-Ġordan, meta qorbot il-miġja ta’ Kristu. Irrepetihom Ġwanni, bin Żakkarija u Eliżabetta, waqt li stieden lis-semmiegħa biex jirċievu l-magħmudija tal-penitenza.
“Il-poplu kollu sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta’ Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta’Ġwanni. Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom” (Lq 7, 29-30). Jistà l-bniedem iġib fix-xejn il-pjan ta’ Alla? Jistà l-bniedem iġib fix-xejn il-pjan ta’ Alla għalih innifsu?
Hawn hi l-mistoqsija li tippreżenta ruħha fl-okkażjoni tal-meditazzjoni fuq il-kliem tal-Vanġelu tallum tal-Avvent. Din hija l-mistoqsija li fuqha jeħtieġ li nieqfu. Infatti din tippermettilna li nippenetraw b’mod iktar profond fil-misteru tar-Redenzjoni u tal-Avvent.
It-test tal-Vanġelu ta’ San Luqa huwa preċiż ħafna. Fuq ix-xtut tal-Ġordan jgħallem bniedem ta’ Alla. Profeta, anzi iktar minn profeta. Il-bniedem li mhux biss jippronunzja bi kliemu uman il-verità ġejja minn Alla, imma l-profeta li iktar minn kwalunwè ieħor iħabbar bil-quddiem l-ġrajja feddejja. Imexxi lill-bnedmin għal-laqgħa miegħu. Huwa mhux biss profeta, imma l-messaġġier! Għalhekk huwa mhux biss jippridka imma jkompli kliemu b’sinjal ta’ konverżjoni: jgħammed. Permezz ta’ din il-magħmudija ta’ penitenza jixtieq jirrendi parteċipi tal-miġja tal-Mulej lis-semmiegħa tiegħu. Feħsiebu jħejji fi qlubhom l-Avvent u r-Redenzjoni.
Dawk li jirċievu l-magħmudija, jisimgħu kliem il-profeta “billi jagħrfu l-ġustizzja ta’ Alla”: dan ifisser li jilqgħu l-verità miġbura fil-kliem ta’ Ġwanni bħala l-verità ġejja minn Alla. Dawk li ma jirċivux il-magħmudija, ma jridux jagħrfu din il-verità: ma “jagħrfux il-ġustizzja ta’ Alla”. U billi jagħmlu dan “iġibu fix-xejn għalihom il-pjan ta’ Alla”.
3. Jistà l-bniedem iġib fix-xejn il-pjan ta’ Alla? Jistà l-bniedem iġibu fix-xejn fil-konfront tiegħu? It-tweġiba għal din il-mistowsija toħroġ diġa sa ċertu punt mill-bidu stess tal-Iskrittura Mqaddsa, fl-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi.
Iva. Il-bniedem, l-ewwel bniedem – maskju u femmina – ġab fix-xejn il-pjan ta’ Alla fil-konfront tiegħu u indirettament tal-bnedmin kollha. L-innoċenza u l-ġustizja oriġinarji jċedu quddiem id-dnub tan-nisel.
Billi ħadha kontra l-kliem tal-Ħallieq, l-ewwel bniedem ma għarafx il-ġustizzja ta’ Alla: billi ħadem kontra r-rieda tiegħu “ġab fix-xejn” il-pjan ta’ Alla fil-konfront tiegħu u ta’ razztu kollha. Dwar dan kollu jitkellmu l-ewwel kapitoli tal-Ktieb tal Ġenesi.
Fl-istess waqt, iżda, l-istess kapitoli jiżvelaw sadattant verità oħra: il-bniedem ma jirnexxilux iġib fix-xejn il-pjan feddej ta’ Alla. Id-dnub tan-nisel, il-kollass tal-ewwel patt mal-Ħallieq jinvolvi l-aħbar bil-quddiem tar-Redenzjoni; l-aħbar bil-quddiem tal-patt il-ġdid u etern ta’ Alla mal-bniedem f’Ġesù Kristu.
Flimkien mad-dnub tan-nisel jibda l-Avvent fl-istorja tal-umanità, u jibda jaġixxi fil-qlub umani l-misteru tar-Redenzjoni tal-bniedem. Il-pjan ta’ Alla ma jistax jisfaxxa fix-xejn. Id-dnub tal-bniedem ma jisfaxxax fix-xejn min-naħa ta’ Alla r-rieda tar-Redenzjoni tiegħu. L-Imħabba ta’ Alla hija ikbar mid-dnub tal-bniedem.
4. Propju dwar din l-imħabba ta’ Alla, li hija ikbar mid-dnub tal-bniedem, ikelliimna llum l-ewwel qari tal-Ktieb tal-profeta Iżaija.
Din hija stedina għall-ferħ indirizzata lill-Iżrael bħala l-poplu magħżul minn Alla. L-elezzjoni tal-poplu fil-kelma tal-profeta, hija nkorporata mal-elezzjoni tal-għarusa min-naħa tal-Għarus,
Ejjew naqraw il-kliem li jistgħu jikkompenetrawna bi stagħġib sagru: “. . . L-għarus tiegħek, il-Ħallieq tiegħek, Jaħweh tal-eżerċti jismu; il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael, Alla tal-art kollha jissejjaħ” (Iż 54, 5).
Propju fil-konfeomt ta’ dan ir-Raġel u Redenturr, l-għarusa Iżrael wriet ruħha iktar minn darba għarusa infidila u mara adultera. Iktar minn darba – wieħed jistà jgħid – “sfaxxat fix-xen” il-pjan feddej ta’ Alla fir-rigward tagħha. Imma dan il-pjan feddej ippersevera f’Alla b’mod inflessibli u instankabli.
Hawn hu l-kliem suċċessiv tal-profeta: “Tiġi jewwilla rrifjutata l-mara li żżewwiġt f’żgħożitha? Igħid Alla tiegħek. Għal ftit jien tlaqtek; imma bi mħabba bla qies nerġà niġbrok. Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi minnek; bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik, jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek” (Iż 54, 6-8).
Propju: il-Feddej. Ir-Redenzjoni hija sinjal ta’ Mħabba ikbar mid-dnub tal-bniedem; hija sinjal ta’ Mħabba iktar qawwija mill-mewt. Tali Mħabba ma tistax tkun “miġjuba fix-xejn” minn ebda dnub, linqas minn xi nfedeltà tal-bniedem, tal-popli u tal-umanità. L-Imħabba tibqà dejjem Imħabba, u f’dan tikkonsisti r-rebħa definittiva tagħha fl-istorja tad-dnub uman: :Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżhżu l-għoljiet, / imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, / u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx” (Iż 54, 10).
5. L-Avvent ikellimna propju dwar din l-Imħabba, li “ma titbiegħedx” mill-bniedem. U l-Avvent tas-Sena tar-Redenzjoni dan jenfasiżżah iktar.
Alla “ma jitbiegħedx” mill-bniedem. Dejjem jerġà lura għandu. Dejjem “jiġi”. Il-Knisja, kull sena, dejjem tgħix mill-ġdid il-misteru tal-miġja ta’ Alla.
L-Avvent jixhed li l-umaniàt ma tistax “tisfaxxa” l-pjan feddej ta’ Alla fl-ebda stadju tal-istorja. L-Avvent tal-1983 jixhed li d-dinja kontemporanja ma tistax “tisfaxxa” l-pjan feddej ta’ Alla. Din id-dinja li fiha ngħixu. U hija d-dinja mimlija kontradizzjonijiet u mimlija tensjonijiet. Jekk minn banda din “tagħmina” bil-konkwisti tal-progress fit-teknika, mill-banda l-oħra l-perikli fuq skala sa issa mhux magħrufa u l-prospettiva tal-awtodistruzzjoni iqanqlu fina l-biżà
Din hija d-dinja mgħobbija, f’modi differenti, bid-dnub. Dan ikkostitwixxa wkoll it-tema tal-aħħar assemblea ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, f’Ottubru li għadda, li t-tema tiegħu kienet “Rikonċiljazzjoni u Penitenza fil-missjoni tal-Knisja”.
Fl-istqarrijiet tal-parteċipanti fis-Sinodu ġie rikonfermat, f’diversi modi, il-fatt li l-biedem “jistà jisfaxxa” l-pjan feddej ta’ Alla, fil-konfront tiegħu meta “ma jagħrafx il-ġustizzja ta’ Alla”, meta ma jfitixx ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u t-triq tal-penitenza.
Madankollu, fl-istess ħin, saret ferm iktar ċara l-verità li dak il-pjan feddej ta’ Alla ma jistax ikun sfaxxat! Il-misteru tar-Redenzjoni jagħti xhieda lill-Imħabba, li hija ikbar mid-dnub tal-bniedem u mid-“dnub tad-dinja”.
6. Hekk mela t-tweġiba għall-mistoqsija: xinhu l-Avvent – speċjalment l’Avvent tas-sena tar-Redenzjoni – jaqbeż lura, fl-aħħar minn l-aħħar, fuq kull wieħed u waħda minna.
Ninsabu fl-istess sitwazzjoni li fiha sabu ruħhom is-semmiegħa ta’ Ġwanni l-Battista fuq ix-xtut tal-Ġordan.
Il-profeta kien igħid: “Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu”, u kien jgħid dan fil-plural. Kien jgħidu lil kulħadd. Bdanakollu, kull wieħed minn dawk preżenti kien jifhem li qiegħed jgħid lilu. Kull wieħed kien jaf li kien jiddependi minnu personalment l-“għarfien tal-ġustizzja ta’ Alla”, il-ġustizzja murija fil-kliem tal-profeta. Minnu personalment kien jiddependi r-riċeviment tal-“magħmudija tal-penitenza”, jew inkella “l-isfaxxar għalih tal-pjan ta’ Alla”.
Dan il-pjan feddej huwa ndirizzat prinċipalment u definittivament ukoll lil kull wieħed u waħda minna. Huwa nditizzat lill-fakultà tal-għarfien u fuq kollox, lill-kuxjenza, li tagħraf il-ġustizzja ta’ Alla. Dan ifisser ukoll taċċetta l-verità fuq id-dnub, li tħabbrilna l-kuxjenza tagħna. Nistqarru dan id-dnub quddiem Alla. Nakkużaw lilna nfusna fis-Sagrament tal-Knisja .
Iva, Il-pjan feddej ta’ Alla huwa ndirizzat lil kull wieħed u waħda minna permezz tal-kuxjenza propja. Oqogħdu attenti li din tibqà fil-verità u li tkun retta! Hija ħaġa ġusta li llum nagħtu iktar attenzjoni lid-dimensjoni soċjali tad-dnub. Imma jkun perikoluż jekk il-kunċett tad-“dnub kollettiv” kellu jċajpar r-responsabiltà morali u propja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Infatti, kull wieħed u waħda minna nistgħu “nisfaxxaw: il-pjan ta’ Alla “fir-rigward tagħna nfusna”; mhux il-pjan divin – f’Alla nnifsu – imma wieħed jistà jisfaxxah “għalih stess”. Jistà jisfaxxah f’tali dimensjoni. F’dan ikkonsisti l-kobor u d-dramma tal-libertà umana. Alla jippermetti li l-pjan feddej tiegħu ikun sfaxxat mill-bniedem; infatti huwa ħalaq il-bniedem liberu, u jirrispetta r-rieda libera tiegħu.
7. L-Avvent. L-Avvent tas-Sena tar-Redenzjoni.
Niġu hawn biex inħejju t-triq tal-Mulej. Niġu hawn biex inwittulu l-mogħdijiet ta’ ħajjitna, tal-kuxjenzi tagħna, tal-familji tagħna, tal-ambjenti tagħna, tal-poplu tagħna. . . għaliex “kull bniedem” għandu jara “is-salvazzjoni ta’ Alla”.
U allura l-frott tal-laqgħa tal-Avvent huwa dan: li l-pjan feddej ta’ Alla m’għandux u ma jistax ikun “sfaxxat” minn ħadd minna għall-oħrajn. Ejjew f’din l-okkażjoni naħsbu: min huma dawk “l-oħrajn”? Sa fejn jasal l-influss ta’ “ħsibijietna, kliemna, l-opri tagħna u l-ommissjonijiet”?
Hawn hi l-idea ewlenija li timmatura fina qrib il-mejda tal-Kelma ta’ Alla, permezz tal-meditazzjoni dwarha. U b’din l-idea, b’dan il-għan ejjew nersqu qrib il-mejda tal-Ħobż tal-Mulej; għall-Ewkaristija.
“Ngħollik , Mulej, għax erfajtni . . . / Mulej, tellajtli mill-mewt ‘il ruħi, / ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.” (Sal 30, 2. 4).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb