Minn Manwel Cutajar
Fil-Knisja Nisranija tal-bidu, għall-insara li joqogħdu għarkopptejhom, kienet tfisser niket, sogħba, umiltà u penitenza għax id-dnub ibaxxina tabilħaqq sal-art spiritwalment u fil-kuxjenza tagħna! Bid-dnub tiegħu l-bniedem għandu jħossu mnikket u umiljat, imma fl-istess waqt sogħbien quddiem Alla li tant iħobbu.
Għalhekk aħna l-Insara nitolbu għarkopptejna fi żmien il-penitenza u fl-għemejjel penitenzjali!
Għall-Insara tal-bidu, il-qagħda għarkopptejn kienet iddentifikata sew mal-penitenza. Iżda mbagħad dawn l-Insara ma kinux jinżlu għarkopptejhom il-Ħadd u matul iż-żmien tal-Għid u f’Pentekoste meta l-ispirtu prevalenti tal-Liturġija ta’ dak iż-żmien liturġiku kien dak ta’ ferħ u radd il-ħajr. Fil-jiem tal-Mulej u f’Pentekoste kulħadd irid jitlob bilwieqfa u mhux għarkopptejh. (Referenza għall-Kanoni 20 tal-Ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea, 325 AD)
Aktar riċenti, fil-Kristjaneżmu, din il-qagħda waslet biex tfisser adorazzjoni lejn l-Ewkaristija u ta’ talb privat. Għalhekk noqogħdu għarkopptejna waqt il-Konsagrazzjoni fil-quddiesa jew Ċelebrazjoni Ewkaristika,u waqt ftit mumenti ta’ talb u radd il-ħajr privat u skiet wara t-tqarbin.
Il-Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja tal-Beatu Ġakbu Papocchi ta’ Montieri,l-Italja
Ġakbu Papocchi, twieled fis-sena 1213 f’Montieri, fil-Provinċja ta’ Grosseto, l-Italja. Ta’ età żgħira beda jaħdem fl-arġentiera lokali tal-isqfijiet ta’ Volterra.
Fl-1243 kien ġie akkużat li seraq fidda diġà raffinata fiż-żekka tal-pajjiż. Madanakollu, minn dokumenti storiċi jidher li dan l-att ta’ serq ta’ Ġakbu u sħabu ma kienx sempliċiment serq, iżda sinjal ta’ protesta miftuħa lejn l-isfruttament sistematiku li l-awtorita ta’ Siena kienet qiegħda twettaq fuq il-belt tagħha u l-inħawi kollha tal-madwar.
Skont il-ġustizzja ta’ dak iż-żmien, amministrata mis-Sieniżi, li ħadu l-amministrazzjoni lokali minn taħt idejn l-Isqof, inklużi l-arġentiera, Ġakbu biss (għax sħabu kien irnexxielhom jaħarbu u ma jinqabdux) kien ġie akkużat li seraq fidda diġà raffinata fiż-zekka tal-pajjiż u ġie ikkundannat biex idu l-leminija u siequ x-xellugija jiġu amputati t-tnejn. B’hekk Ġakbu sab ruħu f’diżabbilta totali. Fi spirtu ta’ mogħdrija xi nies tal-post ħaduh lejn id-dar ta’ missieru, fejn baqa’ għal żmien twil hekk midrub, jistenna li l-feriti tiegħu jfiqu.
Madankollu, did-diżabbilita serja tiegħu kienet opportunità għal Ġakbu biex jerġa’ jiskopri l-fidi tiegħu lejn Alla u r-reliġjon Nisranja tiegħu..
Ġakbu, li reġa’ skopra lil Alla fit-talb, ried jibqa’ m’Alla biss. Għalhekk talab lill-Isqof djoċesan għall-awtorizzazzjoni biex ikun “immurat”, ( f’dak iż-żmien imsejjaħ murato) jiġifieri biex jgħix f’seklużjoni rigoruża f’ċella żgħira biswit il-knisja ta’ San Giacomo Apostolo, dak iż-żmien taħt il-ġurisdizzjoni reliġjuża tal-patrijiet Ċisterċeni tal-Abbazija antika ta’ San Galgano.
It-talba tiegħu ġiet milqugħa mill-isqof tal-post. Minn hawn huwa kellu jibqa’ magħluq u għal 46 sena sħaħ.
Il-bijografi tal-ħajja tiegħu jiktbu li l-Ewkaristija kienet iċ-ċentru tal-ħajja ta’ talb u l-penitenza tiegħu, u x-xewqa tiegħu għall-quddiesa kienet tant kbira li miċ-ċella tiegħu, minn ġol-ħajt oħxon li kien jifirdu mill-knisja ta’ maġenbu, seta’ jara lis-saċerdot jiċċelebra l-Quddiesa fuq l-artal tal-knisja. Wara s-saċerdot kien iwassalu l-Ewkaristija biex iqarbnu fiċ-ċella tiegħu.
Waqt il-mumenti twal u diffiċli ta’ solitudni assoluta fiċ-ċella tiegħu Ġakbu spiss kien ikun suġġett għal tentazzjonijiet diaboliċi kbar u kontinwi l-aktar f’dak li kellu x’jaqsam mal-fidi tiegħu fl-Imħabba u l-Maħfra ta’ Alla u l-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.
Iżda hu qatt ma waqaf jitlob u jfaħħar lil Alla, u hekk dejjem irnexxielu jgħib u jirbaħ fuq dawn it-tentazzjonijiet kollha tax-xitan.
Huwa laħaq stat ta’ mistiċiżmu għoli: viżjonijiet u sinjali prodiġjużi matul ħajtu u mirakli f’epoki ta’ wara, tant li l-kult tiegħu għadu ħaj fil-popolazzjoni lokali sal-lum.
Il-ħajja ta’ Murato
B’differenza mill-eremita, li kien jista’ jikkultiva l-ġnien tiegħu u jkollu l-awtonomija tiegħu, il-Murato kien jiddependi esklussivament fuq il-karità ta’ ħaddieħor. Ma kien hemm ebda mod li setaʼ jikseb l-ikel ħlief billi jistenna li jinġieb lilu. Madanakolu, Ġakbu ma kienx waħdu fil-vjaġġ iebes tiegħu: in-nies ta’ Montieri, li kienu skużawh għall-ġest żagħżugħ tiegħu, issa kienu jqisuh bħala qaddis u tawh is-solidarjetà u l-għajnuna kollha tagħhom. Iċ-ċella tiegħu kienet tixbah, anke fiżikament, is-sentry box ta’ sentinella li kienet tħares lin-nies u tinterċedi għalihom bit-talb.
Il-Miraklu Ewkaristiku
Anke fil-bijografiji antiki tiegħu naqraw li f’Ġakbu x-xewqa għall-Ewkaristija kienet tali li, fil-jiem qrib il-mewt tiegħu peress li s-saċerdot ma setax jitla’ mir-raħal ta’ isfel għall-knisja ta’ San Ġakbu Appostlu biex jiċċelebra l-quddiesa u jqarben lil Ġakbu, minħabba l-borra kbira li niżlet hemmhekk dakinhar. Ġesù nnifsu “qassis u vittma fl-istess ħin”, niżel biex iqarbnu Hu stess.
Wara 46 sena ta’ penitenza rigoruża ħafna Ġakbu miet fit-28 ta’ Diċembru 1289, meqjum ħafna mill-poplu tiegħu, u midfun fis-26 ta’ Jannar ta’ wara, mingħajr ma ddekomponi ġismu li llum huwa miżmum b’ġieħ kbir f’urna artistika fuq l-artal maġġur tal-knisja parrokkjali arċipretali ta’ San Pawl u Mikiel fiċ-ċentru ta’ Montieri.
Ismu huwa rreġistrat fil-katalgu tal-qaddisin tad-djoċesi ta’ Volterra.
Il-Beatifikazzjoni ta’ Ġakbu Papocchi
Il-Papa Piju VI fl-1798, dak iż-żmien hu stess kien priġunier ta’ Napuljun fiċ-Ċertosa ta’ Firenze, fuq talba tal-poplu kollu ta’ Montieri, rappreżentat mill-isqof djoċesan ta’ Volterra, ikkonferma l-kult tal- Ġakbu Papocchi billi bbeatifikah.
Mill-1348 ilha teżisti Opera Sancto Jacopo Murato f’Montieri bil-għan li tonora l-memorja tiegħu. Fl-aħħar żminijiet l-Opera ġiet rikostitwita biex tgħaddi l-kult u l-memorja storika ta’ Beatu Ġakbu Papocchi, li wara ġie magħruf bħal il-Qaddis Patrun ta’ Montieri, u biex tippreserva l-postijiet sagri fil-memorja tiegħu u biex torganizza festi f’ġieħu li għadhom jiġu ċċelebrati fit-tieni Ħadd ta’ Mejju u fit-28 Diċembru ta’ kull sena, il-jum tal-Anniversarju mill-mewt tiegħu..