Qagħdiet u ġesti waqt il-Quddiesa (3)… u aktar Mirakli Ewkaristiċi

Minn Manwel Cutajar

Fil-bidu ta’ kull quddiesa, nibdew f’qagħda bilqiegħda. Dil-qagħda  hija meqjusa bħala l-qagħda bażi tal-qima tagħna lejn Alla, għaliex minnha nistgħu nqumu bilwieqfa u noqogħdu għarkopptejna, skond dak li jkun qed iseħħ fuq l-artal fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Hekk kif nersqu lejn il-post li fuqu nkunu għażilna biex noqogħdu bilqiegħda, u wara li, kif inhu xieraq, inkunu nżilna  għarkopptejna biex nagħmlu sinjal ta’ reverenza profonda lejn is-Santissmu Sagrament,noqogħdu bilqiegħda nistennew biex inqumu bilwieqfa malli  naraw lis-saċerdot/i u ministri oħra mexjin f’purċissjoni lejn l-artal għall-bidu tal-quddiesa.

Il-qagħda ta’ bilqiegħa hija qagħda ta’ wieħed li qiegħed jisma’ b’attenzjoni biex jitgħallem u jimmedita.Għalhekk noqogħdu bilqiegħda waqt il-qari tal-Bibbja (l-ewwel u t-tieni Lezzjoni),imbagħad inqumu bilwieqfa waqt il-qari tal-Evanġelju,u nerġgħu noqogħdu bilqiegħda waqt l- omelija.Noqogħdu wkoll bilqiegħda waqt li ċ-ċelebrant iħejji l-offerti u jsir il-kant.Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex fil-ħin li nkunu bilqiegħda  noqogħdu attenti għal dak kollu li jkun qed iseħħ fuq l-altar.Madanakollu,għandna nfittxu li ninżlu għarkopptejna,meta hu possibbli,waqt il-ħin l-aktar Solenni u qaddis tal-Konsagrazzjoni u waqt l-Elevazzjoni mis-saċerdot tal-Ġisem u d-Demm ta’  Ġesu Kristu.

Il-Ġenuflezzjoni

Din tikkonsisti fl-għemil,normalment qasir,li wieħed jagħmel billi jgħawweġ l-irkoppa u imissha mal-art b’reverenza jew qima. Hekk aħna l-insara nagħmlu ġenuflessjoni fil-Knisja b’mod speċjali quddiem l-Ewkaristija. Il-ġenuflezzjoni,(mill-kelma Latina genuflectere,iffurmata mill-kelmiet genu (“irkoppa”) u flectere (“li titgħawweġ”),hija sinjal ta’ riverenza lejn is-Santissimu Sagrament.L-għan  tagħha hu li n-nisrani jimpenja ruħu kollu kemm hu biex jirrikonoxxi l-Preżenza ta’  Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Mqaddsa u jqimha. 

Huwa att ta’ qima li ssir ġenuflezzjoni kull meta n-nisrani  jgħaddi minn quddiem is-Santissimu Sagrament miżmum fit-Tabernaklu.“Din il-prassi venerabbli ta’ ġenuflezzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes,sew jekk magħluqa fit-tabernaklu jew esposta pubblikament, bħala sinjal ta’ adorazzjoni, … teħtieġ li ssir b’mod miġbur. Sabiex il-qalb titbaxxa quddiem Alla b’mod profond,u ta’ reverenza,il-ġenuflezzjoni la għandha tkun mgħaġġla u lanqas traskurata.” (Dokument Inaestimable Donum tal-Kongregazzjjoni Sagra għas-Sagrmenti u Qima Divina par.26, 17 ta’ April 1980)

Purċissjonijiet fil-quddiesa:

Tajjeb ngħidu li kull purċissjoni fil-Liturġija Ewkaristiika hija sinjal tal-Knisja pellegrina,tagħna l-Insara li nemmnu fi Kristu l-Mulej u l-Mexxej tagħna,li jurina u jmexxina  fi triqitna lejn Ġerusalemm tas-Sema.

Fil-quddies hemm erba’ purċissjonijiet:

  • Il-Quddiesa tibda bil-purċissjoni taċ-Ċelebrant  u ministri oħra li jimxu lejn l-artal. (2) Meta ċ-Ċelebrant jew id-djaknu jmur lejn l-ambone biex jaqra l-Evanġelju,biex iħabbar il-Kelma ta’ Alla, u jfissirha lill-insara, l-aktar kull nhar ta’ Ħadd bl-omelija tiegħu, (3) il-purċissjoni tal-insara meta jressqu l-offerti tal-ħobż u l-inbid lejn l-artal u (4) meta l-membri tal-miġemgħa Nisranija jersqu lejn l-altar f’purċissjoni,b’ħerqa,b’attenzjoni u devozzjoni dovuti,biex jirċievu l-Ewkaristija fit-Tqarbin.

Il-Prostrazzjoni

Dil-qagħda  li tikkonsisti filli n-nisrani jinżel minn tulu kollu f’art,b’wiċċu wkoll mal-art,bħala att ta’ umiltà l-aktar  profonda lejn Alla.Dil-qagħda tfisser ukoll ir-rieda tagħna li nieħdu sehem fil-Mewt ta’ Kristu sabiex Miegħu wkoll nieħdu sehem fil-Qawmien Tiegħu.Dil-qagħda hija wkoll qagħda storika ta’ talb,iżda la s-saċerdot u lanqas il-lajċi mhuma mistennija biex jwettqu dil-qagħda waqt il-Quddiesa,għajr waqt xi okkażjoni speċjali:hekk pereżempju dil-qagħda li liturġikament tintuża miċ-Ċelebrant fil-bidu taċ-Ċelebrazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej nhar il-Ġimgħa l-Kbira,meta hu jinżel minn tulu fl-art quddiem l-artal. Hija wkoll parti mir-Rit ta’ Ordinazzjoni Sagra għall-isqfijiet,saċerdoti,u djakni waqt il-Litanija tal-Qaddisin,meta dawk li jkunu se jiġu ordnati jinżlu minn tulhom fl-art quddiem l-Isqof  Ċelebrant f’talb umli u sottomissjoni lejn Kristu fil-bidu tal-Ministerju u servizz Sagru  tagħhom li jkun se jirċievu skond il-grad tal-Ordni Sagru tagħhom .

Il-Prostrazzjoni tista’ tkun meħtieġa wkoll minn membri relliġjużi waqt il-Professjoni Solenni jew Perpetwa tal-Voti Reliġjużi tagħhom f’xi Ordnijiet Reliġjużi

Il-Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja ta’ San Ġerardu Majella

Il-Miraklu Ewkaristiku: Ġerardu Majella sa minn ċkunitu kien iħobb lil Ġesù fis-Sagrament Imqaddes! Ġurnata waħda,meta kellu biss seba’ snin,tela’ biex jitqarben man-nies l-oħra.Imma meta l-qassis ra lit-tifel daqshekk żgħir, huwa  għadda minn ħdejh bla ma qarbnu.Meta ra hekk Ġerardu nfaqa’ jibki.Imbagħad fil-lejl ta’ wara ġie San Mikiel Arkanġlu u ta lil Ġerardu l-Ewwel Tqarbina.Jum wieħed qassis sabu għarkopptejh ħdejn l-artal u staqsieh x’kien qed jagħmel hemmhekk.Ġerardu wieġeb: “Tifel Ċkejken ħareġ mit-tabernaklu u tani t-Tqarbin!”

San Gerardu Majella twieled fis-6 ta’ April,1726 f’Muro, fl-Italja. Missieru, ħajjat, miet meta Ġerardu kien għadu  tfajjel ta’ 12-il sena,għalhekk ommu bagħatitu għand ħajjat b’esperjenza sabiex jitgħallem sew is-sengħa ta’  missieru. Għalkemm dal-ħajjat lil Ġerardu kien iħobbu u jieħu ħsiebu ħafna, l-foreman inkarigat mit-taħriġ tiegħu spiss ma kienx  jittrattah tajjeb.

 
Minħabba t-tbatija u l-umiljazzjoni li ġarrab taħt dal-foreman, Ġerardu dejjem ħassu qrib Kristu,li Hu nnifsu kien jiġi ttrattat ħażin b’mod krudili fil-Passjoni Tiegħu. U dil-ħaġa lil Ġerardu għamlitlu kuraġġ għax b’hekk ħassu li kien qed jimita dejjem aktar lil  Ġesù fuq is-Salib.

 Aktar tard Ġerardu  fetaħ ħanut tal-ħjata fid -dar ta’ ommu.Il-ħjata tiegħu kienet perfetta u l-prezzijiet tiegħu kienu ġusti,u qatt ma ħa flus mingħand il-foqra. Ġerardu mar tajjeb fin-negozju tiegħu. Kien professjonali u ġeneruż ħafna. Kien jagħti lil ommu terz tal-qligħ kollu tiegħu, terz ieħor lill-foqra ta’ Muro, u l-bqija kien jagħtihom biex isir Quddies għall-Erwieħ fil-Purgatorju.

Iżda Ġerardu dejjem xtaq  li jidhol f’xi Ordni Reliġjuż. Ipprova jingħaqad mal-Franġiskani, imma ma ġiex aċċettat minħabba il-kundizzjoni mhux tant tajba ta’ saħħtu. Madanakollu,fis-sena 1749. ġie aċċettat mill-Ordni Reliġjuż Redentorista bħala ajk reliġjuż.

Matul il-ħames snin tiegħu fl-Ordni  Fra Ġerardu kien  sar maħbub u  magħruf minn kulħadd, anki min-nies tar-raħal, għall-ħeġġa appostolika tiegħu, il-paċenzja fil-mard tiegħu stess, il-imħabba għall-foqra, l-umiltà profonda quddiem akkużi foloz, l-ubbidjenza tiegħu lejn is-superjuri tiegħu, l-ispirtu ta’ penitenza, u l-ħerqa għat-talb.

Kiteb bosta ittri taʼ direzzjoni spiritwali.

Il-Mulej żejnu wkoll b’ħafna doni spiritwali, fosthom il-profezija, il-ħila li jaqra l-qlub u d-don tal-mirakli.  Xi wħud mill-mirakli rrappurtati ta’ Majella jinkludu r-restawr tal-ħajja lil tifel li kien waqa’ minn fuq irdum għoli, il-barka tal-provvista skarsa ta’ qamħ li kien jappartjeni lill-familja fqira u li jdum sal-ħsad li jmiss, u diversi drabi l-multiplikazzjoni tal-ħobż li Ġerardu Majella kien iqassam  lill-foqra.

Ġurnata waħda wkoll, Ġerard mexa fuq l-ilma biex iwassal  dgħajjes ta’ sajjieda qalb  mewġ qawwi tal-baħar lejn is-sigurtà tax-xatt.

L-aħħar rieda tiegħu kienet nota żgħira fuq il-bieb taċ-ċella tiegħu: “Hawn ir-rieda ta’ Alla ssir, kif irid Alla, u kemm irid Alla”.

B’dan il-mod, Fra Ġerardu għex u ħadem sakemm miet bit-tuberkulosi fis-16 ta’ Ottubru 1755 fl-età ta’ 29 sena,f”Materdomini, l-Italja.

Fra Ġerard ġie bbeatifikat f’Ruma fl-1893 mill-Papa Ljun XIII,u ġie kkanonizzat fl-1904 mill-Papa San Piju X.

Patrun tal-ommijiet li waslu biex iwelldu

San Ġerardu Majella hu magħruf u invokat bħala l-Qaddis  Patrun tal-ommijiet tqal.It-Taljani jirreferu għalih bħala  ”il Santo dei parti felici”. “il-Qaddis tat-twelid hieni.” Dan minħabba fejqan mirakoluż f’dar-rigward attribwit lilu matul ħajtu. Fil-fatt, l-aħħar miraklu rreġistrat ta’ San Ġerardu Majella huwa wieħed li ħafna jikkreditawh li bih sar il-qaddis Patrun tal-ommijiet li waslu biex iwelldu. Hu magħruf li ftit qabel mewtu, Ġerardu Majella ltaqa’ ma’ tifla żgħira, li din riedet tirritornalu l-maktur tiegħu li kien waqagħlu mingħajr ma kien induna, iżda hu kien qalilha biex żżommu, għax li “jista jkollha bżonnu xi darba.” Eventwalment, snin wara l-mewt ta’ San Ġeradu Majella, it-tifla żżewġet u ħarġet tqila. Meta waslet biex twelledt hi kienet f’xifer li titlef it-tarbija tagħha. Hija talbet biex jiġi applikat fuqha l-maktur ta’ San Ġerardu. Kważi immedjatament, l-uġigħ tagħha naqas u hija kompliet biex welldet tarbija b’saħħitha, xi ħaġa rari ħafna matul dak iż-żmien.

Huwa wkoll il-Qaddis Patrun tat-trabi fil-ġuf, tal-Moviment favur il-ħajja, u ta’ dawk li kienu jiġu akkużati  b’mod inġust  ta’ xi għemil ħażin, kif fil-fatt darba kien ġie akkużat hu stess, kif se naraw f’din il-ġrajja.

Fil-fatt fis-sena1754, Ġerard kien ġie kkalunnjat u akkużat mit-tfajla  Neria Caggiano b’għemil żieni.  Iżda dit-tfajla aktar tard ammettiet li l-akkuża tagħha kienet gidba. Anke qabel ma ammettiet il-falsità tagħha Ġerard ma ċaħadx l-akkużi tagħha. Peress li dawn l-akkużi kienu għadhom ma ġewx ikklarifikati, is-superjur tiegħu Alfons Liguori sar suspettuż, għalhekk poġġieh taħt sorveljanza u żammu  milli jitqarben għal xhur sħaħ sakemm it-tfajla ammettiet li gidbet.

Meta mistoqsi minn Sant’ Alfons għaliex żamm sieket f’ċirkustanzi bħal dawn, San Ġerard wieġeb li jaħseb li hemm bżonn ta’ paċenzja bħal din anki  quddiem akkużi inġusti.

Hekk San Ġerard ġarr dil-kalunja b’tant umiltà u paċenzja, tant li Sant’ Alfons kien stqarr li: “Ġerard hu tabilħaqq reliġjuż qaddis”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading