Apprezzament lejn xogħol il-missjunajri madwar id-dinja

Fix-xahar t’Ottubru niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarja nhar il-Ħadd 20 t’Ottubru 2024 bit-tema meħuda mill-Evanġelju ta’ San Mattew: “Morru u stiednu lil kulħadd għall-ikla tal-festa” (ara Mt 22:9).

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ħeġġeġ lill-arċiprieti u kappillani kollha, u lill-provinċjali tal-ordinjiet reliġjużi f’Malta biex nuru apprezzament fil-parroċċi tagħna lejn tant missjunarji li tul is-snin marru fl-artijiet tal-missjoni.

“Għad hemm tant missjunarji, anke jekk ħafna minnhom f’età avvanzata, li għadhom jagħtu qalbhom u l-enerġija kollha tagħhom biex iwasslu l-ferħ tal-Evanġelju u jgħinu anke materjalment u soċjalment lill-eluf kbar ta’ nies f’ħafna pajjiżi. Il-ħidma li ssir minn tant missjunarji mad-dinja kollha hi kbira. Huma jibnu knejjes, iżommu skejjel, jikkuraw pazjenti fiċ-ċentri tas-saħħa, jilqgħu tfal jew familji abbandunati fi djar għalihom, jipprovdu bżonnijiet essenzjali biex in-nies jgħixu ħajja b’dinjità, jagħtu korsijiet lill-katekisti, jagħtu formazzjoni lil eluf ta’ seminaristi u studenti reliġjużi u b’tant modi oħra jwasslu l-Aħbar it-Tajba.”

Għal dawn il-ħidmiet isiru talbiet kontinwi lill-Opri Missjunarji Pontifiċji, illum magħrufa bħala MISSIO. Għaldaqstant l-appell għall-Insara din is-sena hu biex ikunu ġenerużi fl-offerti tagħhom fil-ġabra fil-knisja f’Jum il-Missjoni.

Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ missio.org.mt jew billi jintbagħat ċekk inidirizzat lil MISSIO Malta f’wieħed minn dawn iż-żewġ indirizzi: L-Uffiċċju Missjunarju, 7, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta VLT 1171 jew 150, Triq Gafà, il-Mosta MST 4128. (Ċekkijiet huma validi minn €20.01 ‘il fuq.)

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading