Il-Papa Franġisku  lit-teologi: “Imxu ‘l quddiem fil-fidi u fid-djalogu

“Ippromwovu teoloġija li, mill-għoli tas-Salib u għarkopptejha quddiem ħaddieħor, tuża kliem umli, moderat u radikali biex tgħin lil kulħadd jersaq lejn il-kompassjoni, u kliem, li jgħallimna nersqu lejn l-għatba tal-Misteru Divin”. Il-Papa Franġisku ta dan l-inkoraġġiment f’messaġġ bil-vidjo lill-Fakultà Teoloġika Pontifikali ta’ Sqallija ‘San Ġwann l-Evanġelista’, fil-kapitali ta’ Palermo, nhar l-Erbgħa wara nofsinhar.

Fir-rimarki għall-ftuħ tas-Sena Akkademika l-ġdida tal-istituzzjoni, l-Qdusija Tiegħu rrifletta fuq id-diversità, s-sbuħija, u l-isfidi tal-gżira Taljana, u ssuġġerixxa li dawn l-elementi jistgħu jagħtu s-setgħa lill-isforzi tagħhom.

Il-Papa beda billi fakkar kif, hu, b’xi mod, jimxi “fuq il-passi ta’ San Ġwann Pawlu II,” li żar il-Fakultà ta’ Sqallija fil-21 ta’ Novembru 1982, waqt iż-Żjara Pastorali tiegħu f’Belice u Palermo. “L-Fakultà tagħkom, imwielda b’vokazzjoni ekkleżjoloġika qawwija,” ħeġġeġ il-Papa Franġisku, “hija msejħa mill-istorja u attenta għas-sens ta’ fidi li jipposjedi l-poplu ta’ Alla, biex tkun protagonista fl-indirizzar tal-isfidi li l-Mediterran joħloq għat-teoloġija.”

Fir-rimarki tiegħu, l-Papa ħeġġiġhom biex jimxu ‘l quddiem bi djalogu ekumeniku mal-Lvant, djalogu interreliġjuż mal-Iżlam u l-Ġudaiżmu, u biex jiddefendu d-dinjità tal-bniedem fil-‘Mare nostrum’, “li spiss jinbidel f’mostrużità bil-loġika tal-mewt.” Barra minn hekk, il-Papa stedinhom jieħdu mis-saħħa kulturali u soċjali tal-pietà popolari, u mill-letteratura “għall-fidwa tad-dinjità kulturali tal-poplu”.

Barra minn hekk, il-Papa Franġisku tenna l-ħtieġa li nisimgħu “l-għajta” tal-vittmi tal-mafja li qed jixxenqu li jkunu ħielsa mill-ħakma tagħhom fit-territorju, u b’mod speċjali, faħħar lil dawk li bla biża’ ġġieldu l-pjaga, anke sal-punt li taw ħajjithom. “Din l-art taf xhieda u martri kbar,” qal il-Papa li semma’ lil dawk li ħadmu bla waqfien biex jopponu l-kriminalità organizzata fit-territorju li “għadu mmarkat traġikament mill-pesta tal-mafja”. “Ejjew ma ninsewhx dan,” insista.

B’dan f’moħħu, l-Qdusija Tiegħu saħaq li l-involviment f’diskussjonijiet teoloġiċi fil-Mediterran jeħtieġ “li niftakru lit-tħabbira tal-Evanġelju tgħaddi mill-impenn li nippromwovu l-ġustizzja, tegħleb l-inugwaljanzi, u tiddefendi l-vittmi innoċenti, sabiex l-Evanġelju tal-ħajja jkun jista’ dejjem jiddi, u l-ħażen jista’ jitwarrab fil-forom kollha tiegħu.”

F’dan l-ispirtu, l-Papa osserva li għandna bżonn teoloġija “b’wegħda” u “impenn”, li “tgħaddas ruħha fl-istorja, u, fiha, tagħmel tiddi l-karità ta’ Kristu”. Il-Papa Franġisku temm jgħid li jħaddan lill-membri tal-Fakultà u talabhom biex jitolbu għalih.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-10/pope-encourages-theologians-to-go-forward-in-faith-and-dialogue.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading