Omelija tat-30 Ħadd matul is-Sena B

RAĠEL GĦAMA JGĦALLEM LIL DAWK LI JARAW!

Minn Fr Michael A. Galea.

Ma nafx qattx mortu Lourdes, ħafna jsejħulha “il-belt tal-Madonna”. Kull sena eluf ta’ pellegrini jmorru f’dal-post marjan sabiex  jitolbu lill-Madonna tfejjaqhom! Ħafna minn dawn il-pellegrini jfiequ spiritwalment u oħrajn ifiequ wkoll f’ġisimhom. Jekk m’iniex sejjer żball, minn meta l-Madonna dehret għall-ewwel darba lit-tfajla Santa Bernardette Soubirous (id-data tal-ewwel dehra kienet il-11 ta’ Frar 1858) il-Knisja aċċettat 67 miraklu: qisithom bħala interventi minn Alla bl-interċessjoni tal-Madonna.  

Fit-trejqa li tagħti mill-bażilka ta’ fuq għall-grotta, hemm monument li jirrapreżenta raġel nieqes mid-dawl. In-naħa t’isfel ta’ dan il-monument hemm skrizzjoni li tgħid hekk: “Takkwista l-fidi hu iktar importanti milli takkwista d-dawl t’għajnejk!” Din l-iskrizzjoni xtaqitha waħda mara li f’Lourdes reġgħet kisbet il-fidi u fehmet kemm kienet għamja qabel bdiet temmen. Xi ħaġa oħra: saċerdot Taljan jirrakkonta li f’Lourdes iltaqa’ ma’ raġel nieqes mid-dawl, kien jismu Pietro. Bomba kienet splodiet viċin tiegħu, hu tilef idu l-leminija u tilef ukoll id-dawl t’għajnejh. Ikompli jgħid dan is-saċerdot: “Innutajt kemm kien hemm serenita’ fil-qalb ta’ dan ir-raġel anki jekk ma jarax.” Qalli: “Padre, itlob ħafna għal uliedi għaliex m’għadhomx jemmnu; jien, bl-għajnejn tal-ġisem ma nara xejn, imma bl-għajnejn tar-ruħ nara ħafna ħwejjeġ kbar u importanti.” Dan kollu li għedt s’issa jintroduċina għall-vanġelu tal-lum: Ġesu’ jfejjaq raġel nieqes mid-dawl. F’ San Mark, dan huwa l-aħħar miraklu li jwettaq Ġesu’ qabel ma tela’ Ġerusalem biex jieħu l-passjoni, joqtluh u fit-tielet jum iqum mill-mewt. Se nagħmel tliet riflessjonijiet.

L-ewwel riflessjoni. F’dak iż-żmien, waqt li Ġesu’ kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu…kien hemm wieħed tallab għama… bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Kien jismu Bartimew. Nota żgħira: jekk ikollna nanalizzaw dan l-isem irridu ngħidu li Bar-Timew ifisser “Bin dak li mhux safi u pur”. Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, is-soċjeta’ ta’ dak iż-żmien kienet tatu t-tikketta tal-“impurita’ ritwali” (jiġifieri ma setax imur jaqdi id-dmirijiet tiegħu fit-tempju, eżattament bħal dik il-mara li kienet marida bit-tnixxija tad-demm). Jekk ikollna nagħtu isem lil dil-marda ta’ Bartimew Bin Timew, nistgħu nsemmu kull xorta ta’ mard spiritwali u materjali li forsi nimirdu bih aħna u mexjin it-triq tal-ħajja. Il-fatt li jinsab mal-ġenb tat-triq jista’ jfisser li minħabba l-marda tiegħu, Bartimew huwa bniedem emarġinat jew maqtuh mis-soċjeta’ u biex inkun daqsxejn prattiku għandi nagħmel mistoqsija, qabel xejn lili nnifsi u mbagħad lilkom: “Min jaf aħniex nemarġinaw nies u nżommuhom fil-ġenb tat-triq?” Fi kliem ieħor: “Tgħid iniex inħossni tant tajjeb jew tant tajba li qed nara lil kulħadd dubbien?” Qabel nara d-difetti u n-nuqqasijiet ta’ l-oħrajn għandi bżonn nara d-difetti u n-nuqqasijiet tiegħi. Qawl Malti jgħid: “Biex tiskonġra trid tkun pur”.

It-tieni riflessjoni. Is-silta tal-vanġelu tkompli… Kif sema’  ħoss ta’ ħafna nies għaddejja u li fosthom kien hemm Ġesu’, Bartimew ma xtaqx jitlef l-okkażjoni li jfieq mill-marda tiegħu; għalhekk beda jgħajjat u jgħid: “Ġesu’ bin David, ikollok ħniena minni!” (karba li f’dal-vanġelu għamilha darbtejn.) X’għandna f’din il-karba? Bartimew, jaf bil-faqar tiegħu u dal-faqar tiegħu bidlu f’talba ħerqana. Xi ħadd qal: “Kemm hi ħaġa diffiċli tagħraf u tinduna li inti fqir jew li inti fqira! Sa kemm inti ma tindunax b’dan il-faqar tiegħek u ma tumiljax ruħek, Alla ma jista’ jagħtik xejn! Imma Bartimew bin Timew irnexxielu. Għal għajnejn id-dinja Bartimew ma kellu xejn, imma f’għajnejn Alla huwa kien sinjur kbir: kellu kollox għax sab lil Alla fil-libsa ta’ Ġesu’ Kristu ta’ Nazaret!”

It-tielet tiflessjoni. Għal dal-krib tal-għama, Ġesu’ waqaf u talab lil dawk li qabel riedu jsiktuh biex iġibuh quddiemu. San Mark jgħamel dal-kumment: “Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq saqajh u mar ħdejn Ġesu’.” Il-fissiera tal-Iskrittura jgħidulna li meta dan l-għama tajjar il-mantar minn fuqu, San Mark ried jgħidilna li issa, konvint li Ġesu’ se jfejqu, dan l-għama m’għandux bżonnu iżjed: il-mantar kien iservieh biex jitgħatta bil-lejl u jifirxu quddiemu mal-ġurnata biex fih jilqa’ l-offerti ta’ dawk li jagħtuh l-offerti tagħhom.

U hawn hekk beda djalogu bejn Ġesu’ u dan ir-raġel għama. Ġesu’ staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, magħallem,” wieġbu Bartimew. Meta ra l-fidi kbira tiegħu, Ġesu’ qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek. U minnufih Bartimew beda jara u jgħidilna San Mark: “Dak li minn għama beda jara, baqa’ miexi wara Ġesu’.”

Nispiċċa b’poeżija qasira tal-poeta Taljan Trilussa.

Iltqajt ma’ waħda għamja, f’nofs il-bosk
Li qaltli: “Jekk ma tafx it-triq
Nakkumpannjak jien għax nafha.
Nieħdok sat-tarf, fejn hemm ċipressa,
Nieħdok sal-quċċata, fejn hemm salib.”


Jiena weġibt: “Tajjeb, imma naraha stramba
Li tmexxini int, mara għamja.”
L-għama qabditli idi
U qaltli: “Imxi!”
Kienet il-fidi.

BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA

Mexxini Int, Dawl ħanin,
fid-dalma ta’ madwari.
Mexxini Int, dejjem ‘il quddiem!
Il-lejl iswed tuta,
u jiena bogħod minn dari.

Mexxini Int, dejjem ‘il quddiem!
Ħarisli l-passi tiegħi: ma nitlobx li nara minn issa
Dak li għandi nara ‘l quddiem: pass wieħed kull darba biżżejjed għalija.

Mhux dejjem kont hekk
u mhux dejjem tlabt
li tkun Int li tmexxini, Int, dejjem ‘il quddiem!

Kont inħobb nagħżel u nara triqti jien. Imma issa
mexxini Int, dejjem ‘il quddiem!

Is-setgħa tiegħek berkitni fl-imgħoddi,
u żgur tagħraf għal darba oħra,
tmexxini dejjem ‘il quddiem,
fil-mogħxa u fix-xagħari,
qalb il-blat kiefer u l-mewġ jogħla,
sakemm jgħib il-lejl.

Mexxini Int, Dawl ħanin,
mexxini Int, dejjem ‘il-quddiem!

(Il-qaddis San John Henry Newman)

One thought on “Omelija tat-30 Ħadd matul is-Sena B”

  1. Ir-ragel tieghi ukoll nieqes mid-dawl wara 7 operazzjonijiet, imma permezz tal-fidi huwa kalm u rrassenjat. Prosit ghax li ktibt hu kollu minnu. Flimkien kollox possibbli

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading