Niċċelebraw l-Ewkaristija bil-Kant u l-Mużika (1) … u aktar Mirakli Ewkaristiċi

Minn Manwel Cutajar

Min ikanta, jitlob darbtejn” hekk kiteb Santu Wistin (354 – 430 AD) fit-trattat tiegħu Enarratio in Psalmos,72,1. Dal-Isqof ta’ Ippona fisser li l-kant iżid mat-tifħir u l-qima tagħna lil Alla għax l-ilħna u l-kant tagħna huma rigali mingħand Alla, li bihom nistgħu nkantaw l-isbaħ melodiji u għanjiet lill-Mulej.

It-talb kantat jesprimi l-ferħ tal-qalb, il-ferħ li jirriżulta minn min jiltaqa’ ma’ Ġesù u jesperjenza l-Imħabba Tiegħu, b’mod speċjali fl-Ewkaristija.

It-talb kantat ifakkarna fil-korijiet tas-sema,li magħhom aħna lkoll imsejħin biex infaħħru lil Alla fis-sema għal dejjem.

Il-Konċilju Vatikan II sejjaħ għal parteċipazzjoni sħiħa, attiva u konxja tal-Insara fil-Quddiesa. Bl-introduzzjoni tal-vernakular (il-lingwa  mitkellma ta’ xi pajjiż) fil-liturġija, das-sehem sħiħ u attiv isir aktar possibbli. Fl-istess waqt,il-kant u l-mużika reliġjużi huma maħsuba biex ikomplu jrawmu das-sehem tagħna. Għalhekk “il-kant reliġjuż popolari għandu jinġieb ‘il quddiem b’impenn sħiħ,biex waqt devozzjonijiet qaddisa u ċelebrazzjonijiet liturġiċi l-insara jkunu jistgħu jsemmgħu l-ilħna tagħhom’‘ (Konċ.Vatikan II, Sacrosanctum concilium, par. 118).

Meta l-Liturġija Sagra titkanta ssir aktar sabiħa,u tirrifletti aktar is-sbuħija tat-Trinità l-Aktar Qaddisa,u l-I-Imħabba Infinita ta’ Alla lejn l-umanità.

Il-mużika u l-għanja liturġika tajbin għandhom ikunu kemm  akustikament pjaċevoli, dinjitużi u melodjużi kif ukoll teoloġikament korretti. Hekk, pereżempju, kull għanja li l-lirika tagħha  tirreferi għall-Ewkaristija bħala sempliċiment  ħobż u inbid mhijiex teoloġikament korretta u ċertament mhijiex liturġika u m’għandhiex ikollha post fil-qima Kristjana u  Kattolika. U dan għaliex wara l-kliem tal-Konsagrazzjoni: “Ħudu u kulu lkoll minn dan; għax dan huwa Ġismi, li jingħata għalikom…Ħudu u ixorbu minnu lkoll: għax dan huwa l-Kalċi ta’ Demmi tal-Patt il-Ġdid li jibqa’ għal dejjem: id-Demm li jixxerred għalikom u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet. Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi”   iseħħ il-Miraklu tatTransustanzjazzjoni li bih is-sustanza kollha tal-ħobż u l-inbid  jinbidlu fis-sustanza tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, bir-ruħ u d-Divinità kollha Tiegħu.

 L-Akbar Miraklu Ewkaristiku li jseħħ kuljum fil-knejjes kollha Kattoliċi fid-dinja fejn u kull meta tiġi ċċelebrat il-Quddiesa.

Il-Mużika u l-Kant fil-liturġija fi żminijiet bikrini tal-Kristjaneżmu:

L-Insara kantaw fil-Liturġija Sagra sa mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu. U l-poplu Lhudi kanta tifħir u ta qima lil Alla għal eluf ta’ snin. Fil-fatt il-Ktieb tas-Salmi mhux għajr ġabra ta’ 150 Salm  kollha talb u tifħir lil Alla tal-poplu Lhudi, u issa wkoll tal-Insara kollha fid-dinja.

Għaldaqstant, meta nkantaw l-għanjiet u l-innijiet tal-Quddiesa, ningħaqdu ma’ tradizzjoni ta’ qima Sagra li tmur lura sa mill-inqas  żmien is-Sultan David.

Nikkwota silta mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK):

It-tradizzjoni mużikali tal-Knisja universali ħolqot teżor ta’ siwi bla qies li hu aqwa minn kull espressjoni oħra tal-arti, l-aktar għaliex il-kant Sagru mal-kliem, hu parti meħtieġa u sħiħa tal-Liturġija Solenni”(Konċ. Vatikan II.ibid,112).

“Il-kompożizzjoni u l-kant tas-Salmi ispirati, spiss akkumpanjati mid-daqq tal-istrumenti tal-mużika, kellhom ġa rabta mill-aqwa maċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Patt il-Qadim. Il-Knisja kompliet tiżviluppa din it-tradizzjoni:“Imtlew bl-Ispirtu,kantaw  flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali;kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Efesin 5,19; Kolossin 3,16-17).(KKK 1156).

Alla nnifsu jħobb il-mużika! Anzi, aktar minn hekk, Alla nnifsu fl-Imħabba Tiegħu lejn il-bnedmin joħloq kontinwament il-mużika u l-kant  billi jagħti d-doni tal-mużika u tal-lirika lill-mużiċisti u lill-kittieba tal-għanjiet reliġjużi.

Meta nieħdu sehem fil-mużika u l-kant, kemm jekk niktbuhom,indoqquhom u nkantawhom, jew saħansitra sempliċement nisimgħuhom, inkunu qed nirċievu rigal mingħand Alla.

Fil-Quddiesa, hemm drabi meta nistgħu nagħżlu li sempliċement nisimgħu l-mużika u nħallu qalbna tqum f’tifħir lil Alla. Iżda, li ma ningħaqdux fl-għanjiet mal-Kongregazzjoni Nisranija nillimitaw u nnaqqsu s-sehem tagħna  fil-Liturġija.

Il-ħitan tal-knejjes tagħna għandhom idoqqu jgħajtu ferħana bil-ħoss tal-kant u l-mużika tagħna fil-Liturġija Ewkaristika u ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha l-oħra. Hallelujah,Hallelujah !…Faħħru lill-Mulej!

Il-Miraklu Ewkaristiku, f’Massabielle, f’Lourdes, Franza

Hu magħruf li ħafna Maltin u Għawdxin, kellhom u għandhom l-okkażjoni li jmorru f’Massabielle, u jieħdu sehem fil-purċissjonijiet  li jsiru f’dal-post li fih fis-sena 1858 dehret il-Madonna.

Il-purċissjoni Aux flambeaux ta’ fama internazzjonali, bid-dwal tax-xemgħat ġiet introdotta f’Lourdes fis-sena 1863 mill-patri Kapuċċin Marie-Antoine de Lavaur.

Il-bijografi tiegħu kitbu hekk dwar dil-ġrajja:

 “Wara filgħaxija fl-1863,kienu xi d-disgħa,ki en kważi niżel il-lejl,l-istatwa tal-Madonna kienet għadha ma twaqfitx fil-Grotta fejn dehret l-Immakulata. Hemmhekk kienu qed jitolbu għoxrin persuna.L-istess numru ta’ xemgħat kienu  mixgħula f’riġlejn ix-xbieha tal-Verġni Marija. Kollox kien sieket. ‘Dawn ix-xemgħat iridu jkunu mixjin u jkantaw,’ ħaseb bejnu u bejn ruħu dal-Kapuċċin. Dal-ħsieb twettaq minnufih! Kulħadd ġie mistieden biex jiġbor waħda mix-xemgħat. Dawn il-pellegrini bix-xemgħat mixgħula f’idejhom bdew mexjin f’purċissjoni u wara ffurmaw nofs ċirku quddiem il-Grotta, u bdew ikantaw l-innu Ave Maris Stella.

Fil-jiem ta’ wara, kien hemm mitt xemgħa,imbagħad eluf u eluf li mxew tul il-mogħdija mdawra ta’ ‘Les Lacets’.

Hekk seħħ il-bidu ta’ dil-purċissjoni Aux flambeaux.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Lourdes

Fis-sena 1888, saċerdot Franċiż ippropona l-ħolqien ta’ purċissjoni bis-Santissimu Sagrament f’Lourdes; li matulha twettaq fejqan mirakoluż. Minn dakinhar, il-morda minn diversi pajjiżi  bdew jagħmlu pellegrinaġġi għal Lourdes,u waqt purċissjoni bl-Ewkaristija kienu  jiġu mbierka bis-Santissmu Sagrament. B’hekk għadd ta’ nies fiequ minn mard waqt dawn il-purċissjonijiet bl-Ewkaristija.

Il-Ġrajja Mirakoluża fid-dettall:

:Fit-22 ta’ Awwissu 1888, fl-4:00pm, saret l-ewwel purċissjoni bis-Santissimu Sagrament f’Lourdes u t-tberik tal-morda preżenti hemmhekk. Dakinhar, waqt li l-morda kienu qed jiġu mbierka bl-Ewkaristija, Pietro Delanoy, pellegrin li kien qed isofri għal ħafna snin minn atassja (marda terminali fil-muskoli), fieq minnufih waqt li kienet għaddejja minn quddiemu l-purċissjoni bl-Ewkaristija.

Dak kien l-ewwel Miraklu Ewkaristiku li seħħ f’Lourdes.

Minn dik in-nhar ‘il quddiem dil-purċissjoni Ewkaristika u t-tberik tal-morda baqgħu jsiru mingħajr ebda interruzzjoni, li matulhom seħħew bosta mirakli ta’ fejqan u konverżjonijiet .

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading