Francesco Spiteri għandu jibqa’ mfakkar bħal Carlo Acutis

Din kienet is-sentenza li ħafna qraw fl-artiklu li kiteb il-ġurnalist tal-PBS Gaetano Micallef dwar l-omelija li l-Mulej tani għal dan iż-żgħażugħ speċjali li kelli l-grazzja li nakkumpanja fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Illum inħares lejn din is-sentenza u aktar nara l-verità tagħha.

Dan qed ngħidu l-għaliex Francesco kien tassew żgħażugħ li għallimni bil-bosta. Aktar mhu qed insir naf fuqu aktar qed nara t-teżor tal-grazzja tal-Mulej li kienet moħbija fih. Francesco kien ta’ sorpriża sabiħa għal ħafna. Bosta qatt ma basru x’imħabba kbira kellu dan iż-żgħażugħ lejn att ta’ setturi fil-ħajja soċjali f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna. Ta’ żgħażugħ ferrieħi Francesco kienet l-għaxqa tiegħu jkun ma’ sħabu. Bħal San Franġisk il-kumpanija kien iħobbha. Biss qatt ma kien ilsir ta’ dak li jridu sħabu. Francesco kien jaf jgħid le fejn kellu jgħid le. U iwa fejn kellu jgħid iwa. Kien żgħażugħ li mal-prinċipji tiegħu ma jilgħabx.

Bħal Franġisku t’Assisi, li għalih kien imsemmi, Francesco dejjem kien attent għal dawk li qed ibatu. Kien jaf jirtira mill-għagħa u l-istorju ta’ sħabu biex jagħti l-attenzjoni tiegħu lil dawk li kienu qed ibatu fis-skiet. Ma kienx biss jitma’ lil min hu bil-ġuħ, bħall-ġrajja ta’ dak l-istudent li ma kellux x’jiekol fil-break l-iskola u Francesco kien jagħtih il-lunch tiegħu. Qed nirreferi wkoll għall-inċident partikulari fejn Francesco xtaq ħafna li l-ġenituri tiegħu jagħtu kenn lil student li kellu problemi d-dar. Daqshekk kienet twassal qalbu mimlija ħniena u mogħdrija lejn il-proxxmu li qed ibati.

Francesco kellu wkoll imħabba lejn popli sħaħ li, bħalissa, qed ibatu. Nixtieq insemmi hawnhekk, u b’mod speċjali, lill-poplu Palestinjan. Francesco niżel fl-istorja ta’ dan il-poplu tant li kien iħossu wieħed minnhom. F’dan id-dawl ammirajt il-fatt li għalkemm kien Nisrani konvint xorta waħda interessa ruħu minn reliġjonijiet oħra, l-aktar l-Iżlam. Ta’ żgħażugħ li jirrifletti Francesco għaraf li hemm bosta toroq li jwasslu għand Alla u għalhekk hu mportanti li r-reliġjonijiet jersqu aktar lejn xulxin biex tabilħaqq ikollna l-paċi fid-dinja. Hawnhekk ma nistax ma niftakarx f’San Franġisk li, fiż-żminijiet iebsa tal-Kruċjati, kien iltaqa’ mas-Sultan Al-Malik-Al-Kamil tal-Eġittu. Għalkemm l-ebda wieħed ma biddel lil ieħor imma t-tnejn li huma irrispettaw il-kuxjenza ta’ xulxin u xorta waħda baqgħu aħwa bejniethom.

Bħall-qaddej għaqli tal-parabbola, Francesco baqa’ jħaddem it-talenti tiegħu sal-aħħar. L-akbar talent li ħaddem kien dak tal-imħabba. L-apprezzament lejn it-team mediku li ħa ħsiebu u anki lejna bħala chaplaincy kien kbir. Filwaqt li baqa’ jsegwi l-kura tiegħu Francesco fehem ukoll li l-ħajja vera hi dik meta nagħrfu ngħixu l-mument ta’ issa bil-ferħ. Kemm kien jispirani narah jilgħab il-play station u anki jagħmel l-eżamijiet. F’dan kollu, dan it-tifel għallimni li minkejja dak kollu li ngħaddu minnu f’ħajjitna l-ħajja rridu ngħixuha fil-milja tagħha.

Is-sempliċità ħelwa ta’ dan it-tifel kont anki naraha fl-għejxien ta’ sentenza li waħda mill-ħbieb kbar ta’ San Franġisk Missierna, Madre Teresa, kienet tgħid: Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar. Imma lkoll nistgħu nwettqu ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira. Bl-akbar sempliċità u ferħ tat-tfal Francesco wettaq ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira. Hijiex tbissima, kumpliment jew kull ġest ieħor kien jagħmlu l-għaliex minn qalbu kien japprezza immens dak li kien qed jiġi magħmul lilu. Mhux ta’ b’xejn li kien sar il-mimmi t’għajnejn kulħadd għandna, hawn fl-Onkoloġija. Pazjenti, familjari u membri tal-istaff kienu jħobbuh ħafna. Għax Francesco, minn qalbu, kien jifraħ, jiċċajta u jferraħ lil kulħadd.

Barra minhekk nixtieq insemmi wirt mill-isbaħ li dan iż-żgħażugħ qalbieni u ħelu ħallielna: it-talb. Dejjem kien ifittex lil Ġesù, l-aktar meta tela’ il-kalvarju tal-mard u t-tbatija. Kemm narahom joqgħodu għalih il-kliem li San Franġisk t’Assisi kiteb għal dawk li, bħal Francesco, jgħaddu mit-tbatija, fl-għanja tiegħu msejħa L-Għanja tal-Ħlejjaq. Fiha San Franġisk jgħidlu hekk lill-Mulej: Ħa jberkuk, Muiej, dawk Ii jaħfru ghall-imħabba tiegħek u jġorru mard u tbatija. Imbierek minn jerfaghhom fis-sliem għax int tagħtih iI-kuruna. Francesco ħafer lil min weġġgħu. Baqa’ jħobb anki meta ġerrħuħ f’qalbu.

Bil-maħfra f’qalbu, Francesco seta’ jersaq lejn l-arma qawwija tat-talb u ħallieha ssir f’ħajtu ċ-ċavetta li tiftaħ is-serratura tal-qalb tal-Mulej. Francesco Forgione, magħruf bħala Patri Piju, jgħidilna hekk fuq it-talb: It-talb hu l-aqwa arma li għandna. It-talb hu ċ-ċavetta għall-qalb ta’ Alla. Int għandek tkellem lil Ġesù mhux biss b’fommok imma wkoll b’qalbek. Fil-fatt, f’ċerti okkażjonijiet, int għandek titkellem miegħu biss b’qalbek.

Kien it-talb li ssokkta jfarraġ lil Francesco tul il-mixja tiegħu lejn l-eternità. Fl-aktar waqtiet diffiċli fejn, kważi kważi aħna li konna viċin tiegħu ma stajniex nifhmuh, Francesco intefa’ jitlob. Lili personali kien jgħajjatli biex nitlob miegħu, l-aktar fl-agunija tiegħu, filwaqt li lill-għeżież ġenituri tiegħu kien qalilhom dik il-kelma tant sabiħa: Mà, nitolbu r-Rużarju. F’dawn l-esperjenzi tant qawwijin ma nistax ma nġibx quddiem għajnejja l-kliem sabiħ li jgħid Patri Piju dwar it-talb, l-aktar meta nkunu qed nissaraw fil-battalji spiritwali tagħna. Jgħidli u jgħidlek: Ġesù hu miegħek anki meta tħossx il-preżenza tiegħU. Qatt ma jista’ ikun miegħek daqskemm meta jkollok il-battalji spiritwali tiegħek. Hu dejjem hemmhekk, miegħek, iħeġġek biex tiġġieled il-battalja tiegħu bi qlubija. Qiegħed hemm biex iwaqqaf id-daqqiet tal-għadu ħalli int ma tiġix imweġġa’.

Ġesù qiegħed miegħek… Ġesù qiegħed miegħek… Ġesù qiegħed miegħek…  U meta tħossok waħdek, u ma jifhmek ħadd u meta tħossok abbundunat u abbandunata minn kulħadd, ieqaf, u itlob bil-mod, kelma kelma, it-talba ta’ Missierna, it-talba iffavorita ta’ Ġesù, ta’ San Franġisk u ta’ ħuna Francesco. U wara li titlobhielu b’qalbek, lill-Missierek tas-Sema għidlu: Pà, għannaqni waħda kbira.

Darba ltqajt ma’ sentenza li mill-ewwel qsamtha ma’ Luke, Dorianne u Maria, il-ġenituri u oħt Francesco. Kienet tgħid hekk: When we lose someone we love, we must learn not to live without them, but to live with the love they left behind. Għalhekk Francesco għandu jibqa’ jiġi mfakkar bħall-Beatu Carlo Acutis, li għex daqsu. Għax Francesco, bħal Beatu Carlo Acutis, ħabb lil Ġesù għalih innifsu u fil-proxxmu batut.

Inħobbuk Francì!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading