ALLA GĦANDU QALBU KBIRA U JIXTIEQNA NKUNU BĦALU!
Minn Fr Michael A. Galea.
Mela jum fost l-oħrajn, hi u miexja fit-toroq ta’ Kalkutta, Madre Tereża (illum qaddisa) lemħet mara anzjana mixħuta fuq bankina ġisimha kollu ġrieħi. Lil din is-soru bħal ġietha saħħa barranija għax qabditha minn idejha, refgħetha fuq spallejha u ħaditha f’waħda mid-djar li kellha f’Kalkutta għall-ifqar fost il-fqar. Madre Tereża insistiet li ddewwiha hija stess. Għadda ftit taż-żmien u din l-anzjana bdiet tfieq bil-mod il-mod. Mela ġurnata fost l-oħrajn, din il-mara staqsiet lil Madre Tereża: “Sister, min għallimhielek din il-ħlewwa u din il-ġenerożita’ kollha?” U Madre Tereża weġbitha: “Din il-ġenerożita’ għallimhieli Alla tiegħi!”
Illum se nitkellem fuq il-ġenerożita’: diskors li se neħduh mill-ewwel qari li smajna u mbagħad mill-vanġelu li għadni kemm qrajtilkom…Jekk ikollok taqbad dizzjunarju biex tfittex u tara xi tfisser tkun ġeneruż jew xi tfisser tkun ġeneruża għandek issib xi ħaġa hekk: “ikun ġeneruż” ifisser “ikollu qalbu kbira” u tkun ġeneruża jfisser: “ikollha qalbha kbira.” Naturalment, bil-kelma “qalb” m’aħniex nifhmu dak il-muskolu f’saħħtu li ilu jħabbat fina sa minn meta konna f’ġuf ommna, qed iħabbat fina bħalissa u se jibqa’ jħabbat sa meta nagħlqu għajnejna għal din id-dinja. Irridu nifhmu xi ħaġa oħra. X’inhi? Hija l-qalb iktar ‘il ġew mill-qalb tal-laħam: allura il-qalb tal-emozzjonijiet, il-qalb tar-relazzjonijiet tagħna m’Alla u mal-oħrajn, il-qalb ta’ kull deċizjoni li nieħdu minn żmien għal żmien u nistgħu nkomplu sejrin hekk….Din hi l-qalb li jrid jara Alla!
Nibda bl-ewwel lezzjoni. Smajna kif il-Profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kien maħrub, għax peress li kien qatel il-profeti kollha ta’ Bagħal (kienu jgħoddu 450 wieħed), Ġeżabel riedet toqtlu. Hekk kif wasal ħdejn il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Sadanittant, għandkom tkunu tafu li kien hemm ġuħ kbir fil-pajjiż. Il-Profeta Elija wkoll kien qiegħed isofri minn dan il-ġuħ, imma talab lil din l-armla biex tatieh kisra ħobż u ftit ilma x’jixrob. Minn dak li qegħdin naraw u nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir (gwerer bla sens u diżastri naturali) nistgħu nimmaġinaw x’ifisser tkun bil-ġuħ u tkun bil-għatx.
Din l-armla wkoll kienet qegħda tbati bil-ġuħ u tbati bil-għatx. Ma kinetx tafu lil dan il-Profeta u qaltu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek m’ għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni, u mbagħad nikluha u mmutu.” Il-Profeta Elija weġibha: “La tibżax, mur agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli. Imbagħad agħmel oħra għalik u oħra għal ibnek.” Fl-istess nifs, il-Profeta għamlilha wegħda: “Ara: jekk tagħmel dak li qed ngħidlek la d-dqiq u lanqas iż-żejt ma jispiċċawlek. Aħna t-tlieta nibqgħu nieklu sa dak inhar li jispiċċa l-ġuħ fuq il-pajjiż!” Tagħlima importanti: dak li ipprovdielna Alla (hu x’inhu: flus, ħwejjeġ, ikel) ma nistgħux nsorruh u nżommuh għalina bħallikieku kien tagħna biss imma rridu naqsmuh mal-oħrajn…Jekk ikollna nieħdu f’idejna waħda mill-enċikliċi ta’ Papa Franġisku, dan li għadni kif għedt iwassalulna b’mod ċar ħafna. L-enċiklika jisimha “Fratelli Tutti” (bil-Malti: aħna lkoll aħwa).
Issa niġu għall-vanġelu. Fis-silta li għadni kemm qrajtilkom, San Mark jixtieqna nirriflettu fuq diversi topics, (fost l-oħrajn jgħidilna: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba għax dawn iħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u fis-sinagogi jħobbu joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem u fil-pranzijiet ifittxu l-postijiet ta’ quddiem…għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu…) Kittieb Taljan jgħid: “Fl-aħħar mill-aħħar dawn mhumiex xi dnubiet kbar…u jkompli jistaqsi dat-Taljan: mela x’inhu d-dnub ta’ dawn il-kittieba? Kien li jberbqu ġid ir-romol: ir-romol ftit li xejn kien ikollhom ġid u dawn il-kittieba kienu jaraw kif se jisirquh huma!”
Issa bil-fantasija tagħna ejjew inpittru ftit ix-xena ta’ dawk kollha li kienu qegħdin jitfgħu d-donazzjonijiet tagħhom. Id-donazzjonijiet kienu jintefgħu fi tlettax-il reċipjent forma ta’ lembut kbir rasu ‘l isfel u kien ikun hemm persuna inkarigata biex b’vuċi għolja tgħid kemm flus ikunu qegħdin jintefgħu. Ġesu’ qed josserva…Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Imma resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi. Abbli dak li kien qed jgħajjat xi flus kienu qegħdin jintefgħu forsi tbissem għall-għotja ta’ din il-mara fqira, imma Ġesu’ li kif għedtilkom kien qed josserva kollox qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, li dil-mara fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.
Xi ħadd qal: “Ninsabu fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġesu’: il-passjoni kienet waslet…Ġesu’ kien se jkun miċħud, ikkundannat għall-mewt u msallab ma’ salib għall-fidwa tagħna. Min jaf dan il-ġest tal-armla li tefgħet kulma kellha biex tgħix ifissirx b’mod simboliku dak li se jgħaddi minn għala Ġesu’ f’din l-aħħar ġimgħa? L-armla tat dak kollu li kellha biex tgħix u Ġesu’ kien se jagħti lilU nnifsu kollu kemm Hu għall-fidwa tagħna! Fl-innu Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema, Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali tagħna, jdur lejn Ġesu’ u jgħidlu: “L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna meta b’daqqa ta’ Lanza nifduk…”
Nispiċċa: San Ambroġ kien jgħid: “Alla ma jħarisx biss lejn dak li nagħtu, imma wkoll lejn dak li żammejna għalina. Alla ra li l-għonja kien fadlilhom, imma ra wkoll li l-armla ma kien fadlilha xejn.”
BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA.
Do you know how God gives generously to us?
We ask for a flower; He gives us a bouquet.
We ask for a drop of water; He gives us an ocean.
We ask for a grain of sand; He gives us a beach.
We ask for a blade of grass; He gives us a lawn.
We ask for something to eat; He gives us his own body and blood. (Anon)