L-Intelliġenza Artifiċjali: din x’taħbat? Inħabbutha jew tħabbatna?

Mhux l-ewwel darba li, f’diskorsna, tissemma’ l-imbierka kelma “Intelliġenza Artifiċjali”. Ħafna qed isemmuha. U dan jagħmluhx b’kapriċċ imma għax veru qed tolqot ħajjitna. X’nifhmu eżattament b’dil-kelma?

Wara li fittixt fuq li fittixt, il-Mulej tani l-grazzja niltaqa’ ma’ din id-deskrizzjoni li tfisser ix-xogħol waħdieni li twettaq l-Intelliġenza Artifiċjali. Fil-fatt, l-intelliġenza artifiċjali (IA) m’hija xejn għajr fergħa mix-xjenza tal-computerli tiżviluppa sistemi mekkaniċi li għandhom il-ħila juru imġibiet li huma marbuta mal-intelliġenza umana. Programmi tal-IA jużaw informazzjoni miġbura minn interazzjonijiet differenti biex itejbu l-mod li bih jikkuppjaw lill-bnedmin biex iwettqu xogħlijiet bħat-tagħlim, ippjanar, rappreżentazzjoni tat-tagħrif, perċezzjoni jew anki kif se jsolvu l-problemi.

Il-faxxinu tal-Ingelliġenza Artifiċjali

Meta wieħed jagħrbel ftit ix-xogħlijiet li jitwettqu bl-intelliġenza artifiċjali, bħal ngħidu aħna, l-awtomazzjoni, tassew li wieħed jibqa’ b’ħalqu miftuħ. Snin ilu rajt fuq it-televiżjoni Taljana fabbrika magħrufa tal-karozzi mimlija robots li bdew jinvitaw, jisprenjaw u jwaħħlu s-seatijiet u d-dashboards tal-karozzi, waħda wara l-oħra, f’ħin record.

Meta wieħed jara ftit dan kollu ma jistax ma jifraħx u ma jogħrokx idejh. Ara ftit il-profitti ta’ dik l-industrija kif splodew! U anki l-preċiżjoni fix-xogħol. Barra minhekk, magna mhux ħa tieqaf bħalma jagħmel il-bniedem. Magna tibqa’ għaddejja u kulma trid hu bniedem wieħed li jkun jaf iħaddem dawk ir-robots.

Barra minhekk il-bniedem jimrad u trid tieħu ħsiebu imma l-magna ma timradx u m’għandhiex bżonn l-ispejjeż li għandu bżonn il-bniedem biex tibqa’ taħdem. Mhux ta’ b’xejn mela li Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu lill-parteċipanti li ħadu sehem fis-sessjoni tal-G7 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2024, għaraf l-importanza ta’ dan l-istrument hekk importanti fid-dinja tallum meta qal: “Kif inhu magħruf, din hi strument ta‘ qawwa kbira li jintuża f’bosta oqsma tal-operat uman: ibda mill-mediċina sad-dinja tax-xogħol, tal-kultura, fl-ambitu tal-komunikazzjoni, mill-edukazzjoni sal-politika.  Issa leċitu nipotizzaw li din tinfluwenza dejjem aktar il-mod ta’ kif ngħixu, ir-relazzjonijiet soċjali tagħna u, fil-futur, saħansitra l-mod li bih aħna nifhmu l-identità tagħna bħala essri umani”.

Din mhix l-istorja kollha

Imma issa ejja nieħdu ftit l-eżempju li ġibna tar-robots tal-fabbrika tal-karozzi. Hu sabiħ li ttella’ il-produzzjoni u tkabbar il-profitti imma x’ħa jiġri minn dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu f’dik il-fabbrika u spiċċaw barra minn xogħolhom minħabba l-introduzzjoni ta’ dawn il-magni? Min se jmantniehom dawk il-mijiet jekk mhux eluf ta’ familji?

U jekk il-qagħad f’pajjiż jikber mhux bilfors li se jkun ta’ ngħassa biex wieħed jaħdem kontra l-liġi inkella jiġi mgerbeb fil-ħajja tal-vizzji? Barra minhekk, magna qatt ma tista’ tagħti ġudizzju morali jew verdett fil-qorti. Meta qrajt id-diskors tal-Papa ltqajt ma’ paragrafu mill-isbaħ fejn jitħaddet fuq meta dawn il-magni tal-informazzjoni jiġu użati biex jiġi deċiż x’sentenza għandu jiġi mogħti mputat fil-qorti. Papa Franġisku jgħid:

“Eżempju tajjeb ta’ dan hu l-użu ta’ programmi magħmulin biex jgħinu  lill-maġistrati fid-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-house arrestlid-detenuti li jkunu qed jiskontaw piena f’xi faċiltà korrettiva.  F’kas bħal dan, issir mistoqsija lill-intelliġenza artifiċjali biex tikkalkola l-probabbiltà ta’ reċidiva tal-krimini li jkun seħħ min-naħa tal-ikkundannat, ibda mill-kategoriji li jkunu determinati minn qabel (tip ta’ reat, imġieba fil-ħabs, evalwazzjoni psikoloġika…u oħrajn), u b’hekk l-intelliġenza artifiċjali tkun tista’ taċċessa kategoriji ta’ informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-priġunier (oriġini etnika, livell edukattiv, sitwazzjoni finanzjarja u aktar).  L-użu ta’ metodoloiġja bħal din – li xi minn daqqiet tirriskja li de facto tiddelega l-aħħar kelma dwar id-destin ta’ persuna, lill-magna – tista’ impliċitament tkun ikkundizzjonata minn preġudizzji inerenti għall-kategoriji ta’ informazzjoni użati mill-intelliġenza artifiċjali”.

Dan il-fatt waħdu juri kif l-intelliġenza artifiċjali, imħejjija kemm hi mħejjija mill-bniedem li qed jibnieha biex taqdih, qatt u qatt ma tasal għal dak il-verdett ġust u sinċier li jara l-futur tas-soċjetà u tal-persuna nnifisha li tkun wettqet ir-reat.

Inħarsu ‘l quddiem

Mingħajr dubju dan id-diskors fuq l-intelliġenza artifiċjali jrid iwassalna lejn viżjoni aktar ħielsa tal-affarijiet. Papa Franġisku jgħidilna ċar u tond li l-magna qatt m’għandha tingħata l-qawwa li tiddeċiedi hi.

“Il-magna tagħmel għażla teknika fost bosta possibbiltajiet jew fuq kriterji ċari ħafna jew fuq deduzzjonijiet statistiċi.  Iżda l-bniedem mhux biss jagħżel imma f’qalbu għandu wkoll il-ħila li jiddeċiedi.  Id-deċiżjoni hi element li nistgħu ngħidu li hu srateġiku għall-aħħar fl-għażla u jeħtieġ valutazzjoni prattika.  Xi drabi, spiss fix-xogħol diffiċli tal-governanza, aħna għandna s-sejħa li nagħmlu għażliet li jkollhom konsegwenzi wkoll fuq ħafna persuni.  Dwar dan, ir-riflessjoni umana minn dejjem titkellem dwar l-għaqal, il-phronesis tal-filosofija griega u, talanqas b’xi mod tal-għerf tal-Iskrittura Mqaddsa.  Quddiem il-‘miraklu’ tal-magni, li donnhom jafu jagħżlu b’mod indipendenti, għandu jkun ċar kristall għalina li d-deċiżjoni dejjem għandha tibqa’ prerogattiva tal-bniedem, anki bit-toni drammatiċi u urġenti li bihom ximindaqqiet din titfaċċa fil-ħajja tagħna.  Inkunu qed nikkundannaw lill-umanità għal ġejjieni bla tama, jekk lill-persuna nneħħulha l-ħila li tiddeċiedi dwarha nfisha u dwar ħajjitha u nitfgħuha taħt il-kundanna tal-għażliet tal-magni.  Hemm bżonn niggarantixxu u nħarsu spazju biex il-bniedem ikollu kontroll sinifikanti fuq il-proċess tal-għażla tal-programmi tal-intelliġenza artifiċjali: fin-nofs hemm l-istess dinjità umana”.

Fi kliem ieħor, il-magna għandha tkun għall-bniedem u mhux il-bniedem għall-magna. Anki li l-bniedem ikun magna daqskemm jaħdem mingħajr waqfien hi problema problemun, aħseb u ara meta l-bniedem isir ilsir ta’ magna li jkun ħoloq hu stess biex tgħinu u jispiċċa jiġi ikkontrollat minnha. Xi traġedja kbira tkun meta l-umanità tispiċċa f’kamp ta’ konċentrament tal-magna.

Fid-diskors tiegħu l-Papa qal li l-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għas-servizz tal-bniedem u li tippromovi d-dinjità tiegħu bħala persuna. Dan hu l-prinċipju etiku rigward l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Franġisku qal:

“Sabiex dawn ikunu strumenti ta’ kontribut għall-bini tal-ġid u ta’ għada aħjar, dejjem għandu jkollhom għan ewlieni: il-ġid ta’ kull bniedem.  Għandhom ikunu ispirati mill-etika. Infatti, id-deċiżjoni etika hi dik li tagħti kas mhux biss tar-riżultat tal-azzjoni, iżda wkoll tal-valuri li hemm fin-nofs u tad-dmirijiet li jinstiltu minn dawn il-valuri.  Għal dir-raġuni jien sellimt u kont favur l-iffirmar tar-Rome Call for AI Ethics, fl-2020 (13) u s-sapport li tagħti għall-moderazzjoni etika tal-algoritmi u tal-programmi tal-intelliġenza artifiċjali li jien sejjaħtilha ‘algoretika’.  F’kuntest pluralistiku u globali, li fih jidhru wkoll sensibbiltajiet diversi u ġerarkiji plurali fl-iskala tal-valuri, donnu jidher diffiċli tinstab ġerarkija ta’ valuri unika.  Imma fl-analiżi etika nistgħu nduru wkoll lejn tipi oħra ta’ strumenti: jekk insibuha bi tqila niddefinixxu assjem ta’ valuri globali maqbul, nistgħu però nfittxu prinċipji maqbula li bihom naffrontaw u nsolvu dilemmi eventwali u kunflitti tal-ħajja. Kien għal għal dir-raġuni li twieldet ir-Rome Call: fit-terminu ‘algoretica’ hemm miġburin serje ta’ prinċipji li jidher li huma pjattaforma globali u pluralistika bil-ħila li jsibu sapport ta’ kulturi, reliġjonijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali u azjendi kbar biex ikunu protagonisti ta’ dan l-iżvilupp”.

L-għajnuna indispensabbli tal-politika

Bl-eku tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika fih, Papa Franġisku jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-politika. F’dan id-diskors Papa Franġisku jagħmlilna din il-mistoqsija mportantissma: “Tista’ ssib triq effikaċi lejn il-fraternità universali u l-paċi soċjali mingħajr politika tajba? It-tweġiba tagħna għal dawn l-aħħar mistoqsijiet hija: LE!  Il-politika hemm bżonnha!”

Aktar ‘l isfel tad-diskors tiegħu, il-Papa jgħid: “ Politika b’saħħitha biss tista’ tiggwidana, billi tinvolvi d-diversi setturi u l-oqsma tal-għerf l-aktar varji. Hekk, b’ekonomija integrata fi proġett politiku, soċjali, kulturali u popolari li jfittex il-ġid komuni nistgħu niftħu t-triq għal opportunitajiet differenti, li ma jfissrux li ħa nwaqqfu l-kreattività umana u l-ħolma tal-bniedem għall-progress, imma pjuttost li ħa nagħtu direzzjoni ġdida lil din l-enerġija. Dan hu propju l-każ tal-intelliġenza artifiċjali.  Imiss lil kull wieħed u waħda minna nużawha kif jixraq u hu dmir tal-politika li toħloq il-kundizzjonijiet sabiex dan l-użu tajjeb ikun possibbli u jħalli l-frott”.

Ejjew nużaw l-intelliġenza artifiċjali imma la nħabbutha u lanqas inħalluha tħabbattna. L-importanti hu li r-riedni jkun f’idejna l-bnedmin u mhux f’idejha, magna. Dan tiggarantihulna politika responsabbli.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading