Tifgaħx!

Hu l-għors (il-ferħ) tiegħi meta l-Mulej, b’imħabbtu bla qjies, jagħtini l-grazzja li jgħallimni permezz tal-ħajja ta’ kuljum. Ta’ kważi 52 sena għadni ma nistax nimmaġina xi grazzja kbira hi li wieħed iħalli lill-Mulej jgħallmu b’dak li jġarrab fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. U, b’mod speċjali, mill-iżbalji li jwettaq hu stess. Għalhekk, u kif kien iħobb jgħid San Anton Abbati: “Li tara l-anġli mhux miraklu kbir imma li tara l-iżbalji tiegħek hu miraklu”.

Dan l-aħħar ġarrabt esperjenza li għamlitli ħemel ġid. Mhix xi esperjenza ġdida ta’ ewl id-dinja imma kienet biżżejjed għalija biex iġġagħlni nirrejalizza xi ħaġa ferm importanti. Niftakar li mort inqaddes f’post. Xi ħadd intebaħ li kont qed nipprova nixgħel ix-xemgħa imma l-ftila tagħha qajla bdiet tirrispondini. Bħal ħafna qbadt se nippanikkja u nagħmel frattarija. Imma wieħed raġel tassew għaqli, li nammirah bis-sħiħ l-għaliex fil-ħajja jirrifletti, minbarra d-don li bih żejnu l-Mulej li dak li jaraw għajnejh jagħmluh idejh, qalli: “Patri, dik ix-xemgħa m’għandix ossiġnu. Hemm bżonn li naqtgħulha minn fuq ħa jkollha arja biżżejjed u l-ftila tkun tista’ tieħu”.

U hekk kien tafux! Għax meta dan ħuna qatagħlha minn fuq din ix-xemgħa ġiet Alla jberikha u sebħitilna artal bil-fjamma li kellha.

It-tagħlima

Meta tlabt lill-Missier biex, permezz tal-Isem u d-Demm tal-Iben, jidlek u jqaddes il-quddiesa li konna se niċċelebraw, qabel eżattament bdejna, it-tweġiba malajr waslet. Kien ċar li l-Mulej, permezz ta’ dik il-ftila, fakkarna fil-kelma Lhudija אוֹת, ‘(ot) jew sinjal. Fil-Bibbja nsibu biżibilju sinjali li bihom il-Mulej kien ikellem lill-poplu tiegħu għax, sintendi, kien il-mimmi t’għajnejh daqskemm riedlu ġid. Ħallieha li l-poplu tiegħu mhux dejjem kien jagħti widen għal dawn is-sinjali u kien jonqos milli jwieġeb għal din l-imħabba li l-Mulej kien jurieh.

Anki għalina, f’dik il-quddiesa, dil-biċċa xemgħa li l-ftila tagħha ma setgħetx taqbad, ukoll kienet sinjal. Dik il-ftila, avolja kienet magħmula biex tinħaraq u hekk tqabbad ix-xemgħa kollha, xorta waħda baqgħet mitfija. Ir-raġuni kienet l-għaliex kellha xi jżommha u xi jwaqqafha milli jkollha l-arja. Ommi Mà kemm hi meħtieġa l-arja! Saħansitra f’xemgħa biex taqbad!

U kien proprju hawn fejn il-Mulej, bl-Ispirtu tiegħu, għallimni waħda kbira li ma stajtx ma naqsamhiex ma’ dawn ħuti li dejjem lesti biex jitgħallmu ħalli jgħinu lil xulxin u lil kull min irid jismagħhom ħalli jikber magħhom. X’inhuma dawk il-ħwejjeġ li qed jitfu l-Ispirtu s-Santu fija milli jaħdem kemm għandu jaħdem? Tgħid hemm affarijiet li mhux qed inħallieh iwettaq fija u hekk qed inwaqqfu milli jwettaq l-għeġubijiet f’ħajti?

L-ewwel sintomi tal-problema

Il-Bibbja tkellimna ċar u tond dwar is-sintomi meta ruħi u ruħek tkun bla ossiġnu, li hu l-Ispirtu s-Santu li nħalluh rieqed f’qalbna għax nagħlqulu l-bieb tagħha.

Test li lili minn dejjem għenni ħa nara ftit x’inhi l-problema ta’ dan kollu hu dak meħud mill-magħrufa Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin. F’din l-Ittra Pawlu ma joqgħod jiddejjaq xejn jurina x’inhuma l-ostakli u t-tfixkil li qed jimbuttaw lill-Ispirtu s-Santu milli jagħtina l-ħajja kif jaf jagħmel hu. Meta naraw dawn l-affarijiet iseħħu quddiem wiċċna nafu ninħasdu. San Pawl mhux qed jitħaddet minn affarijiet li qatt ma smajna bihom. Anzi, qed ikun prattiku għax qed isemmi ħwejjeġ li aħna nafuhom sewwa u, b’qasma ta’ qalb, mhux l-ewwel darba li naqbdu lilna nfusna inwettquhom aħna stess. Dawn il-ħwejjeġ Pawlu Pawl isejħilhom “il-frott tal-ġisem”.


“Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla” (Gal 5:16-21).

Jaf bħalissa ikun hawn min qed jgħidli: “U ejja Patri! Tesaġerax! Kif jista’ ikun li jekk tkun naqra żieni jfisser li toqtol ħidmet l-Ispirtu s-Santu fik?” Jew: “U mbilli jkollok naqra għira, b’daqshekk, xi jkun ġara?” U l-bqija. Madankollu, u dan ħajjitna ta’ kuljum turiehulna iswed fuq l-abjad, meta ma nimxux mal-Ispirtu s-Santu u ninqabdu f’dawn il-vizzji kemm inħossuna mdejqin. Kważi kważi nibdew inħossuna maħruqa minn ġewwa mill-enerġija li nkunu tfajna fuqhom u li, minflok li din l-enerġija tinbidel fi ħlewwa u sliem tal-qalb, malajr iddur kontrina għax tinbidel f’kundanna tagħna nfusna. Mela, kull għemil li jwassalni biex nikkundanna lili nnifsi u li jġagħlni nistħi minni nnifsi li wettaqtu u li jdaħħalni f’sens kbir kbir ta’ ħtija li weġġajt il-qalb ta’ Missieri tas-Sema li tant iħobbni dak żgur li jkun ġej minn hemm isfel, mill-infern. Alla paċi tal-qalb jagħti filwaqt li ta’ kontrieh u kontrina indannazzjoni u niket kbir lil ruħna u lill-ispirtu tagħna jaf jagħtina.

B’daqshekk ma waqgħetx id-dinja

Ifarraġni ħafna vers li l-Ispirtu s-Santu tani dan l-aħħar f’diversi paniġierċi li l-Missier għażilni biex nagħmel f’xi festi mferrxa f’għadd ta’ parroċċi f’artna. Il-vers li nixtieq naqsam magħkom hu meħud mill-magħrufa Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li jgħid hekk: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28).

Jien nemmen bis-sħiħ li ħafna minna lill-Mulej iħobbuh. U tant kemm iħobbuh li jridu jimxu max-xewqat ta’ qalbu. Imma, u bħalma jien jien, huma dgħajfa, jidinbu u jiżbaljaw ukoll. Imma anki għalina li rridu nogħġbu lill-Mulej imma midinbin, hemm triq it-tama li hi miftuħa beraħ quddiemna.

Fl-Ittra lill-Galatin San Pawl jurina liema hi din it-triq li twassal għall-ħajja: “Il-frott ta’ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi” (Gal 5:22-23). Issa biex l-Ispirtu s-Santu tassew li jaħdem fina irridu nħalluh jagħmel dan. Kien għalhekk li Pawlu jgħidilna: “Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem” (Gal 5:16). Għax, “jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu” (Gal 5:25).

Talba

Spirtu s-Santu, int l-arja dejjiema li titfa’ fija lil Alla nnifsu. Tħallini qatt ninfaga minn dak kollu li mhux int. Qajjimli l-kuxjenza tiegħi u għinni nisimgħek tkellimni biha. Iftaħni għat-tnebbieħ tiegħek ta’ kull xorta. Għax meta int tgħix u taqbad fija jiena nista’ inkun il-ftila li fija u bija jinxtegħel id-Dawl ta’ dejjem li hu Sidi u Ħija Ġesù Kristu, f’dak kollu li nagħmel u, fuq kollox, f’dak kollu li jien. Amen.

Ħallieh jaqbad fik l-Ispirtu s-Santu. Agħmel dak li jurik. Dak hu l-arja tal-imħabba li ma tintemm qatt. Nitolbok, la tifgaħx!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading