Rigal mir-Republika Ċeka

Dan l-aħħar kont qed nirranġa xi affarijiet u, f’ħin minnhom, ġie f’idejja rigal mill-isbaħ li ġibt miegħi mir-Republika Ċeka. Din kienet santa kaħla li l-Mulej tani l-grazzja li nsorr miegħi meta l-grupp tal-istudju tiegħi fit-tmintax-il Konsultazzjoni li kelli f’dan il-pajjiż żar l-isptar tas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Karlu Borromeo fuq l-Għolja Petrin fi Praga.

Fuq din il-karta, li terz minnha mlewna fl-isfar filwaqt li ż-żewġ terzi l-oħra koħol, hemm miktuba fuqhom il-kelmiet tad-deheb li Papa Franġisku ħallielna fil-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tat-32 Jum Dinji tal-Marid li din is-sena, l-2024, ġie iċċelebrat bħas-soltu nhar il-11 ta’ Frar, f’Jum l-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes. Il-messaġġ kien jaqra hekk: Ħajjitna, li hija xbieha tat-Trinità, hi maħsuba biex titwettaq b’mod sħiħ permezz ta’ relazzjonijiet, ħbiberiji u mħabba reċiproka. 

Dal-messaġġ jagħmel sens fuq sens l-aktar meta fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu miktub dawn il-kelmiet, iswed fuq l-abjad:  U l-Mulej Alla qal: “M’hux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18). Immedjatament fl-istess nifs, l-awtur sagru ma felaħx iħalli lill-Mulej f’nofs leħja, iħares qisu statwa u bla ma jaf x’se jaqbad jagħmel f’din is-sitwazzjoni. Mill-ewwel ipoġġilu f’ħalqu dan id-diskors tad-diskorsi: “Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih” (Ġen 2:18).

Tista’ tgħidli kemm il-bniedem għandu jgħix komdu miegħu nnifsu l-ħin kollu u mingħajr l-ebda konnessjoni ma’ ħadd għax qatt mhu ħa nemmnek. Il-bniedem, minn qaddisu, ma jistax jgħix waħdu. Bilfors li jrid jidħol f’relazzjoni ma’ xi ħadd. Għax Alla hekk hu: Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Issa, din ir-relazzjoni hi libera u mhux imposta b’xi idejal kiefer li jifleġ u jkisser il-ħelsien ġewwieni tal-bniedem. Int lill-bniedem ħallih ikun musbieħ inemmnen u tara kif jaqbad bl-imħabba. Ikollu bżonn iwa dak l-ilqugħ ta’ min jifhmu u jagħdru minn xiex jgħaddi. Imma jekk tħallih u ma ttaqqallux qalbu tarah kif jieħu daqs il-polvri fl-imħabba.

L-aħwa, ejjew nibnu fuq l-imħabba billi nkunu dak li aħna. Bħalma kiteb il-kittieb Franċiż u rebbieħ tal-Premju Nobel fil-letteratura Adrè Paul Guillaume Gide: Aħjar jobgħoduni għal dak li jien milli jħobbuni għal dak li minix. Inkunu sinċieri fil-ħajja għax is-sinċerità tagħna hi għajta għall-ħelsien għal dawk li huma maqbuda fis-saltna tal-laqiżmu biex jingħoġbu ħa jiksbu kemm Alla ħalaq favuri. Għax hu meta nkun meħlus minn ġewwa li jien nista’ inħobb lill-oħrajn. Dan iseħħ għax nibda nintebaħ li l-imħabba hi għotja b’xejn mill-qalb u li ma tistenniex li se tkun maħbuba u mifhuma. Min jaf? Forsi l-għaliex hi mqabbda mal-aqwa mħabba, dik tat-Trinità?

Jekk dan hu l-każ allura tassew li rċevejt rigal imprezzabbli mir-Republika Ċeka!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading