It-tmintax-il konsultazzjoni tal-kappillani Ewropej fil-qasam tas-saħħa

Mill-Erbgħa 10 sal-Ħadd t’April 2024 kelli l-grazzja nattendi għat-tmintax-il konsultazzjoni tal-Kappillani Ewropej fil-qasam tas-saħħa. F’għoxrin sena bħala kappillan il-Mulej tani l-grazzja li, għall-ewwel darba, induq naqra mill-ikel bnin ta’ fuq il-mejda u ninqala’ ftit mill-ħafna żmien li kont ili mkaħħal ma’ sieq il-mejda nittrejjaq bil-frak li jaqa’ minn fuq wiċċha ta’ ikel bnin u sustanzjuż.

Il-post fejn fih ittellgħet dit-tmintax-il konsultazzjoni kien il-Belt Kapitali tar-Repubblika Ċeka, Praga. Iċ-ċinematografu Franċiż Jean Pierre Melville (twieled fl- 20 t’Ottubru 1917 u miet fit-2 t’Awwissu 1973) kien qal għal Praga: Inħobbha ‘l Praga. L-ebda belt m’għandha daqshekk spirtu. Apparti s-sbuħija tagħha, il-Belt ta’ Praga rajtha fil-konferenza tant sabiħa li kellha bħala tema: Tkun Kappillan tal-Isptar: Tibqa’ preżenti u attiv/a f’dinja fraġli.

Biżżejjed nagħtu daqqa t’għajn madwarna biex naraw jekk id-dinja u s-soċjetà tagħna humiex fraġli. Tassew li wieħed jibqa’ b’għajnejh wara widnejh meta jinnota kemm hawn fraġilità madwarna. Għal għadd ta’ raġunijiet sirna wisq dgħajfa. Donnu m’għadx hemm dik il-qawwa li tgħinna nibqgħu għaddejjin. Imma din tassew il-problema jew forsi, bl-għażliet li qed nagħmlu, qed nitwarrbu minn dik il-qawwa li lilna tista’ tgħinna nibqgħu għaddejjin, minkejja d-diffikultajiet tagħna kemm dawk personali u anki dawk li jinqalgħu tul it-triq?

Li kellu xi ħadd jistaqsini: Kif tibqa’ preżenti u attiv bħala Kappillan tal-Isptar f’dinja daqshekk fraġli? x’naqbad inwieġbu?Minn dak li smajt u rajt fi Praga nikkonkludi li jien nista’ inkun dil-preżenza attiva f’din il-fraġilità meta nakkumpanja lill-persuni. Mhux faċli tisma’ dawk l-istejjer kollha fiż-żjarat li nwettaq għax inkun man-nies u għan-nies fl-Isptar. Kull storja fiha t-toqol tagħha. Donnu illum ma tantx hawn wisq akkaniti li lesti jpoġġu bil-qiegħda ħalli jisimgħu xi storja ta’ qsim il-qalb.

Imma s-smiegħ fejqan fih ħuti! Hu bis-smiegħ li l-persuna li qed tiġi mismugħa qed tħossha milqugħa kif inhi, mingħajr ġudizzji u preġudizzji. Bil-Malti ngħidu: Staqsi lill-imġarrab. U tassew! Għax ħadd daqsu u bħalu ma jista’ jagħtik stampa ċara ta’ kif inhi s-sitwazzjoni. Mhux hu qed iġarrabha?

Illum dad-diskors jagħmel bil-wisq sens meta hawn din l-idea li wħud donnhom jitnaffru jisimgħu bid-dwejjaq ta’ ħaddieħor. Jgħidulek: Biżżejjed għandi d-dwejjaq tiegħi. Ta’ ħaddieħor jonqosni nisma’. Imma dawn it-talin qed jinsew li mhux biss meta nisma’ ta’ ħaddieħor ninsa tiegħi imma wkoll, u forsi ħafna aktar importanti minnhekk, meta nisma’ ta’ ħaddieħor li nintebaħ kemm nista’ ngħix id-dwejjaq tiegħi b’mod aħjar.

Jalla dal-messaġġ jasal għand kulħadd għax ilkoll responsabbli li nieħdu ħsieb xulxin. Wara kollox aħna lkoll aħwa.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading