Adorazzjoni – L-Aħħar tas-Sena fuq il-Kelma ta’ Alla

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal-adorazzjoni

Ġesù jien ġejt quddiemek
biex l-akbar ġieh nagħtik
għax ruħi bik titgħaxxaq
u qalbi tistrieħ fik.

Ħallieh in-nifs ta’ mħabbtek
f’dan il-mument ta’ skiet
ifawwar qalbi bl-hena
tas-saltna tas-Smewwiet.

Missierna, Sliema, Glorja

Fik biss tinsab il-milja
tal-hena tal-bnedmin
u fik isibu l-faraġ
il-qlub tal-midinbin.

Kun int il-qawwa tagħna
f’kull ħin Ġesù maħbub
u b’qawwiet id-demm tiegħek
ħarisna minn kull dnub.

Missierna, Sliema, Glorja

Int wegħedt li tibqa’ magħna
fil-mixja ta’ kull żmien
biex fik insibu l-hena, it-tama u l-ħelsien.

Fil-mard u fit-tbatija,
fit-toqol tas-salib,
għallimna nafdaw lilek
f’mumenti ta’ tiġrib.

Missierna, Sliema, Glorja

Fil-kobor ta’ tjubitek
Int twieżen lid-dgħajfin,
iddewwi l-qlub maqsuma
u tfarraġ l-imnikktin.

Ħallieh dan l-għatx ta’ mħabbtek
li għandek għall-bnedmin
isawwab grazzji ġodda
fi qlub il-midinbin.

Missierna, Sliema, Glorja

Ġesù kun Int għalina
id-dawl tal-verità
biex ngħixu l-Kelma tiegħek
kuljum bil-fedeltà.

Ikun imfaħħar ismek
għal dejjem u f’kull ħin
għax żgur li b’dawn il-grazzji
tagħmilna qaddisin.

Missierna, Sliema, Glorja

Silenzju    2 min

Inġbarna hawn illum (illejla), f’dan l-aħħar jum ta’ din is-sena, biex inroddu ħajr lil Ġesù, li qiegħed hawn preżenti quddiemna. Nadurawk, o Ġesù, Verb Inkarnat, talli għoġbok tieħu l-ġisem msejken tagħna, titwieled minn Omm Verġni, biex isalvana, u terġa’ tħabbibna mal-Missier.

Nirringrazzjawk, o Mulej, għal dak kollu li sawwabt fuqna matul din is-sena; nirringrazzjawk tal-grazzji kbar li Inti xxerred fuqna ta’ kuljum. Grazzi o Sinjur, tal-ħniena u l-maħfra, li Inti xxerred fuqna kontinwament. (2 sek pawsa)

Nitolbuk, biex isaħħaħ fina l-fidi, t-tama u l-imħabba tagħna fik. Nitolbuk ukoll, taħfrilna ta’ kemm ma tajnix każ tas-sejħat li għamiltilna matul din is-sena. Kompli weżina, Mulej; kompli għaniena bil-grazzji tiegħek; kompli qaddisna bil-virtujiet tiegħek.  (2 sek pawsa)

Ġesù, nitolbok, kattar fija l-fidi u agħmel li nħares ‘il quddiem bit-tama.

Silenzju/ soft background music          2 min

Innu:_______________

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak                                          Bin Sirak 2:1-9

Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej ħejji ruħek.
Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ,
biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ.
Ingħaqad miegħu u titilqux,

u tikber fil-ġieh fi tmiem ħajtek.
Kull ma jiġi fuqek ilqgħu,
u żomm sħiħ fit-tibdil li jumiljak.

Għax id-deheb jippruvawh fin-nar,
u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni.

Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek,
żomm triqtek dritti u ittama fih.

Intom li tibżgħu mill-Mulej stennew ħnientu,
u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu.

Intom li tibżgħu mill-Mulej afdaw fih,
u ma jonqoskomx il-ħlas tagħkom.
Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fil-ħwejjeġ tajba,
fil-hena ta’ dejjem u fil-ħniena.

Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla

Silenzju    1min

Ħsieb:

Illum, li timxi wara Kristu hija sfida; li tgħix ċertu valuri, mhix ħaġa faċli. U li quddiem il-mumenti ta’ prova, quddiem il-mumenti ta’ mard u tbatija, faċli li nċedu.

Bin Sirak qiegħed iħeġġiġna, biex f’dawn il-mumenti, ma nitfixklux u lanqas naqtgħu qalbna; imma li nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Jistedinna wkoll biex nipprattikaw il-paċenzja u nilqgħu b’mod pożittiv dak kollu li ngħaddu minnu. (2 sek pawsa)

It-tieni punti li jgħaddilna Bin Sirak, huwa: li nibqgħu qrib ta’ Alla, li npoġġu l-fiduċja tagħna fih u fl-għajnuna tiegħu. Kemm għandna bżonn li nittamaw iktar fih, għax Hu li jagħtina s-saħħa li naffaċċjaw ir-realtajiet li ma jistgħux jiġu evitati. Ejjew, nagħrfu li l-Mulej, qatt mhu se jħallina weħidna. U stess wegħdna: “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20)

Silenzju    3min

Salm Responsorjali                                                                  Salm 71

B’tama kbira nitolbu lill-Mulej, biex fil-mumenti tat-tiġrib li ngħaddu minnu, qatt ma naqtgħu qalbna. Għalhekk flimkien ngħidu:

Fik, Mulej, jien nistkenn.

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni,
agħtini widen u fittex eħlisni.

Ngħidu flimkien:  Fik, Mulej, jien nistkenn.

Kun sur ta’ kenn għalija;
u fortizza qawwija għall-ħelsien tiegħi,
għax blata tiegħi u fortizza tiegħi int.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin.

Ngħidu flimkien: Fik, Mulej, jien nistkenn.

Għax int, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek intlaqt sa minn ġuf ommi,
minn ħdan ommi int ħadtni.

Ngħidu flimkien: Fik, Mulej, jien nistkenn.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
kull jum is-salvazzjoni tiegħek.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jiena nxandar s’issa l-għeġubijiet tiegħek.

Ngħidu flimkien: Fik, Mulej, jien nistkenn.

Silenzju/ soft background music         2min

Innu____________

Qari mil-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani                    Rum 5,1-5

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu lis-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, l-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu li kien mogħti lilna.

Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla

Silenzju       1min

Quddiem tant tbatija fil-ħajja, faċli li wieħed jiddubita u jaqta’ qalbu. Biżżejjed tiftaħ l-aħbarijiet; ħlief gwerer, vjolenza, epidemiji, inċidenti ma tismax. U quddiem dan kollu, kultant niltaqgħu ma’ nies qalbhom maqtugħa, li jħarsu lejn il-ġejjieni b’xettiċiżmu u pessimiżmu, bħallikieku xejn ma jista’ joffrilhom il-ferħ. (3 sek pawsa)

F’isem it-tama, San Pawl, jrid jimliena bil-kuraġġ, u qiegħed jitlob minna biex nimmaturaw fil-fidi f’Ġesù Kristu, li Hu stess jaf u għadda minn kull forma ta’ tbatija. U li din il-fidi, tgħinna nilqgħu t-tbatija fil-ħajja tagħna, u twassalna biex nittamaw li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.          (2 sek pawsa)

Fil-fatt huwa l-Ispirtu s-Santu, u l-preżenza dejjiema tiegħu fil-mixja tal-Knisja, li jsawwab fuq dawk li jemmnu d-dawl tat-tama: hu jżommha mkebbbsa bħal musbieħ li qatt ma tintefa, biex twieżen u tħeġġeġ lill-ħajja tagħna. Fil-verità, t-tama Nisranija ma tiddiżapuntaniex, għax hi mibnija fuq iċ-ċertezza li xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla.

Għalhekk it-tama ma ċċedix fil-mumenti ta’ diffikultà: hi tinbena fuq il-fidi, u tmantnina bl-imħabba, u hekk tagħtina li nibqgħu nħarsu ‘l quddiem fil-ħajja.  

Silenzju    3min

Kbir sas-smewwiet hi t-tjieba li l-Missier etern ixerred dejjem fuq il-poplu tiegħu. Ngħajjtu quddiemu bil-ferħ ta’ qalbna u ngħidulu:

Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Kun fostna, Mulej, u bid-dawl tiegħek keċċi d-dlamijiet tagħna: u agħmilna denji tad-doni tiegħek.

Ngħidu flimkien. Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Ħares lejn dawk li għandhom is-setgħa u mexxihom skont qalbek: agħmel li jkollhom rieda u fehma tajba, ħa jmexxu fis-sliem u l-paċi.

Ngħidu flimkien. Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Int xerridt f’qalbna l-fidi, t-tama u l-imħabba: ibqa’ ħarishom dejjem fina. Ngħidu flimkien. Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Mulej, ħa jkunu għajnejna dejjem miftuħa lejk: biex b’ħeġġa kbira nwieġbu għas-sejħa tiegħek.

Ngħidu flimkien. Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Salvatur tagħna, bi twelidek urejtna li Alla jżomm kelmtu magħna: agħmel li nżommu sal-aħħar il-kelma li tajnieh u nħarsu l-wegħdiet tal-magħmudija. Ngħidu flimkien. Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Innu:________________________

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann                                              Ġw 14,1-12

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?’. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej. It-tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ħsieb:

Waqt li kienu miġbura madwar Ġesù, biex jiċċellebraw l-aħħar ikla miegħu, l-appostli kienu għaddejjin minn mumenti ta’ ansjetá u biża’ kbir. U Ġesù jagħtihom kelma qawwija ta’ kuraġġ; kif illum qed jagħtiha lilna wkoll: “Tħallux qalbkom titħawwad, jiena sejjer inħejjilkom post, biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”  

Din hi verament kelma qawwija ta’ tama, li tqanqal lil Tumas, l-appostlu li dejjem jiddubita: Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq li niġu għandek?” U Ġesù jwieġbu b’mod solenni: “Jien hu t-Triq, il-Veritá, u l-Ħajja.” Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-uniku persuna, Alla magħmul bniedem, li jingħata għalina, li verament jiftħilna l-bieb beraħ għall-qalb kbira, u kollha ħniena ta’ Alla l-Missier. Ġesù huwa t-tama tagħna, li twassalna għal għand il-Missier.

Silenzju    2min  

Appostlu ieħor jerġa’ jistaqsi: “Mulej, urini l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Din ix-xewqa ta’ Filippu, li jidħol fil-ħajja vera ta’ Alla, fil-ħajja Divina. U r-risposta qawwija, u sabiħa, kollha ġmiel ta’ Ġesù. “Kif Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier”. Għal darb oħra, Ġesù, jippreżenta lilu nnifsu bħala dak illi b’ħajtu, bl-għotja sħiħa tiegħu, jurina verament kif inhi magħmula l-Qalb kollha mħabba u ħniena ta’ Alla l-Missier.        (3 sek pawsa)

U allura, quddiem il-biża’ u l-ansjetá; quddiem il-fraġilitá u djugħfija tagħna; ejjew ma nħallux qalbna titħawwad, imma nkomplu nintrabtu, u npoġġu t-tama tagħna fil-Qalb tal-Maħbub tagħna Ġesù Kristu; u bħal Xmun Pietru ngħidulu: “Mulej, għand min immorru? Int biss għandek il-Kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68) Iva, o Mulej, Int biss it-Triq, int biss il-Veritá, Int biss il-Ħajja.

Silenzju/ soft background music         3min

Innu_______________________

Talbiet tal-Komunitá

Ħuti, bħlama Kristu jinkorpora l-għerf tal-Missier, hekk Marija turina lil Binha. Hekk kif qed intemmu din is-sena, u għada nibdew sena ġdida, ejjew nitolbu biex inkunu verament ulied denji ta’ Marija.

Nitolbu għall-Papa Franġisku, għall-Isqof tagħna Charles, għas-saċerdoti, u dawk kollha li jagħtu sehem tagħhom fil-Knisja, biex permezz tal-ministeri tagħhom; il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla tiddi fuqna. Nitolbu.

Ejjew nitolbu biex tintemm darba għal dejjem il-vjolenza mwettqa mill-armi qerrieda, minn kliem iebes, jew mill-indifferenza. Jalla djarna, pajjiżna, u d-dinja kollha jsiru kenn ta’ paċi. Nitolbu.

Mulej agħtina l-grazzja li naraw lil kull bniedem bħala wild ta’ Alla, rrispettivament mir-razza, mill-lingwa jew mill-kultura. Nitolbu.

Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna, speċjalment dawk li qed isejħilhom biex jikkonsagraw ruħhom lilek, biex timlihom b’ferħ u mħabba, biex iwieġbu b’ġenerożitá għas-sejħa tiegħek. Nitolbu.

Nitolbu għall-parroċċa tagħna, biex tkun komunità li tilqa’ lil kulħadd, komunità li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha. Nitolbu.

Mulej, iftħilna qalbna għall-bżonnijiet ta’ ħutna li huma fil-bżonn. agħtina l-grazzja li nkunu familja solidali, biex inkunu nistgħu naħdmu flimkien ħa nħarsu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u l-aktar fil-bżonn. Nitolbu.

(Jekk ikun għad fadal ħin, nistiednu lill-membri tal-komunità biex tagħmel it-talba tagħha)

Silenzju       2min

F’għeluq dan il-ħin flimkien quddiem Ġesù Ewkaristija, ejjew nitolbuh lill-Mulej jixħet fuqna l-barka tiegħu u jħarisna. Jixħet fuqna d-dija ta’ wiċċu u jurina l-ħniena! U jibqa’ iħares lejna b’dik il-ħarsa ta’ mħabba, ta’ ħniena u maħfra tiegħu, biex ikollna s-sliem tul il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

Silenzju       1 min

Issa nduru lejn l-Omm tagħna Marija, u flimkien mal-Papa San Ġwanni Pawlu II nitolbuha:

Marija, Omm it-tama, fi ħdanek nintelqu bil-fiduċja.
Flimkien miegħek irridu nimxu wara Kristu, Feddej tal-bniedem:
Agħmel li l-għajja ma ttaqqalniex, lanqas ma żżommna lura,u x-xkiel ma jaqtagħlniex qalbna, lanqas in-niket ma jitfilna l-ferħ tal-qalb.

Int, Marija, Omm il-Feddej tagħna,
ibqa’ uri li inti ommna, għasses fuq mixjitna u għin lilna uliedek,
sabiex fi Kristu nsibu, t-triq lejn il-Missier! Ammen.

Għeluq

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading