Aktar dwar L-Istorja tal-Adorazzjoni (2): Fil-Knisja Kattolika Medjovali
Minn Manwel Cutajar
Nistgħu ngħidu li l-bażi teoloġika għall-Adorazzjoni Ewkaristika tħejja fis-seklu ħdax mill-Papa San Gregorju VII (1020-1085) li biha huwa afferma b’mod l-aktar ċar il-verità li Ġesù Kristu huwa verament, realment u sostanzjalment Preżenti fis-Sagrament tal-Ewkaristija Qaddisa.
Lejn tmiem is-seklu ħdax nidħlu f’era ġdida fl-istorja tal-Adorazzjoni Ewkaristika. Sa dak iż-żmien, il-Preżenza Reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija kienet aċċettata universalment fit-twemmin Kattoliku u ż-żamma tagħha wara ċ-Ċelebrazzjoni tal-quddiesa kienet il-prattika komuni fil-knejjes Kattoliċi, inklużi l-kappelli u l-oratorji tal-komunitajiet reliġjużi.
F’daqqa waħda qamu dibattiti kbar teoloġiċi fil-Knisja Kattolika fis-seklu ħdax, meta Berengar (999-1088) ta’ Tours,teologu Kristjan Franċiż u arċidjaknu ta’ Angers fi ċaħad pubblikament li Kristu kien verament u fiżikament Preżenti fl-Ewkaristija taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid. Diċ-ċaħda ħolqot ħafna diżgwid u dubji teoloġiċi u reliġjużi fost l-insara u anki Kattoliċi. Ħafna bdew jiddubitaw mit-tagħlim tal-Knisja dwar l-Ewkaristija, u jitilfu l-fidi fil-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Saħansitra oħrajn bdew jaċċettaw, jemmnu u jsegwu t-tagħlim żbaljat u eretiku ta’ Berengar dwar l-Ewkaristija.
Il-kwistjoni tant saret serja li l-Papa Gregorju VII fis-Sitt Konċilju ta’ Ruma VI fis-sena 1079 obbliga lil Berengar biex jieqaf milli jkompli jxerred din l-ereżija duttrinali tiegħu. Wara diversi snin, Berengar stqarr l-iżbalji tiegħu u għaraf il-gravità tat-tagħlim eretiku tiegħu u ffirma l-istqarrija, ifformulata mill-Papa Gregorju VII, li fija hemm iddikjarat li l-Ewkaristija hija l-Ġisem veru u reali ta’ Ġesù Kristu mwieled mill-Verġni Marija.
Dil-istqarrija kienet tgħid :
“ Jiena, Berengarju, f’qalbi nemmen u b’xofftejja nistqarr li l-ħobż u l-inbid li jitqiegħdu fuq l-artal huma, bil-misteru tat-talb sagru u l-kliem tar-Redentur, mibdula sostanzjalment fil-Laħam u d-Demm veru u li jagħti l-ħajja ta’ Ġesù Kristu Sidna, u li wara l-Konsagrazzjoni, hemm preżenti l-Ġisem veru ta’ Kristu li twieled mill-Verġni u offrut għas-Salvazzjoni tad-dinja, imdendel mas-salib u issa qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, u li hemm preżenti d-Demm veru ta’ Kristu li ħareġ min-naħa tiegħu. Huma preżenti mhux biss permezz ta’ sinjal u tal-effikaċja tas-Sagrament, imma wkoll fir-realtà stess u l-verità tan-natura u s-sustanza tagħhom.”
Wara xi snin Berengar irtira lejn il-gżira ta’ Saint-Cosme qrib Tours fejn għex f’solitudni axxetika. Kien hemm li miet fl-1088, f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika Rumana.
B’din il-professjoni ta’ fidi, il-knejjes tal-Ewropa bdew dik li tista’ tiġi deskritta bħala Rinaxximent Ewkaristiku. Mis-seklu ħdax ’il quddiem, id-devozzjoni lejn is-Santissimu Sagrament miżmum fit-tabernaklu żdidet u saret aktar prevalenti u magħrufa fid-dinja Kattolika. Ġew istitwiti purċissjonijiet tas-Santissimu Sagrament; l-Adorazzjonijiet Ewkaristiċi saru aktar spissi u mfittxija mill-Kattoliċi u insara oħra.
Ta’ min igħid hawnhekk li l-istqarrija tal-Papa San Gregorju VII dwar il-Preżenza Reali kienet ġie kkwotat verbatim fid-dokument tat-3 ta’ Settembru 1965 tal-Papa Pawlu VI Mysterium Fidei, para 52 .
Il-Benedittin Lanfranc (1005-1089), bħala Arċisqof ta’ Canterbury, introduċa fl-Ingilterra bosta drawwiet li jaffettwaw il-qima tal-Preżenza Reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Huwa beda t-tradizzjoni tal-purċissjonijiet Ewkaristiċi waqt il-Liturġija fil-katidral ta’ Canterbury, li matulhom kienu jsiru l-Adorazzjonijiet Ewkaristiċi.
San Franġisk ta’ Assisi (1181 – 1226) li qatt ma kien ordnat saċerdot, kellu devozzjoni kbira lejn Kristu fis-Santissimu Sagrament.
”L-Iskrittura Mqaddsa tgħidilna li l-Missier jgħammar fid-“dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, li l-ebda bniedem ma rah lanqas jista’ jarah” (1 Timotju 6:16) u li “Spirtu hu Alla, u dawk li jqimuH jeħtieġ jqimuH bl-ispirtu u s-sewwa” (Ġwanni 4:24) u San Ġwann iżid, “Lil Alla qatt ħadd ma raH” (Ġwanni. 1:18). Minħabba li Alla huwa spirtu jista’ jidher biss fl-ispirtu; “Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja; il-laħam ma jiswa xejn” (Ġw 6:63). Imma Alla l-Iben huwa ugwali għall-Missier u għalhekk hu wkoll jista’ jidher biss bl-istess mod bħall-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Kien għalhekk li ġew ikkundannati dawk kollha li raw lil Sidna Ġesù Kristu fl-umanità tiegħu imma ma rawhx jew jemmnu fl-ispirtu fid-Divinità tiegħu, li kien l-Iben veru ta’ Alla. Bl-istess mod issa, huma kkundannati dawk kollha li jaraw is-Sagrament tal-Ġisem ta’ Kristu li hu kkonsagrat fuq l-artal f’għamla ta’ ħobż u nbid bil-kliem ta’ Sidna f’idejn is-saċerdot, u ma jarawhx jew jemmnu fl-Ispirtu u f’Alla li dan huwa tassew il-Ġisem u d-Demm l-aktar Qaddis ta’ Sidna Ġesù Kristu.”
Kienet dil-fidi ċara u soda fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija li sostniet lil San Franġisku waqt l-aktar provi tiegħu matul ħajtu. Kienet din l-istess fidi li ispirat tradizzjoni ġdida fost il-komunitajiet reliġjużi tal-irġiel u tan-nisa, kif se naraw aktar ‘il quddiem f’artikli oħra f’din is-sensiela.
Il-kunventi kellhom l-Ewkaristija Qaddisa esposta pubblikament għall-Adorazzjoni—barra l-Quddiesa.
L-Arkivji Franġiskani jikkreditaw lil San Franġisk t’Assisi bħala dak li beda l-Adorazzjoni Ewkaristika fl-Italja, u li mbagħad infirxet mill-Umbria għal partijiet oħra tal-Italja u eventwalment mal-Ewropa u aktar tard mad-dinja Nisranija kollha.
Il-Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja ta’ Marthe Robin
Il-Venerabbli Marthe Robin twieldet fit-13 ta’ Marzu 1902 f’Châteauneuf-de-Galaure fi Franza, f’familja ta’ bdiewa raħħala, u Marthe għexet ħajjitha kollha fil-familja tagħha. Kienet tgħin il-familja fix-xogħol tal-għelieqi u tieħu ħsieb il-merħliet. Ftit snin wara, il-familja Robin intlaqtet mit-tifojde, li ħalliet lil Marthe fraġli ħafna f’saħħitha.
Mill-1928 ‘l quddiem, wara mard newroloġiku serju, Marthe baqgħet kważi kompletament inkapaċi li tagħmel xi movimenti,speċjalment dak li tibla’, għax il-muskoli tagħha biex tibla’ kienu mblukkati,u barra minn hekk, kienet kostretta, minn mard ieħor f’għajnejha, u kienet tgħix f’għama kważi totali.
Il-Mirakli Ewkaristiċi f’ħajjitha
Għat-53 sena ta’ wara l-uniku ikel ta’ Marthe kien l-Ewkaristija Mqaddsa, li darba fil-ġimgħa Fr.Finet, id-direttur spiritwali tagħha kien iwasslilha d-dar. Kien jingħad kemm minn Fr.Finet innifsu kif ukoll minn saċerdoti oħra u lajċi li kienu jżuruha, li f’aktar minn okkażjoni raw l-Ostja Qaddisa ttir direttament lejn ħalq Marthe.
It-Tqarbin sar l-uniku ikel għal Marthe.
L-eżistenza kollha ta’ Marthe kienet iddur madwar Ġesù Ewkaristiku, li kien għaliha “dak li jfejjaq, jikkonsla, issostni, u jbierek”.
Xi minn daqqiet wara li tirċievi l-Ewkaristija immedjatament kienet tidħol f’estasi għal diversi jiem.
Aktar tard imbagħad kull ġimgħa bdiet tgħix il-Passjoni u t-tislib ta’ Kristu. L-istigma u l-flaġelli, l-inkurunazzjoni bix-xewk ta’ Ġesù dehru wara mewtha fuq ġisimha. Skont Fr. Finet, Marthe offriet lilha nnifisha bħala vittma tal-imħabba u aċċettat dawn it-tbatijiet kollha bl-imħabba lejn Ġesù u bħala tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin u nuqqas tal-imħabba tagħhom lejn Kristu.
It-twaqqif tal-Foyer de Charité
Għalkemm paralizzata, Marthe, flimkien ma’ Fr Finet, fis-sena 1936, waqfu l-għaqda Foyers de Charité fi Franza.
Fil-ħajja ta’ din l-għaqda jieħu sehem fiha saċerdoti, reliġjużi u lajċi. L-għan ta’ din l-għaqda kien u għadu li l-membri tagħha jesperjenzaw u jagħtu xhieda tal-Imħabba ta’ Kristu għal kulħadd
Il-membri tal-Foyers de Charité imexxu djar li fihom jilqgħu tfal f’diffikultà jew b’diżabilità u trabi abbandunati, skejjel, djar għall-anzjani, ċentru spiritwali djoċesan, dispensarji, stamperija, stazzjonijiet tar-radju reliġjużi lokali, u canteens għall-foqra.
Mit-twaqqif ta’ din l-għaqda, total ta’ 75 komunitajiet kienu twaqqfu f’44 pajjiż,jew direttament minn Marthe nnifisha jew ispirati mill-eżempju tagħha.
Fl-1984, il-Foyers ġew irrikonoxxuti uffiċjalment mill-Knisja Kattolika.
Marthe Robin mietet fis-6 ta’ Frar 1981 u ġiet iddikjarata “Venerabbli” fis-7 ta’ Novembru 2014 mill-Papa Franġisku. Ir-rikonoxximent mill-Papa Franġisku li Marthe kienet “erojka fil-virtù” kien pass ewlieni fil-kawża tagħha ta’ beatifikazzjoni.
Każ li jippreżenta fejqan inspjegabbli miksub bl-interċessjoni ta’ Venerabbli Marthe Robin qed jiġi eżaminat preżentement mid-Dikasterju għall-Kawżi tal-Qaddisin,fil-Vatikan, f’Ruma.