X’int cool!

Ġieli smajt min jgħidlek x’int cool? Jew xi ħaġa li tkun marret tajjeb u ssib lil xi ħadd li jfendilek xi Ingliżata, forsi biex iqawwilek qalbek ukoll, meta jgħidlek: cool?

Cool. Cooler. Meta nisma’ l-aħħar kelma niftakar fil-kelma cool. Niftakarni naqra ta’ tifel u meta kont noħroġ mal-ġenituri tiegħi, jew aħjar il-ġenituri tiegħi kienu joħorġuni, konna nieħdu l-ikel fil-cooler. Ovvja! Ħalli jibqa’ frisk! L-aktar fis-sajf fejn is-sħana, f’pajjiżna, tassew li tkun Alla jberikha.

Għalhekk, wara dik l-ikla tajba b’xi naqra fenek moqli fit-tadam u t-tewm u b’dik il-patata mqatta’ u moqlija li kienet tinżilli għasel, niftakarni niekol dik il-biċċa bettieħa tajba u friska. Jew, għall-argument, dullija daqshiex, ħamra peprin, ħierġa mill-imbierek cooler. Oh kemm kienet tinżilli għasel wara ikla fenek, bil-patata, bit-tadam u bit-tewm moqli u b’dak il-ħobż frisk ta’ ratal Malti li kien ikun għadu artab issemmix għax ħiereġ mill-forn! Dik esperjenza cool! U jien ukoll kont inħossni cool tafux!Għax cool dritt minn ġol-cooler!

Naqdfu ftit ‘il barra

L-idea tal-cool tmur lil hinn minn naqra ikla babaw u li meta tiftakar fiha tibqa’ tilgħaq ix-xufftejn għal ma nafx kemm. Għal uħud li tkun cool ma tfissirx li xi ħaġa tkun marret mija fil-mija kif wieħed ikun jixtieq u daqshekk. Donnu li hemm aktar x’wieħed jgħid u x’jistenna fuq dan il-punt.

Fil-fatt, li ħaġa tkun cool tista’ tfisser ukoll li jkollok kontroll fuqha. La kollox mar kif ippjanajna jfisser li l-kontroll li kelli fuq il-ħaġa seħħ b’mod eċċellenti. Għalhekk issa għandi għax inkun ferħan u ferħana għax dak li kelli f’moħħi lħaqtu. Sintendi, jekk dak li kelli f’moħħi kienx tassew għal veru ġid tiegħi jew aktar swieli biex jeqridni u miegħi jeqred lill-oħrajn dak juriehuli ż-żmien. Għax, kif jgħid il-qawl Malti, iż-żmien isajru l-bajtar. Mela, cool għalija tfisser il-għandi kontroll.

Nagħmel li rrid?

Uħud għandhom idea li meta tkun cool tfisser li tagħmel li trid u li jogħġbok. Kulma għandek tagħmel hu li ssegwi, b’mod għami kemm jista’ ikun, l-istinti tiegħek u x-xilep ġewwa. Wara kollox il-ħajja qasira. Issa ċ-ċans! Mhux hekk?

Imma, dawn l-aħwa, qed jinsew xi ħaġa oħra li hi mportantissma. Jien ma ngħixx waħdi. Minn natura tiegħi jiena maħluq għall-oħrajn. U, b’oħrajn, qed nifhem kemm għall-OĦRAJN, jiġifieri t-Trinità Qaddisa li minnha ġej u għandha sejjer u sejra, nemmen jew ma nemminx fiha, u anki għall-oħrajn fis-sens ta’ ħuti l-bnedmin ta’ madwari. Jiena dejjem qiegħed f’mixja barra minni nnifsi lejn l-oħrajn biex, waqt din il-mixja, insib il-veru jien fija nnifsi. Imma, jiena nnifsi li minix iżolat imma miftuħ kontinwament għal ħaddieħor.

F’kelma waħda, li nkun veru cool ma jfissirx li nilgħabha tal-ħelu u l-ħelwa. Spiċċali ż-żmien li nitkessaħ ħa nidher cool! Kif spiċċali ż-żmien li l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien ukoll! Biex ma nsemmix ukoll li spiċċali ż-żmien fejn niġi naqa’ u nqum minn kollox! Ir-raġunament falz kemm jista’ ikun ta’ x’jimpurtani! ilu li nħlietlu l-card! Il-verità hi li jien persuna responsabbli ta’ għemili, proprju l-għaliex minix qed ngħix maqtugħ għal rasi imma qiegħed f’relazzjoni kontinwa mal-AĦNA TRINITARJU u mal-oħrajn, il-bqija ta’ ħuti l-bnedmin.

Din l-idea brillanti, għax tfisser tassew min veru aħna, esseri soċjali u mhux biss personali, tfissirha bl-akbar reqqa l-liġi fid-diversi kodiċijiet jew ġabriet tagħha. Anzi, il-liġi tfakkarna fil-liġi tad-deheb li anki Ġesù fakkarna fiha f’tagħlimu: Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom (Lq 6:31).Dan il-prinċipju essenzjalissmu diġà qed isaħħaħ u jorbot f’bini wieħed u sħiħ dak li qed ngħidu: jiġifieri li AĦNA RESPONSABBLI TA’ XULXIN.

L-eżempju ta’ Ġesù

Minn idea ta’ nuqqas ta’ kontroll għax iffumentata minn attitudni ta’ indifferenza lejn l-oħrajn u attenzjoni esaġerata lejn il-bżonn personali issa l-Ispirtu tal-Mulej qed iressaqna lejn il-grazzja tar-responsabbiltà, jew aħjar tas-smiegħ u tal-ħars indirizzati lejn azzjoni li tfejjaq. Għaliex?

Ibda biex, biex tabilħaqq inkun responsabbli għal ħaddieħor irrid inkun persuna li nosserva. Tolqotni mmens is-silta tal-vanġelu minn San Mattew meta Ġesù sejjaħ lit-tnax-il appostlu bil-għan li jibgħathom għand dar Iżrael bis-sinjali li jsieħbu tagħlimu fihom bħall-fejqan mill-mard u t-tkeċċija tal-ispirti ħżiena. B’għaqal liema bħalu l-evanġelista Mattew jibda’ hekk din is-silta: Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:36-38).

Hawnhekk nara kemm Ġesù kien tabilħaqq cool. Huwa ħareġ minnu nnifsu billi RA n-nies. Kemm jogħġobni dak il-verb ra bil-Grieg! Kemm hu profond! Il-verb ra bil-Grieg hu ὁράω (horaó). Dan il-verb ifisser tara, li tara minn fuq, li tesperjenza, li ssir konxju ta’ ħaġa sal-punt li tifhimha u li tagħrbel. Dak kollu jfisser li Ġesù kien tassew il-cool tal-cools għax ħareġ minnu nnifsu u hekk ħalla lilu nnifsu jara, iħares minn fuq (u minn kull angolu), jesperjenza, ikun konxju ta’ dak li kien qed iseħħ madwaru, jagħrbel u tant kemm ikun konxju tas-sitwazzjoni li jasal li jifhimha.

Il-biċċa tax-xogħol hi li aktar ma’ ħareġ minnu nnifsu u tlaħħam mas-sitwazzjoni tan-nies aktar beda jitħassarhom. Il-verb grieg li juża San Mattew hu σπλαγχνίζομαι (splagchnizomai) li jfisser li tkun imqanqal mill-ġewwieni u li tħoss kompassjoni. Hawnhekk aktar naraw kemm Ġesù issa kien nieżel sewwa fil-coolness tiegħu għax qiegħed jitbiegħed mill-ħabs tiegħu nnifsu u aktar qed jitlaħħam, permezz tal-kompassjoni li ħierġa bħal vulkan minn qalbu, mat-tbatija tan-nies.

Madankollu Ġesù qgħad b’miljun għajn li ma jsirx vittma hu nnifsu ta’ dak li kien qed iħoss għan-nies imma li juża dak li kien qed iħoss biex ikun pro-attiv għalihom u hekk ikun ta’ servizz biex jgħinhom tassew. X’għamel? L-ewwel nett, qal lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu (Mt 9:38). Imbagħad sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejjqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu (Mt 10:1). Dan kollu Ġesù wettqu biex iwieġeb għall-bżonn li kien hemm quddiemu, jiġifieri n-nies li kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj (Mt 9:36).

X’jgħallimna Papa Benedittu XVI

Minn din ir-riflessjoni l-Ispirtu s-Santu qed jgħallimni li biex inkun cool irrid ngħix dak li jgħallimna tant tajjeb Papa Benedittu XVI fl-ewwel enċiklika tiegħu fuq l-imħabba Nisranija Deus Caritas Est, meta jgħidilna fin-numru 6:

L-imħabba hija “estasi”, iżda estasi li ma tfissirx ħin ta’ sakra, imma estasi bħala mixja, bħala ħarġa dejjiema mill-egoiżmu magħluq fih innifsu lejn il-ħelsien minnu fl-għotja ta’ dak li jkun, u sewwa sew ħarġa lejn l-għarfien tiegħu nnifsu, anzi lejn l-għarfien ta’ Alla: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha” (Lq 17:33), qal Ġesù – din l-istqarrija tiegħu tinsab f’diversi bnadi ta’ l-Evanġelju (ara: Mt 10:39; 16:25; Mk 8:35; Lq 9:24; Ġw 12:25). B’dan, Ġesu` jpinġi l-mixja tiegħu nnifsu li permezz tas-salib wasslitu għall-qawmien; il-proċess tal-ħabba tal-qamħ li taqà fl-art u tmut u hekk tagħti ħafna frott. Mill-istess qalba tas-sagrifiċċju personali tiegħu u ta’ l-imħabba li fih laħqet il-perfezzjoni, b’dawn il-kelmiet huwa fisser ukoll il-qofol ta’ l-imħabba u sewwa sew il-qofol tal-ħajja umana fiha nnifisha.

Ejjew inkunu cool!

Ħa nkunu cool billi nħobbu lill-Mulej fl-oħrajn kif, wara kollox, tgħidilna t-talba ta’ wara t-tqarbin ta’ nhar is-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù: Agħmel, Mulej, li s-sagrament ta’ l-imħabba tiegħek [l-Ewkaristija] iħeġġiġna bi mħabba qaddisa, ħalli ninġibdu dejjem iżjed lejn Ibnek, u nitgħallmu naraw lilu f’ħutna.

Jekk naslu f’dan il-punt allura veru nkunu cool sieħbi għax lil Ġesù ġid biss nibdew nagħmlulu fil-proxxmu tagħna għax Hu ġid biss jagħmlilna! X’int cool!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading