Illum il-Knisja, imxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja, qed tiċċelebra l-festa solenni ta’ l-Għid il-Kbir. Min ma semax bl-Għid! U min ma qarax dwaru.
Tiftaħ fejn tiftaħ kullimkien se ssib ma’ wiċċek il-Kelma “Easter”, “Pasqua”u għid li trid. Hi kelma rikorrenti ħafna f’dan il-jum hekk sabiħ. Anki jekk ma temminx jew għandek xi valuri oħra fil-ħajja l-jum tallum sempliċiment ma tistax tinjorah. U jekk tipprova żgur li tkun qed twettaq nuqqas ta’ servizz lejk innifsek. Għax ir-rejaltà qiegħdha quddiem wiċċek!
It-tifsira tal-Għid
Il-kelma Ingliża “Easter”jidher li tmur lura għall-isem ta’ alla mara ta’ qabel il-Kristjaneżmu fl-Ingilterra, “Eostre”. Il-festa ta’ din l-alla mara kienet tiġi ċċelebrata fil-bidu tar-rebbiegħa. L-uniku referenza għal din l-alla mara li għandna ġejja mill-kitbiet tal-qaddis għaref monaku Ingliż San Beda l-Venerabbli. Beda għex lejn l-aħħar tas-seklu seba’ u l-bidu tas-seklu tmienja. L-istudjuż tal-istudji tar-reliġjon Bruce Forbes jgħidilna hekk:
“Beda kiteb li x-xahar li fih l-Insara Ingliżi kienu jiċċelebraw ir-reżurezzjoni ta’ Ġesù kien jissejjaħ ‘Eosturmonath’ li, fl-ilsien Ingliż antik kien jirreferi għall-alla mara li kien jisimha ‘Eostre’. U anki jekk l-Insara bdew jaffermaw it-tifsira Nisranija taċ-ċelebrazzjoni huma xorta waħda ssuktaw jużaw l-isem ta’ l-alla biex jfissru dan iż-żmien.”
Il-fatt hu li Beda tant kemm ħalla nfluwenza warajh li l-Insara li ġew warajh baqgħu mwaħħla ma’ dan l-isem u għalhekk illum il-kelma “Easter”jibqa’ l-isem li bih l-Ingliżi, il-Ġermaniżi u l-Amerikani jirreferu għall-festa tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.
Il-Kristjaneżmu tal-bidu
Bħalma juruna tant tajjeb l-evanġelji, kemm it-tislib u kif ukoll il-qawmien ta’ Ġesù seħħu fil-ġimgħa tal-Għid Lhudi. B’hekk l-ewwel Insara seħħilhom jpoġġu l-osservanza ta’ din il-festa, omm il-festi Nsara kollha, f’rabta mal-Għid tal-Poplu t’Alla tar-Rabta l-Qadima. Xhieda diretta ta’ festa aktar Nisranija tal-Pascha (l-Għid), tibda’ tidher lejn nofs it-tieni seklu. X’aktarx li l-ewwel sors li għandna f’idejna u li jirreferi għal Għid hi l-omelija mill-isbaħ ta’ l-Isqof Melito ta’ Sardis, li tikkaratterizza ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid bħala waħda li għandha tabilħaqq sisien sodi.
Din l-omelija ta’ min wieħed jaqraha u jerġa’ jaqraha l-għaliex fiha jsib il-qawwa kbira tat-tifsira vera u aħħarija tal-Għid Nisrani.
L-omelija ta’ Melito ta’ Sardi
Bħalma ħafna jafu, din l-omelija naqrawha fit-tieni qari tal-liturġija tas-Sigħat tal-Uffiċju tal-Qari tas-Sibt Imqaddes tal-Għid. It-titlu tagħha diġà jgħid ħafna: “Il-Mulej nieżel f’art l-imwiet.” Qisu qed jgħid li l-Mulej Ġesù, hekk kif ħareġ mill-qabar u minn ħalq il-mewt, mill-ewwel mar juri mħabbtu lil Adam li kien għadu mjassar mid-diżubbidjenza tiegħu. Ejjew inħallu lill-Isqof Melito ta’ Sardi jurina s-sbuħija u l-qawwa tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.
“X’inhu dan li ġara? Illum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudni; skiet kbir, għax is-Sultan raqad; l-art twerwret u siktet, għaliex Alla magħmul bniedem raqad, u qajjem lil dawk li kienu ilhom ħafna reqdin. Alla bħala bniedem miet, u heżheż art l-imwiet.
Għax tassew, hu mar ifittex l-ewwel missier tagħna, li kien qisu n-nagħġa l-mitlufa. Iva, ried iżur lil dawk li kienu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt; iva, Alla, u Ibnu, mar iħoll mill-irbit tat-tbatija lil Adam l-imjassar, flimkien ma’ Eva l-imjassra.
U l-Mulej daħal ħdejhom, bl-arma rebbieħa tas-salib f’idejh. Kif rah Adam, l-ewwel missier tagħna, kollu mistagħġeb beda jħabbat fuq sidru u jgħid lil kulħadd: ‘Il-Mulej Sidi ma’ kulħadd’. U wieġeb Kristu u qal lil Adam: ‘U miegħek ukoll’. Imbagħad qabdu minn idu, qajmu u qallu: ‘Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-mewt, ħa jiddi fuqek Kristu.’
‘Jien hu Alla tiegħek, li minħabba fik sirt ibnek; minħabba fik u l-imnissla minnek kollha, issa bis-setgħa tiegħi qiegħed nordna u ngħid lil dawk li kienu marbuta fil-jasar, ‘Oħorġu’; lil dawk li kienu fid-dlamijiet, ‘ Ħa jiddi fuqkom id-dawl’; u lil dawk li kienu mitlufa fin-ngħas, ‘Qumu’.’
‘Jien qiegħed nordnalek: Stenbaħ, int, li rieqed; għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin. Qum, għemil idejja; qum, xbieha tiegħi, int li kont magħmul fuq ix-xebħ tiegħi. Qum, noħorġu minn hawn; għax inti fija, u jiena fik, aħna persuna waħda mhix mifruda.’
‘Minħabba fik jien, Alla tiegħek, sirt ibnek; minħabba fik jien, is-Sid, sirt ilsir bħalek; minħabba fik jien, li jien ogħla mis-smewwiet, inżilt fl-art, anzi sa qiegħ l-art; minħabba fik, ja bniedem, jien sirt qisni bniedem bla saħħa li għandu friexu fost il-mejtin; inti ħriġt mill-ġnien u jien minħabba fik itteħidt minn ġo ġnien, ingħatajt f’idejn il-Lhud, u ssallabt fi ġnien.’
‘Ħares lejn il-bżieq li tefgħuli fuq wiċċi; jiena lqajtu minħabba fik, biex nitfa’ fuqek mill-ġdid dak in-nifs li kien ingħatalek fil-bidu. Ara kemm daqqiet bil-ħarta tawni fuq ħaddejja; jien stabart bihom, biex inġedded fik dik ix-xbieha li fuqha ssawwart u li int ħassart, u nagħtiha sura tixbah lil tiegħi.’
Ara kemm swat ħadt fuq dahri; jiena lqajtu minħabba fik, biex inneħħilek minn fuq dahrek it-toqol ta’ dnubietek. Ħares lejn idejja, kif issammru mas-salib minħabba fik, għax int darba għamilt ħażin li middejt idek lejn is-siġra.
‘Jiena rqadt fuq is-salib, u lanza nifditli ġenbi; dan ukoll minħabba fik, għax inti rqadt fil-ġnien u ġenbek infetaħ biex minnu ħarġet Eva. Issa ġenbi fejjaq lil ġenbek, ir-raqda tiegħi qajmitek mill-irqad tiegħek f’art l-imwiet, u l-lanza tiegħi żammet lura x-xabla li kien hemm imxejra għalik.’
‘Qum, nitilqu minn hawn. L-għadu ġagħlek toħroġ mill-Għeden; imma jien se nqiegħdek mhux fi ġnien tal-art, imma fuq tron fis-sema. L-għadu firdek minn siġra li kienet biss xbieha tal-ħajja; imma ara, jien, il-ħajja, issa ninsab ħaġa waħda miegħek, Fl-imgħoddi qegħedtlek il-kerubini qishom qaddejja tiegħek biex iħarsuk; issa nagħmel li l-kerubini, b’mod li jixraq lil Alla, jagħtuk il-qima tagħhom.’
‘Jien ħejjejtlek it-tron tal-kerubini; dawk li se jwassluk hemm huma lesti u qegħdin jistennewk: bnejtlek il-post fejn se toqgħod; għandek l-ikel imħejji; it-tinda tiegħek ta’ dejjem mgħammra u mżejna; it-teżori ta’ kull ġid huma miftuħa għalik; is-saltna tas-sema tħejjietlek sa minn dejjem.’
Omelija li għadha ġdida
Il-messaġġ ta’ din l-omelija hu ċarissmu għalija u għalik ħija u oħti. Meta f’ħajjitna kollox jidher bla ħajja jekk niggranfaw ma’ Kristu u ngħidulu: “Ġesù jiena nafda fik”, ħa noqgħodu attenti għal dak li jgħidilna f’qalbna u li jseħħ madwarna u tan-nies li magħhom ilaqqagħna nibdew naraw il-fidwa sseħħ quddiem għajnejna. Fis-skiet il-Mulej Ġesù kapaċi jġib revoluzzjoni sħiħa. U din l-aktar li jagħmilha meta, ta’ Alla li hu, jfettillu jbiddel lil qalbi u lil qalbek. Għax ma jimpurtahx x’jirraportaw tal-midja, tal-gazzetti, tat-televiżjoni u tan-“newsportals”. Ma jimxix mal-opinjoni pubblika. Jimxi biss mal-fatt li int u jien aħna ĦUTU. Għalina kien lest jitbiċċer u jinqatel u wara jqum mill-imwiet. Mhux biss imma għadu sallum jiġi fuq l-altari tagħna fl-ispeċi tal-ħobż u l-inbid għax lest li jagħmel kollox biex jifdina. Ħadd mhu sidu għax kulħadd, min jemmen u min le, jiddependi minnu.
Jekk tħossok mgħaffeġ fit-tbatija mill-aktar ħarxa tal-ħażen, bħalma ġieli nħossni jien stess, qiegħed jgħidlek, bħalma qed jgħid lili: “Qum, nitilqu minn hawn.”Nitilqu mill-qabar tad-dnub u l-ħażen. Hemm mhux aktar postna. Jixirqilna ferm aħjar mhux għax tajbin imma għax hu Alla Missierna, hu l-“King”, is-Sultan, it-Tajjeb, il-Ħanin. Ulied dan int u jien!
Nissuġġerilek li llum tagħmel qrara sabiħa għand is-saċerdot ħalli Kristu nnifsu jpoġġik f’postok, jiġifieri fuq it-tron tas-sema, tal-maħfra u tal-hena dejjiemi.
U dan kollu x’issejjaħlu għażiż ħija u għażiża oħti jekk mhux … IL-QAWMIEN?
Patri Mario Attard OFM Cap
fadal ftit għall-Għid il-Kbir! niġbruha għal x’ħin jiġi żmienha
Hadd gost naqra
Fiha hafna tghalim u kuragg. Grazzi Fr. Mario