Ġwanni Pawlu II fil-Ġublew tal-Familji

ĠUBLEW TAL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 25 ta’ Marzu 1984

(Insellem lill-fidili preżenti fil-pjazza qabel il-Quddiesa)

“Agħtini nixrob” (Ġw 4, 7).

B’tali talba Ġesù ta’ Nażżaret idur fuq il-mara Sammaritana ħdejn il-bir ta’ Ġakobb. Ġesù għajjien bil-mixi u bit-tagħlim, jitlob ftit ilma.

Din it-talba tassoċja ruħha, fil-liturġija ta’ dan il-Ħadd, ml-insistenza ta’ wlied Iżrael  tul il-mixja lejn l-art imwegħda. Dan seħħ fid-deżert, f’Refidim. L-insistenza tal-poplu bil-għatx hija stinata, anzi agressiva: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol bil-għatx lilna, ‘l uliedna u ‘l bhejjem tagħna?” (Es 17, 3).

Mosè allura interċeda ma’ Alla u, waqt li segwa l-indikazzjoni tiegħu, ġiegħel l-ilma tal-ħajja joħroġ mill-blata. Din il-ġrajja hija s-sinjal tal-qawwa ta’ Alla u tal-providenza tiegħu lejn il-poplu magħżul.

Fil-lokalità ta’ Sikar, Kristu jitlob lis-Sammaritana l-ilma tal-bir ta’ Ġakobb u, fl-istess ħin, jiżvelalha l-misteru tal-ilma ħaj, li l-bniedem ma jiksibx mill-bir, imma jirċievi bħala don mingħand Alla nnifsu.

“Li kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qed jgħidlek: “Agħtini nixrob!”, kieku int kont titolbu u hu kien jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4, 10).

Xinhu l-ima ħaj?L-ilma tal-ħajja?

Ġesù iwieġeb: “L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Hekk mela: “min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, ma jaqbdu għatx qatt” (cf. Ġw 4, 14).

Mela, minn banda: l-ilma bħala element tal-art, li jtaffi l-għatx immedjat tal-ġisem u jsostni l-ħajja temporali.

Mill-banda l-oħra: l-ilma bħala simbolu tal-grazzja divina, li jagħti l-ħajja eterna.

Fiċ-ċentru tal-liturġija tat-tielet Ħadd tar-Randan insibu l-verità dwar il-grazzja.

2. Għeżież miżżewġin, u għeżież familji nsara; u intom ilkoll għeżież ħuti li tiffurmaw din il-laqgħa liturġika numeruża, nixtieq illum nistedinkom għall-Fonti tal-ilma ħaj, li huwa Ġesù Kristu, ir-redentur tad-dinja; Ġesù Kristu, l-għarus divin tal-Knisja, l-għarusa tiegħu fuq l-art.

L-allejanza tal-imħabba sponsali, li fiha jieħdu sehem il-miżżewġinj insara, hija miktuba b’mod profond fil-misteru tar-Redenzjoni.

Din hija“Misteru kbir” fi Kristu u fil-Knisja.

Illum, bħala l-Isqof ta’ Ruma, nixtieq nistieden b’mod partikolari lill-koppji tal-miżżewġin u lill-familji hawn preżenti u, permezz tagħhom, lill-miżżewġin kollha u lill-familji kollha fil-Knisja u fid-dinja

– biex jimmeditaw, fid-dawl tal-misteru tar-Redenzjoni, dwar id-dinjità u l-kobor tal-vokazzjoni ta’ miżżewġin u ta’ ġenituri,

– u biex iġeddu, f’dan il-misteru divin, il-grazzja tas-sagrament taż-Żwieġ.

Iridu jiftħu beraħ qlubhom biex ibaxxu rashom fuq is-sors tal-ilma ħaj, li jgelgel għall-ħajja eterna!

Iż-żwieġ huwa sagrament kbir, li sa ċertu punt jikkonsagra lir-raġel u lill-mara bħala dispensaturi tal-imħabba reċiproka, u bħala kollaboraturi tal-Ħallieq fl-opra tat-trażmissjoni tal-ħajja umana  .

Fiċ-ċentru tal-allejanza sagramentali tal-miżżewġin, grazzi għall-qawwa feddejja ta’ Kristu, igelgel is-sors ta’ ilma ħaj, hekk kif darba gelgel mill-blata tad-deżert. Dan l-ilma igelgel għall-ħajja eterna.

3. Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tfakkarna li fuq il-postijiet li fihom Mosè ħareġ l-ilma mill-blat, ulied Iżrael kienu ħaduha kontra Alla u “kienu ġarrbu lill-Mulej” meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?” (Es 17, 7). Dawn il-postijiet issemmew “Massa u Meriba” (Es 17, 7).

Insibu l-eku ta’ din il-kontroversja u ta’ din il-protesta fis-salm responsorjali tal-liturġija tallum:

Isimgħu llum leħnu: la twebbsux qalbkom, / bħal f’Meriba, bħal dakinhar f’Massa fid-deżert, / meta ġarrbuni u ttentawni missirijietkom: / għalkemm raw dak li jien għamilt” (Sal 95, 8-9).

Fl-epoka kontemporanja, il-ħajja tas-soċjetà (forsi fil-pajjiżi għonja u żviluppati) hija mimlija b’episodji u bi ġrajjiet, li jixhdu l-oppożizzjoni lil Alla, għall-pjanijiet tiegħu ta’ mħabba u ta’ qdusija, għall-kmandamenti tiegħu, għal dak li jikkonċerna l-isfera taż-żwieġ u tal-familja.

Jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Id-dinjità ta’ din l-istituzzjoni ma tibbrillax kullimkien b’ċarezza identika, għaliex hija mdallma mill-poligamija, mill-pjaga tad-divorzju, mill-hekk imsejħa mħabba libera u minn deformazzjonijiet oħra; l-imħabba konjugali hija spiss ipprofanata mill-egoiżmu, mill-idoniżmu u mill-prattiċi illeċiti kontra l-ġenerazzjoni” (Gaudium et Spes, 47).

U l-eżortazzjoni «Familiaris Consortio», ippubblikata fl-1981 bħala frott tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq it-tema taż-żwieġ u tal-familja fil-missjoni tal-Knisja kontemporanja, wara l-preżentazzjoni tal-aspetti pożittivi tas-sitwazzjoni, li fiha tinsab il-familja fid-dinja tallum, tinnumera s-sinjali ta’ degradazzjoni preokkupanti ta’ diversi valuri fundamentali:“dehra tejoretika u prattika żbaljata tal-indipendenza tal-miżżewġin bejniethom; l-ambigwitajiet gravi dwar ir-rapport ta’ awtorità bejn il-ġenituri u l-ulied; id-diffikultajiet konkreti, li l-familja spiss tisperimenta fit-trażmissjoni tal-valuri; in-numru dejjem jikber ta’ divorzji; il-pjaga tal-abort; l-użu dejjem iktar frekwenti tal-isterilizzazzjoni; l-introduzzjoni ta’ mentalità kontraċettiva vera u propja” (Ioannis Pauli PP. II, Familiaris Consortio, n. 6).

Hekk mela wieħed jistà jgħid, li permezz taċ-ċiviltà kontemporanja tgħaddi mewġa wiesgħa ta’ dan in-nuqqas ta’ ftehim mal-Ħallieq innifsu u ma’ Kristu r-Redentur: l-iddubitar tal-għaqda u tal-indissolubilità taż-żwieġ, il-konflitt dwar il-qdusija u dwar l-invjolabilità tal-ħajja umana, il-kontroversja dwar l-essenza stess tal-libertà, tad-dinjità u tal-imħabba tal-bniedem.

U nistgħu ngħidu wkoll li l-umanità kontemporanja, kif darba waħda ulied Iżrael f’Massa u Meriba, “ittentaw” lil Alla u “ttestjawh” f’dan il-kamp fundamentali, ukoll jekk – iktar minn f’epoki oħra – naraw l-opri ta’ Alla”.

“L-umanità mela tintanta lill-Mulej” (cf. Es 17, 7), u bil-mod tal-aġir tal-persuni ndividwali, taż-żwiġijiet imfarrka, tal-familji meqruda, tat-trabi mċaħħda mill-ħajja qabel ma jitwieldu u, fl-aħħarnett, bil-leħen tal-leġislazzjoni permissiva u tad-drawwa, donnha timponi l-mistoqsija: “Il-Mulej huwa magħna jew mhux?”.

“Isimgħu illum leħen il-Mulej: u la twabbsux qalbkom, bħal f’Meriba!”.

Ejjew nisimgħu dam il-leħen li jgħaddi permezz tas-salib ta’ Kristu u l-passjoni tiegħu. Dan il-leħen ma jiġġudikax il-bnedmin diżappuntati u mdejqa, imma biss isejjaħ b’ismu dak li huwa ħażin.

4. Kristu jitlob lis-Sammaritana l-ilma tal-bir ta’ Ġakobb, u mbagħad, waqt li jkellimha dwar l-ilma tal-ħajja, l-istess mara twieġbu: “Agħtini minn dan l-ilma” (Ġw 4, 15).

U alluora – kemm b’mod espressiv – jibda d-djalogu segwenti:

Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa ejja hawn” (Ġw 4,16).

Sammaritana: “M’għandix żewġi”(Ġw 4,17).

Ġesù: “Sewwa għidt “M’għandix żewġi”; infatti int iżżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek: Sewwa weġibt”(Ġw 4,17-18).

Sammaritana: “Int Profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla huwa f’Ġerusalem”(Ġw 4,19-20).

Ġesù: “Emminni mara . . . imma tiġi siegħa, anzi hija issa, meta dawk li tassew jaduraw  jibdew jaduraw lil Missier fl-ispirtu u l-verità: għax il-Missier ukoll ifittex tali adoraturi. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fli spirtu u l-verità” (Ġw 4, 21. 23-24).

Ġesù jitkellem mas-Sammaritana: ma’ mara ddivorzjata ħafna drabi, ma’ mara adultera. Imma b’mod indirett jitkellem ukoll ma’ kull wieħed minn dawk il-bnedmin, li, minkejja dak li “fil-bidu” kien stabbilit minn Alla, ħadu bħala marthom, ukoll jekk din kienet diġa l-mara ta’ ieħor.

Ġesù fid-dlalogu ma’ din il-mara – li jistà jkun li kien sarilha tort – huwa mimli mħabba u fehim. Madankollu, jilħaq il-verità nfisha. Imiss l-istess kuxjenza. Il-kuxjenza hija l-leħen tal-verità. Ġesù jiggwida lis-Sammaritana għall-verità dwar dik l-imħabba, li għandha tgħaqqad lir-raġel u lill-mara fiż-żwieġ.

L-enċiklika Humanae Vitae (cf. Pauli VI, Humanae Vitae, n. 9) tiddikjara li din l-imħabba, jiġifieri l-imħabba konjugali, hija qabel kollox imħabba pjenament umana, jiġifieri sensibbli u spiritwali; mhux sempliċement transport ta’ stint u ta’ sentiment, imma wkoll u prinċipalment att tar-rieda libera. Hija mbagħad imħabba totali, jiġifieri forma speċjali ta’ ħbiberija personali, li fiha l-miżżewġin b’mod ġeneruż jaqsmu kull ħaġa, bla riservi żlejali u kalkoli egoistiċi. Din hija wkoll imħabba fidila u esklussiva sal-mewt; fedeltà li kultant tistà ssir diffiċli, imma li tkun dejjem possibbli u dejjem nobbli u meritorja, ħadd ma jistà jinnegah. Hija fl-aħħarnett imħabba fertili, li ma teżawrixxix ruħha kollha fil-komunjoni bejn il-miżżewġin, imma hija ddestinata  li tkompli,  billi toħloq ħajjiet ġodda. Din hija l-verità dwar l-imħabba matrimonjali, espressa għal żmienna mill-maġisteru.

U Ġesù igħid li biss fil-verità l-bniedem huwa veru adoratur ta’ Alla. Fil-verità tal-imħabba matrimonjali biss itr-raġel u l-mara miżżewġin jaduraw lil Alla “fi spirtu u verità”.

Għeżież ħuti! Ejjew nittrasferixxu din l-konversazzjoni ta’ Kristu mas-Sammaritana fid-dimensjoni ta’ żminijietna. Ejjew inqegħduha fiċ-ċentru tal-assembleja ewkaristika tagħna!

Xi jfisser: iġġedded il-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ? Ifisser:  issib mill-ġdid il-verità dwar l-imħabba tal-miżżewġin u tal-ġenituri, li għandha l-bidu tagħha f’Alla ħallieq u s-siġill matrimonjali definittiv fir-Redentur tad-dinja. Ifisser: nilqgġu din il-verità; naċċettawha bil-qalb u bil-kuxjenza; nagħmlu minnha l-kejl tal-ħajja!

Għeżież miżżewġin, liema qawwa għandha din il-verità f’ħajjitkom? Fil-jum taż-żwieġ intom b’mod reċiproku wegħdtu mħabba vera u totali, mingħajr limitazzjonijiet linqas restrizzjonijiet. Tridu llum terġgħu l-verità, il-purezza ta’ dik l-imħabba? Tistgħu, jekk tkunu tafu ssibu mill-ġdid il-grazzja li Alla dejjem joffrilkom fis-sagrament. U din il-grazzja terġgħu ssibuha jum wara jum, jekk tkunu tafu titolbu bil-fidi. Itolbu flimkien fl-intimità tal-familja, hawn hi l-kunsinna li l-Papa jħallilkom f’din il-laqgħa ġubilari. Grazzi għat talb regolari u żelanti intom qatt ma titilfu il-verità fuq imħabbitkom.

Il-Knisja tgħallem din il-verità minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. Tgħallimha fl-epoka tagħna bil- «Casti Connubii», bil-«Gaudium et spes», bl-«Humanae Vitae», bil-«Familiaris Consortio».

Din hija verità esiġenti, bħalma hu esiġenti l-Vanġelu kollu, Madankollu, dak li hija tesiġi, iservi għall-ġid tal-bniedem, għall-ġid tal-bniedem mifhum awtentikament. Isservi d-dinjità tiegħu. Isservi l-imħabba. Isservi l-glorja ta’ Alla: għaliex il-glorja ta’ Alla hija li l-bniedem jgħix bil-verità u bl-imħabba.

5. “L-imħabba ta’ Alla kienet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu  li kien mogħti lilna” (Rm 5, 5).

Dwar dan ikellimna l-misteru tar-redenzjoni.

Dwar dan tkellimna s-Sena ġubilari tar-Redenzjoni: “Alla wriena l-imħabba tiegħu għaliex . . . Kristu miet għalina” (Rm 5, 8).

Ejjew nippellegrinaw lejn din l-imħabba bħallikieku lejn in-nixxiegħa tal-ilma ħaj. Ninsabu flimkien hawn miġbura, ħdejn il-qabar ta’ San Pietru: irġiel u nisa miżżewġin, familji, aħna lkoll li nixtiequ naduraw lill-Missier fi spirtu u verità.

Ilkoll nixtiequ nirbħu t-tentazzjoni, li biha “tittenta” d-dinja tallum lill-Ħallieq u lir-Redentur “tittentah” billi tgħidlu: “Il-Mulej huwa magħna jew le?” Aħna s-sagrament tiegħu f’Ġesù Kristu? Jew inkella l-unika dimensjoni u s-sens ta’ ħajjitna huma it-temporanjetà, il-“mondanità” u l-libertà bla kontroll tal-“bniedem” senswali?

Irridu nirbħu din it-tentazzjoni. Minn jum għal jum, minn sena għal sena, tul ħajjitna kollha. Nixtiequ nirbħuha bil-qawwa ta’ Kristu: għall-imħabba li biha huwa ħabbna! Nixtiequ – għalih, bih u fih – naduraw lill-Missier fi spirtu u verità.

Limħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu li “ingħatalna” fis Sagrament tal-Knisja.

Ejjew nitolbu flimkien għar-rebħa ta’ din l-imħabba f’kull wieħed u waħda minna: f’kull koppja ta’ miżżewġin, f’kull familja.

Minn din ir-rebħa jiddependi il-futur tal-familja umana kollha. Il-Knisja bla taqtà titlob, li nitolbu kif għamilna waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1980 li kien jikkonċerna d-dmirijiet tal-familja nisranija fid-dinja tallum:

“Alla, li minnu tiġi kull paternità fis-sema u fl-art, / Missier li int imħabba u ħajja, / agħmel li kull familja umana fl-art issir, / permezz ta’ ibnek, Ġesù Kristu, “imwieled minn mara”, / u permezz tal-Ispirtu Santu, sors ta’ karità divina, / santwarju tassew tal-ħajja u tal-imħabba / għall-ġenerazzjonijiet li dejjem jiġġeddu. / Agħmel li l-grazzja tiegħek tiggwida l-ħsibijiet u l-opri tal-miżżewġin / lejn il-ġid tal-familji tagħhom / u tal-familji kollha tad-dinja. / Agħmel li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ isibu fil-familja sosten qawwi / għall-umanità tagħhom u għat-tkabbir fil-verità u fl-imħabba. / Agħmel li l-imħabba, imsaħħa mill-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, / turi ruħha iktar qawwija minn kull dgħufija u minn kull kriżi, / li minnhom kultant, jgħaddu l-familji tagħna. / Fl-aħħarnett,  nitolbuk bl-interċessjoni tal-familja mqaddsa ta’ Nażżaret, / li l-Knisja f’nofs in-nazzjonijiet kollha tad-dinja / tkun tistà twettaq b’mod fruttuż il-missjoni tagħha / fil-familja u permezz tal-familja. / F’ġieħ Kristu Sidna. / li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja / għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Il-Papa jafda lill-Madonna lill- familji u n-nazzjonijiet

 Il-familja hija l-qalb tal-Knisja. Jitla llum minn din il-qalb att partikolari ta’ affidament lill-qalb tal-Ġenitriċi ta’ Alla.

Fis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni irridu nistqarru li l-imħabba hija ikbar mid-dnub u minn kull ħażen, li jhedded lill-bniedem u lid-dinja.

B’umiltà  insejħu din l-imħabba:

1. “Taħt il-protezzjoni tiegħek infittxu kenn, Qaddisa Omm Alla”!

Waqt li nippronunzjaw il-kliem ta’ din l-antifona, li biha l-Knisja ta’ Kristu ilha sekli titlob, illum insibu ruħna quddiemek, Omm, fis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni tagħna  .

Ninsabu magħqudin mar-rgħajja kollha tal-Knisja, f’rabta partikolari, , waqt li nikkostitwixxu korp u kulleġġ, hekk kif bir-rieda ta’ Kristu l-appostli kienu jikkostitwixxu korp u kulleġġ ma’ Pietru.

Fir-rabta ta’ tali għaqda, nippronunzjaw il-kliem tal-att preżenti, li fih nixtiequ niġbru, mill-ġdid għal darb’oħra, it-tamiet u l-ansjetajjiet tal-Knisja għad-dinja kontemporanja.

Erbgħin sena ilu, u mbagħad ukoll għaxar snin wara, il-qaddej tiegħek, il-Papa Piju XII, waqt li kellu quddiem għajnejh l-esperjenzi dolorużi tal-familja umana, afda u kkonsagra lil Qalbek  Immakulata, id-dinja kollha u b’mod speċjali l-popli, li minħabba s-sitwazzjoni tagħhom huma oġġett partikolari ta’ mħabbtek u tat-tħassib tiegħek.

Din id-dinja tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet għandna wkoll quddiem għajnejn llum: id-dinja tat-tieni millenju li wasal biex jintemm, id-dinja kontemporanja, id-dinja tagħna!

Il-Knisja, konxja tal-kliem tal-Mulej: “Morru . . . u għallmu lin-nazzjonijiet kollha . . . Hawn jiena magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 19-20), reġgħet qanqlet, fil-Konċilju Vatikan II, il-kuxjenza tal-missjoni tagħha f’din id-dinja.

U għalhekk, o Omm il-bnedmin u l-popli, inti li taf l-tbatijiet u t-tamiet kollha tagħhom, Int li tħoss b’mod patern it-taqtigħat kollha bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlamijiet, li  li jregħdu d-dinja kontemporanja, ilqà  l-karba tagħna li, imqanqla mill-Ispirtu Santu, nindirizzaw direttament lil Qalbek: ħaddan, bi mħabba ta’ omm u ta’ qaddejja tal-Mulej, din id-dinja tagħna umana, li nafdawhielek u nikkonsagrawhielek, mimlijin inkwiet minħabba x-xorti terrena u eterna tal-bnedmin u tal-popli.

B’mod speċjali nafdawlek u nikkonsagrawlek dawk il-bnedmin u dawk in-nazzjonijiet, li ta’ dan l-affidament u ta’ din il-konsagrazzjoni għandhom bżonnhom b’mod partikolari.

“Taħt il-protezzjoni tiegħek infittxu kenn, Imqaddsa Omm Alla”! La tidisprezzax t-talb tagħna li ninsabu fil-prova!

2. Hekk hu, waqt li ninsabu quddiemek, Omm Kristu, quddiem qalbek immakulata, nixtiequ, flimkien mal-Knisja kollha, ningħaqdu mal-konsagrazzjoni li, għal imħabbitna, Ibnek għamel l-istess mal-Missier: “Għalihom – huwa qal – jiena nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin  permezz tal-verità” (Ġw 17, 19). Irridu ningħaqdu mar-Redentur tagħna f’din il-konsagrazzjoni għad-dinja u għall-bnedmin, li, f’qalbu divina, għandu l-qawwa li jikseb il-maħfra u li jassikura r-riparazzjoni.

Il-qawwa ta’ din il-konsagrazzjoni iddum għaż-żminijiet kollha u tħaddan lill-bnedmin, lill-popli u lin-nazzjonijiet kollha, u tissupera kull ħażen, li l-ispirtu tad-dlamijiet huwa kapaċi li jerġà jqajjem f’qalb il-bniedem u fl-istorja tiegħu u li, fil-fatt, reġà qajjem fi żminijietna.

Oh, kemm b’mod profond iħossu l-bżonn ta’ konsagrazzjoni għall-umanità u għad-dinja: għad-dinja kontemporanja tagħna, f’għaqda ma’ Kristu stess! L-opra redentriċi ta’ Kristu, infatti, għandha tkun ipparteċipata mid-dinja permezz tal-Knisja.

Dan turih is-Sena tar-Redenzjoni preżenti: il-Ġublew straordinarju tal-Knisja kollha.

Tkun imbierka, f’din is-Sena Mqaddsa, fuq kull krejatura Int, qaddejja tal-Mulej, li b’mod l-iktar sħiħ obdejt għas-sejħa divina!

Tkun imsellma int, li int għal kollox magħquda mal konsagrazzjoni redentriċi ta’ Ibnek!

Omm il-Knisja! Illumina l-poplu ta’ Alla dwar it-toroq tal-fidi, tat-tama u tal-karità! Illumina b’mod speċjali l-popli li tagħhom int tistenna l-konsagrazzjoni tagħna u l-affidament tagħna. Għinna ngħixu fil-verità tal-konsagrazzjoni ta’ Kristu għall-familja umana kollha tad-dinja kontemporanja  .

3. Waqt li nafdaw lilek, o Omm, id-dinja, il-bnedmin kollha u l-popli kollha, nafdawlek ukoll l-istess konsagrazzjoni tad-dinja, billi nqegħduha f’qalbek materna.

Oh, qalb immakulata! Għinna biex nirbħu t-theddida tal-ħażen, li hekk faċilment jixħet għeruqu fil-qlub tal-bnedmin tallum u li fl-effetti li ma jitkejlux diġa jingombra l-ħajja preżenti u donnu jagħlaq it-toroq lejn il-ġejjieni!

Mill-ġuħ u mill-gwerra, eħlisna!

Mill-gwerra nuklejari, minn awtodistruzzjoni inkalkulabbli, minn kull ġeneru ta’ gwerra, eħlisna!

Mid-dnubiet kontra l-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu tiegħu, eħlisna!

Mill-mibegħda u mill-avvilimento tad-dinjità ta’ wlied Alla, eħlisna!

Minn kull ġeneru ta’ inġustizzja fil-ħajja soċjali, nazzjonali u internazzjonali, eħlisna!

Mill- faċilità li nikkalpistaw l-kmandamenti ta’ Alla, eħlisna!

Mit-tentattiv li nċajpru fil-qlub umani l-verità stess ta’ Alla, eħlisna!

Mit-telfien tal-kuxjenza tal-tajjeb u tal-ħażin, eħlisna!

Mid-dnubiet kontra l-Ispirtu Santu, eħlisnaeħlisna!

Ilqà, o Omm Kristu, din il-karba mimlija tbatija tal-bnedmin kollha! Mimlija bit-tbatija tas-soċjetà kollha!

Għinna bil-qawwa tal-Ispirtu Santu biex nirbħu kull dnub: id-dnub tal-bniedem u d-“dnub tad-dinja”, id-dnub f’kull manifestazzjoni tiegħu.

Irrivela, mill-ġdid għal darb’oħra, fl-istorja tad-dinja l-qawwa nfinita feddejja tar-Redenzjoni: qawwa tal- Imħabba ħanina! Jalla din twaqqaf il-ħażin! Ibdel il-kuxjenzi! F’Qalbek Immakulata tiżvela għal  kulħadd id-dawl tat-Tama!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading