IS-SITT ĦADD MATUL IS-SENA Ċ

ĠESU’ JIXTIEQNA NKUNU HENJIN U DAN MINKEJJA T-TIĠRIB TAL-ĦAJJA

Minn Fr Michael A. Galea.

Ħa nibda l-omelija tal-lum billi nirrakkuntalkom fil-qosor il-ħajja tal-Beata Benedetta Bianchi Porro, waħda mill-qaddisin ta’ żmienna. Benedetta twiedet fil-5 t’Awwissu tal-1936 ġo belt żgħira fil-provinċja ta’ Forli’ l-Italja, allura ftit qabel it-tieni gwerra dinjija.

Fil-familja tagħha kienet issaltan imħabba ġenwina. Kellha privileġġ li kienet tgħix fil-kampanja. Il-ħolqien kien jaffaxxinaha. Ta’ eta’ żgħira mardet bil-polio u sħabha kienu jsejħulha “iz-zoppa”, pero’ hi ma kinetx tieħu għaliha. Dejjem aċċettat il-kondizzjoni tagħha u qatt ma kont tismagħha tgerger. Ta’ tlettax-il sena bdiet tinduna li fl-organiżmu tagħha kien hemm xi ħaġa li ma kinetx sejra tajjeb imma f’qalbha ħasset li Alla kien qed jippreparaha għal xi ħaġa kbira. Irnexxielha tidħol l-universita’ u għażlet il-kors tal-mediċina. Kienet intelliġenti ħafna u bl-istudji li kienet qegħda tagħmel, hi stess indunat lill-marda li bil-mod il-mod kellha ttemilha ħajjitha. Marret Lourdes, il-belt tal-Madonna, biex kif qalet hi stess: “Nagħraf x’jixtieq minni l-Mulej.”

Ġewwa Lourdes kien hemm ħafna morda. Ma’ ġenbha, kien hemm waħda tfajla fuq wheelchair titlob u tibki. Benedetta għanqitha magħha, bdiet titlob hija wkoll u dak li deher impossibbli seħħ: it-tfajla qamet minn fuq il-weelchair u bdiet timxi. S’issa, il-Knisja approvat wieħed u sebgħin miraklu li saru bl-interċessjoni tal-Madonna ġewwa Lourdes. Dan kien wieħed minnhom. Benedetta bdiet titlef id-dawl t’għajnejha, is-smiegħ, il-vuċi u l-użu ta’saqajha. Ħafna kienu jmorru għandha biex jagħmlulha kuraġġ, pero’ bil-kontra, hi kienet li tfarraġhom għax kienu jarawha serena u marbuta mar-rieda t’Alla. Mietet fit-23 ta’ Jannar tal-1964. Fl-14 ta’ Settembru 2019, Papa Franġisku iddikjaraha beata.

Nistgħu ngħidu li Benedetta kienet hiena minkejja t-tiġrib li kellha tgħaddi minnu. Dan huwa s-suġġett tal-liturġija tal-lum u niġi mill-ewwel għall-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom. L-evanġelista San Mark ipoġġi fuq fomm Ġesu’ erba’ proposti li jekk ngħixuhom nistgħu inkunu tassew hienja. Ġesu’ isemmi l-faqar, isemmi l-ġuħ, isemmi l-biki u jsemmi l-persekuzzjoni li jkollna nbatu minħabba fih, mela erba’ barkiet jew biex inkun iktar eżatt, erba’ beatitudnijiet. Il-kelma “beatitudni” ġejja mill-kelma Latina “beatus” li tfisser ferħan, imbierek jew fortunat. Ħa nagħmel żewġ riflessjonijiet.

L-ewwel riflessjoni. Alla jixtieqna nkunu ferħanin issa u għal dejjem: dan meta bħala pellegrini tat-tama jew turisti fuq l-art inħallu din id-dinja biex naslu għandu fis-sema pajjiżna. Għalhekk ħalaqna Alla. Għalhekk bagħat lil Ibnu fid-dinja li fdiena u salvana biċ-ċarċir ta’ demmu. Naturalment, dan il-ferħ li fuqu qegħdin nitkellmu mhux ferħ irħis: irridu nħallsu prezz għoli għalieh. Biex intikom eżempju wieħed…Xi snin ilu, il-prima ballerina ta’ Pariġi, Mireille Negre, ħalliet il-ħajja tat-teatru u daħlet soru. Qalet hekk din il-prima ballerina: “Meta ħallejt il-ħajja tat-teatru, il-flus, iċ-ċapċip tan-nies biex nidħol ma’ dawn is-sorijiet tal-klawsura, ħafna ħasbuni miġnuna. Pero’ illum nista’ nurihom li kelli raġun. Ninsab kuntenta ħafna għax imlejt qalbi b’Ġesu’ li kapaċi jagħti lil kulħadd il-ferħ veru.”

Imma forsi tgħiduli u tistaqsuni: “Biex inkunu ferħanin irridu nagħmlu bħal din il-prima ballerin? Għax biex ngħixu, aħna għandna bżonn naħdmu u jkollna l-flus f’idejna. Għandna bżonn saqaf fuq rasna u dar deċenti li fiha ngħammru aħna u jgħammru wliedna. Biex il- soru. Qalet hekk din il-prima ballerina: “Meta ħallejt il-ħajja tat-teatru, il-flus, iċ-ċapċip tan-nies biex nidħol ma’dawn is-sorijiet tal-klawsura, ħafna ħasbuni miġnuna. Pero’ illum nista’ nurihom li kelli raġun. Ninsab kuntenta ħafna, għax imlejt ħajja li qegħdin ngħixu tkun pjaċevoli trid tkun imżewqa wkoll b’mumenti ta’ pjaċir u ta’ divertiment. Biex ngħixu trankwillament u bla tfixkil il-ħajja ta’ nsara li aħna ma nixtequx min ifixkilna u jżeblaħna. Hekk hu. Wieħed kittieb Ingliż jgħid hekk: “Ebda dixxiplu ta’ Ġesu’ m’għandu jkun imċaħħad mill-ferħ leġittimu tal-ħajja, imma kull nisrani għandu jkun ippreparat li jaċċetta b’rassenjazzjoni l-uġiegħ u niket tal-ħajja wkoll.”

It-tieni riflessjoni. Ninsabu fil-ġublew tat-tama  u xi frażijiet minn dak li qrajna llum jitkellmu propju fuq it-tama li għandu jkollna fil-Mulej. Hekk pereżempju fl-ewwel lezzjoni, meħuda mill-Ktieb tal Profeta Ġeremija, insibu dan li ġej: “Imbierek jew (hieni) il-bniedem li jittama fil-Mulej u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.” Ġeremija jġib l-eżempju ta’ siġra mħawla ħdejn l-ilma u li għandha egħruqha jxenxlu lejn il-wied. Siġra bħal din ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx u ma tehdiex tagħmel il-frott. Jekk naħsbu ftit fuq din it-tixbiha, għandna nkunu grati lejn Alla għall-ħwejjeġ sbieħ li silifna, nitolbuh jgħinna nużawhom tajjeb u nitolbuh ukoll biex inkunu lesti li naqsmuhom ma’ l-proxxmu tagħna jekk naraw li hu fil-bżonn. Inkunu henjin dment li għadna fuq din l-art u iktar u iktar meta ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem.

Qisu biex tinsisti fuq it-tama, il-Knisja talbet minna li fir-ritornell tas-salm responsorjali, nirrepetu din is-sentenza: “Hieni l-bniedem li qiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.” Nispiċċa b’dak li kienet tgħid il-qaddisa Madre Tereża lis-sorijiet tagħha. “Kunu dejjem ferħanin f’dak li tagħmlu. Jekk tkunu mdejqin ma tistgħu qatt titkellmu fuq Alla, għax Alla huwa dejjem ferħan.”    

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading