Bħal għada tletin sena ilu (16)

Qabel inħalli dan il-post qaddis ta’ Lourdes nixtieq nagħti titwila lejn xi aspetti li baqgħu f’moħħi avolja issa għaddew tletin sena.

Nixtieq mill-ewwel nibda’ mill-bażiliċi. L-ewwel waħda li tiġini f’moħħi u f’qalbi hi dik iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, jew kif isibuha aħjar bħala l-Bażilika ta’ Fuq. Din il-bażilika ġiet ikkonsagrata fl-1876. L-arkitetttura tagħha timpressjona għall-aħħar. Dan il-bini daqshekk dettaljat u fuq l-istill arikettoniku Gotiku, hu xogħol tal-arkitett Hyppolyte Durand. Il-mod ta’ kif din il-bażilika hi mibnija tagħtik l-impressjoni li donnha ħierġa direttament mill-blat ta’ Massabielle. Ma ninsewx li din il-bażilika tiġi eżattament fuq il-grotta. Ħitanha huma irrigati bil-wegħdiet ex voto u kif ukoll bnadar ta’ Pellegrinaġġi Nazzjonali uffiċjali tal-imgħoddi. Barra minhekk, din il-bażilika fiha sensiela ta’ twieqi ta’ l-istained-glass li juru ġrajjiet diversi fl-istorja ta’ Lourdes.  

It-twieqi fuq in-naħa ta’ fuq (li ngħidulhom clerestory) juru lil Marija bħala t-Tieni Eva. In-naħa ta’ barra hu dominat minn spire ta’ 70 metru filwaqt li żewġ spires oħra ġew mitmuma aktar tard fl-1908. Fuq l-entratura tinstab biċċa mużajk li turi lill-Beatu Papa Piju IX, jiġifieri lill-Papa li kien hu li iddefinixxa d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1854. Tajjeb ngħidu wkoll li l-bażilika tħaddan fiha kripta, li kienet l-ewwel knisja li kienet mitmuma f’dan is-santwarju fl-1866. Il-bini beda minn Abbé Peyramale u l-isqof Lawrenz. Missier Bernardette ħadem fuq il-bini tagħha u kien preżenti wkoll għall-ftuħ uffiċċjali tagħha, jiġifieri nhar Ħadd Pentekoste tas-sena 1866. In-nava hi ċkejkna u hi fattur li wieħed jinnota bħalma huma l-kolonni enormi li jsaħħu l-piż tal-Bażilika ta’ Fuq, li ġiet mibnija fuqha. Wieħed jidħol għall-kripta tul kuritur, li d-daħla tiegħu hi dominata minn statwa kbira tal-bronz ta’ San Pietru, li qiegħed iżomm l-Imfietaħ tas-Saltna tas-Sema. Fuq in-naħa l-oħra wieħed jara l-istatwa tal-Papa San Piju X. Il-ħitan tal-kuritur u tan-nava huma irrigati bi plakki żgħar tal-irħam, li jsejħulhom ex voto. Dawn ġew mogħtija bħala ringrazzjament għall-favuri spiritwali li ġew li nqalgħu.

Il-Bażilika t’Isfel hi magħrufa bħala l-Bażilika tar-Rużarju. Ix-xogħol fuq din il-Bażilika tlesta fl-1899. Din il-bażilika ġiet iddiżinjata mill-perit Leopold Hardy. Kienet ikkonsagrata fl-1901 u tesa mal-1,500 persuna. L-istill arkitettoniku tagħha hu influwenzat mill-arkitettura Biżantina. In-nava hi miftuħa, ċirkulari u twassal għall-koppla. Fuq in-naħa ta’ barra tal-koppla hemm kuruna imnaqqxa b’salib. Dan kien rigal mill-poplu Irlandiż fl-1924. In-naħa ta’ barra tal-faċċata kienet mibdula fl-2007. Fiha tinkludi rappreżentazzjoni tal-misteri tad-dawl, li ma kienux parti mill-misteri tradizzjonali imma verżjoni estiża tagħhom mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fis-sena 2002.

F’Lourdes hemm ukoll il-Bażilika ta’ Taħt l-Art. Din il-Bażilika hi iddedikata lil Papa San Piju X. Hi l-akbar u l-aktar waħda kontroversjali mill-knejjes kollha tas-santwarju ta’ Lourdes. Kienet iddiżinjata mill-perit Pierre Vago u x-xogħol fuqha intemm fl-1958, eżattament ftit qabel ġmiegħi kbar ta’ nies kienu mistennija li jżuru Lourdes minħabba ċ-ċentinarju tad-dehriet. Din il-binja moderna tal-konkrit tinstab kważi taħt l-art. Fil-fatt, parti mill-binja tinstab proprju taħt il-Boulevard Père Rémi Sempé. Meta tkun mimlija daqs bajda din il-bażilika għandha l-ħila tilqa’ fiha mal-25,000 persuna.

Ma rridx ninsa’ insemmi l-imkien fejn hemm l-għar. Dan hu l-post fejn Bernardette Soubirous kellha d-dehriet t’Ommna Marija mis-Sema. Dan il-post jismu “Il-grotta ta’ Massabielle”. Dan hu l-post l-aktar magħruf fis-santwarju. L-ilma ta’ Lourdes joħroġ minn nixxiegħa li tinstab fin-naħa ta’ ġewwa tal-għar. Riċentement, mill-2014 sal-2018, l-idwar tal-grotta ġew irranġati bil-għan li jkun jista’ jiġi iffaċilitat biex il-pellegrini jkunu jistgħu jgħaddu mid-diversi faċilitajiet madwar il-grotta. Ġiet mibnija esplanade fuq ix-xtut tax-xmara, il-vitijiet li jipprovdu l-ilma ġew immexxija lil hinn mill-grotta filwaqt li l-funtani ġodda għall-pellegrini ġew mibnija. Ta’ min jgħid ukoll li l-banjijiet ġew rinnovati filwaqt li inbena wkoll pont ġdid. Il-kappella tax-xemgħat ġiet mibnija fuq ix-xatt lemini tax-xmara biex il-pellegrini jkunu jistgħu jixgħelu x-xemgħat tagħhom.

Il-preżenza tal-Grotta ta’ Massabielle, il-vitijiet tal-ilma u l-funtani, il-banjijiet tal-ilma, il-kappella tad-dwal u t-tlett bażiliċi li għadni kemm semmejt diġà, għadhom isejħuli biex, meta l-Mulej jerġa’ jgħajjatli permezz ta’ Ommna Marija, wara tletin sena, nerġa’ naqbad dak l-imbierek ajruplan u nasal wasla sa’ Lourdes, sal-post fejn hemm Ommna Marija. Lourdes jibqa’ imnaqqax f’qalbi! B’dak kollu li fih. Inkluż bin-negozju li jsir b’riħtu! Inkluż il-ġrajja ħelwa tal-pellegrina Portugiża li ippreżentat ruħha għand il-bejjiegħ Taljan bħala Taljana. Basta jraħsilha xi ftit mill-kuruna tar-rużarju li riedet tixtri. Lourdes jibqa’ Lourdes! Ħalluni issa naqsam magħkom siltiet mill-Ittra li kitbet Santa Marija Bernarda Soubirous fejn fiha tkellmet kif is-Sinjura, Ommna Marija, kellmitha:

Darba mort f’xatt ix-xmara Gave ma’ żewġ tfajliet sħabi biex niġbru l-ħatab, u smajt bħal ħoss.  Dawwart wiċċi lejn l-oqsma, u rajt li s-siġar ma kienux jitħarrku.  Erfajt għajnejja u ħarist lejn il-għar.  U rajt Sinjura liebsa l-abjad: kienet mistura b’libsa bajda u kellha faxxa kaħla ma’ qaddha; fuq kull riġel kellha warda minn lewn id-deheb, l-istess tal-kuruna tar-rużarju li kellha.

Kif rajt dan, għorokt għajnejja, għax ħsibt li qiegħda nitqarraq.  Daħħalt idi fil-but, u sibt il-kuruna tar-rużarju tiegħi.  Ridt ukoll inrodd is-salib, iżda idi reġgħet niżlet weħidha, u ma stajtx intellagħha sa ġbini.  Imbagħad is-Sinjura stess raddet is-salib, u għalhekk, minkejja r-rogħda li kelli f’idi, jien ukoll fittixt li nagħmel bħalha, u sa fl-aħħar stajt.  Fl-istess ħin qbadt ngħid ir-rużarju, u min-naħa tagħha s-Sinjura wkoll bdiet tgħaddi ż-żibeġ tal-kuruna tagħha minn bejn subgħajha iżda bla ma ċċaqlaq xofftejha.  Kif spiċċajt ir-rużarju, minnufih id-dehra għabet.

Jien staqsejt liż-żewġ sħabi jekk rawx xi ħaġa, biex ngħidilhom.  Jiena żgurajthom li rajt Sinjura liebsa l-abjad, imma li ma kontx naf min hi; u wissejthom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan.  Imbagħad huma wkoll fetħuli għajnejja biex ma nerġax nersaq ‘il hemm, iżda ma tajthomx widen.  Għalhekk il-Ħadd ta’ wara rġajt mort, għax ħassejtni mbuttata minn ġewwa …

Fit-tielet darba li rajtha, dik is-Sinjura kellmitni, u staqsietni jekk irridx immur għandha fil-għar għal ħmistax-il ġurnata wara xulxin; jien weġibtha li iva. Qaltli wkoll li kelli mmur ngħid lill-qassisin biex jibnulha kappella hemmhekk; imbagħad riditni mmur nixrob mill-għajn.  Jien ma rajt ebda għajn, u qbadt riesqa lejn ix-xmara Gave; imma hi fissritli li mhux għax-xmara kienet qaltli, u wrietni b’sebagħha fejn kienet il-għajn.  Ersaqt, iżda ma sibtx ħlief ftit ħama, u ebda ilma ma stajt niġbor f’idi.  Irmejtu tliet darbiet, imma r-raba’ darba seħħli nixrob minnu.  Imbagħad id-dehra għabet, u jiena rġajt lura.

Mort hemm għal ħmistax-il ġurnata wara xulxin, u s-Sinjura dehritli kuljum, barra t-Tnejn u l-Ġimgħa.  Reġgħet fakkritni li kelli mmur ngħid lill-qassisin biex jibnu kappella f’dak il-post, u riditni ninħasel fil-għajn u nitlob għall-konverżjoni tal-midinbin.  Ħafna drabi staqsejtha min hi, imma hi kienet titbissimli bil-ħlewwa; fl-aħħar fetħet dirgħajha, refgħet għajnejha lejn is-sema, u qaltli li hija l-Kunċizzjoni Immakulata.

F’dawk il-ħmistax-il ġurnata hija afdatli wkoll tliet segrieti, imma rabtitni biex żgur ma ngħid lil ħadd bihom.  Il-kelma li tajtha żammejtha sħiħa sa llum.

Ħbieb, morru Lourdes! Morru ħalli s-Sinjura, Ommi u Ommok Marija, tkellimkom. Tkellmek …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading