Minn Edward Tagliaferro
Kienet għodwa ta’ Marzu, 1944, fl-iskola primarja ta’ Roanoke, Virginia. L-għalliema tal-klassi 3B kienet Miss Katy. It-tfal ta’ xi 8 snin kienu qed jistennew bil-ħerqa lil tal-posta. Efrem, li kien l-eqreb tat-tieqa, kull tant kien iħares mit-tieqa ‘il barra. Ħin minnhom qam bil-wieqfa u għajjat: “Miss, wasal il-pustier. Qed ixejjer xi ħaġa fl-ajru.” It-tfal l-oħra qamu minn posthom u ġrew lejn it-tieqa. Żgur kellu r-risposta li t-3B kienu ilhom jistennew.
Ħafna minnhom kellhom il-missier jew ħuthom jiġġieldu fil-gwerra. Kellhom seba’ mitt sena sa ma tispiċċa l-gwerra biex lill-għeżież tagħhom jerġgħu jarawhom id-dar qawwijin u sħaħ. Kienu ilhom juru x-xewqa li jagħmlu xi ħaġa biex forsi jqassru l-gwerra għal dan il- għan. Imma x’setgħu jagħmlu dawn it-tfal żgħar? Miss Katy ġietha idea. Min jaf kieku kull wieħed jikteb ittra qasira lill-Ġeneral Dwight Eisenhower u jurieh bix-xewqa tagħna. “Nista’ nimmaġina kemm ġeneral bħal dak ikun mħabbat bħalissa,” qaltilhom il-Miss. “Imma jien għandi fuduċja li jsib ftit minuti biex jirrispondi.”
Din l-idea għoġbot lil kulħadd. Malajr kulħadd qabad jikteb. L-għalliema qabdet in-noti tat-tfal u waħħlithom wara xulxin biex jiffurmaw ittra waħda. Ħadet ħsieb biex teħodha l-posta ħalli tasal malajr. Imma damu tliet xhur sakemm ħadu r-risposta. Illum is-Sur Gore, il-pustier, minn flok ħalla l-ittri fl-uffiċċju tal-kap tal-iskola, baqa’ ġej dritt fil-klassi 3B. Hu kien sema’ x’kienu għamlu t-tfal, u kien anzjuż daqshom biex jisma’ xi aħbar, għax hu wkoll kellu ibnu suldat. Il-Miss fetħet l-ittra u bdiet taqra:
Supreme Headquarters ALLIED EXPEDITIONARY FORCE. 28 ta’ Frar, 1944.
Għeżież tfal, taħsbux li ma rrispondejtkomx malajr għax ma ħadtx interess f’dak li ktibtuli. Il-fatt hu li l-ittra tagħkom damet ma waslitli għax baqgħet tiġri warajja minn post għall-ieħor sakemm sabitni. Tlabtuni ngħidilkom x’tistgħu tagħmlu. (a) Għidu l-Miss biex kull filgħodu tagħmlu il-“Pledge to the Flag.” Imbagħad tgħidu talba għas-suldati kollha li qed jiġġieldu fil-gwerra. (b) Irsistu biex issibu kemm tifilħu qadjiet għall-ġirien. Bil-flus li taqilgħu ixtru il-“war saving stamps”. (c) Ħajru l-ġenituri jixtru kemm jistgħu War Bonds u jkunu ġenerużi mar-Red Cross meta jiġu jiġbru. (d) Kull min għandu lil xi ħadd jiġi minnu suldat, iktbulu ittra għall-inqas darba fix-xahar. (e) Fl-aħħarnett, tgħallmu l-istorja tal-Istati Uniti ħalli tapprezzaw il-privileġġi u d-drittijiet li kull ċittadin kiseb matul iż-żminijiet. Ukoll, biex la tikbru tkunu lesti biex isservu art twelidkom fi żmien ta’ gwerra u fi żmien ta’ paċi. Forsi diġa’ qed tagħmlu dan li qed nissuġġerixxi. F’dak il-każ tistgħu tkunu kburin li intom qed taqdu pajjiżkom daqs kull suldat li qed jagħmel hekk bl-azzarin. Bl-isbaħ xewqat.
Dwight D. Eisenhower.
Ħadd ma tniffes sakemm is-Sur Gore qal: “Dak il-bniedem għandu qalb!” Wara ftit, tifel qam bil-wieqfa u kollu eċċitat qal: “Qalilna! Qalinna x’nistgħu nagħmlu!”
Minn dakinhar ‘il quddiem, it-tfal tat-3B xammru l-kmiem. Sejħu lilhom infushom “Commandoes b’Missjoni”. Bdew billi qraw l-ittra fil-klassijiet l-oħra kollha tal-iskola. B’hekk bdiet din il-kruċjata ta’ tfal favur it-tmiem bikri tal-gwerra.
Ħadd ma jista’ jgħid x’effett dan kollu kellu fuq il-gwerra. Li hu żgur hu li, anki jekk il-gwerra spiċċat jum wieħd biss qabel ma kien previst, dan ifisser li dawn it-tfal salvaw il-ħajja ta’ mijiet ta’ suldati miż-żewġ naħat.
“U jien x’nista’ nagħmel?” Kemm-il darba nsib ruħi f’xi sitwazzjoni li titlob l-għajnuna tiegħi. Jien x’se nagħmel? Inxammar il-kmiem, jew inġib mitt skuża – “Għax m’għandix ħin.” “U għax jien nervuż.” “Ma ninqalax.” Meta l-profeta Isaija ħassu li mhux dehen li jxandar il-Messaġġi tal-Mulej, “wieħed mis-serafini messli fommi b’ġamra u qalli: ‘Ara, issa ħżunitek għebet, u dnubek inħafirlek.” Fil-pront sema’ leħen il-Mulej jgħid, “Lil min se nibgħat, min se jmurilna?” U Isaija wieġeb, “Ibgħat lili!” (Is. 6, 6-8). Il-Mulej kuljum isejjaħ lil kull Nisrani biex ikompli jxerred t-tagħlim Tiegħu, u bhekk is-Saltna tas-Sema tkompli tilber dejjem aktar. Jien meta se nwieġeb lill-Mulej b’ġenerożita’ kbira u ngħidlu, “Ibgħat lili”?