Ħriġna mill-Kattidral ta’ Notre Dame du Paris. Kemm bqajt impressjonat bil-wirja ta’ fidi ta’ dik it-tfajla. Nistħajlek tgħidli: Iwa Patri! Kemm se iddum sejjer biha! Għandi dritt nikkummenta fuq esperjenza personali li laqtitek fil-laħam il-ħaj? Min jista’ tabilħaqq jgħid kemm kienet qawwija jekk mhux int li ġarrabtha? U hekk għandu jkun! Daqstant ieħor jien li ġarrabt din l-esperjenza. Ħadd m’għandu dritt ipeċlaq kemm kienet qawwija għalija. Għax il-qawwa tagħha jien biss nafha. Intant! …
Bdejna mexjin lejn l- Avenue des Champs-Élysées, li hu wieħed mill-aktar postijiet fejn wieħed jista’ jagħmel ix-shopping tiegħu u tagħha kemm fl-Ewropa u biex ma ngħidlekx ukoll, mad-dinja wkoll. Ħadna gost nimxu ftit f’din in-naħa lussuża tal-Belt li, f’għajnejja, xorta dehret wisq. Imbagħad, bħala grupp, dħalna nieklu f’restaurant. Niftakar sewwa li meta dħalna f’dan ir-restaurant, ħadt wieħed mill-aktar xokkijiet ta’ ħajti. Intom tafu kemm nieklu aħna l-Maltin. Forsi għal xi wħud aħna niġu ikklassifikati mal-qżieqeż. Imma illum, aktar ma nara tbatija fija u madwari, aktar ngħid b’konvinzjoni: Sewwa nagħmlu la nistgħu. Mhux qed ngħid li għandna nitħanżru imma li nieklu suriet il-bniedem, jiġifieri dik l-ikla li timlina. Tgħid dan mhux dritt uman?! Intant! …
Mela nidħlu f’dan l-imbierek restaurant. Kieku l-apparenza tiegħu aqta’ kemm kienet sabiħa! U ma nafx x’ma iddaħħallekx f’moħħok. Kemm kien hemm pulitizzi u uniformijiet! Imma ħej, bil-pulitizzi u bil-formuli mill-aktar raffinati tal-imġieba bil-ġuħ konna u mija ħa nibqgħu. F’daqqa waħda, għas-seba neqsin għaxra ta’ filgħaxija, jiġi l-kamrier. Kollu ingwanti u imlibbes galor. U x’taħsbu li tana nieklu fuq platt daqshiex ikħal? Biċċa ġobon qisha tat-tursina b’naqra krema fuqha! Jiena u sħabi bdejna inħarsu lejn xulxin u irroddu s-slaleb! Biex ma ngħidx ukoll li kienet se tagħtina ferneżija! Possibbli dik kienet l-ikla wara jum induru għall-qilla tax-xemx tiżreġ t’Awwissu f’Pariġi? Jekk dan kien sehmna mela x’għamilna? Insomma, id-delużjoni kienet kbira. U, għażiż ħija San Pietru, tieħux għalija tafx, imma l-garr li ħareġ minn fommi dik il-ġurnata kien record! Għax dan lil min tgħidu li żgħażugħ ta’ dsatax-il sena, li jiflaħ jaqleb kantuniera, tmur titimgħu biċċa ġobon seba’ ċentimetri b’erba’ ċentimetri? Iż-żejjed kollu żejjed hux! Intant! …
Wara dik l-ikla pjuttost straordinarja li kellna, ħriġna nimxu u morna lejn ix-Xmara Seine. Hemmhekk kellna tistenniena Cruise li kellna toħodna dawra max-Xmara pittoreska li qiegħdha fi ħdan Pariġi. Iż-żiffa li kienet ġejja minn fuq ix-Xmara lil tagħtni ħafna kuraġġ. Xejn xejn nessietni ftit mid-delużjoni tal-ikla ta’ filgħaxija li, illum, aktar insejħilha li kienet l-ikla tal-fqar milli tat-turisti. Imma, fil-ħajja, anki ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jkollna inħabbtu wiċċna. U huwa ta’ kuraġġ u umiltà li jagħtina l-Mulej innifsu li l-affarijiet insemmuhom b’isimhom u ngħidu eżattament xi jkun ġara. Wara kollox, kien għalhekk li l-Mulej sar bniedem għalina biex jgħallimna li meta nidħlu fil-ġrajjiet tal-art nistgħu naraw is-siwi li niffissaw ħarsitna fir-realtà tas-Saltna tas-Sema.
Matul dan il-Cruise niftakar f’postijiet mill-aktar importanti tal-Belt fosthom it-Tour Eiffel, Les Invalides, is-Sala Muniċipali, il-bini tal-Museum Orsay, u l-bqija. Inċident intessanti kien li waqt li konna għaddejjin minn taħt wieħed mill-pontijiet ta’ Pariġi, xi ħadd issotta għal fuq id-dgħajsa tagħna bajda li għaddiet tħakkek ma żaqqi! Għall-ewwel ma tajtx każ x’laqatni imma mbagħad, meta indunajt, dħakt. Kos hux! Anki din il-Mulej bagħatha tajba!
Daqshekk niftakar l-aħwa minn din il-ġurnata. Li naf hu li għall-jum ta’ wara, minkejja żaqq vojta, xorta waħda kont qed nistenna bix-xwiek l-eskursjonijiet li ħejjewlna għall-jum ta’ wara. Fil-fatt, id-destinazzjoni kienet ix-châteaux Chenonceau, Ambiose u Blois.
Naqra titwila storika lejn ix-château, (jew aħjar dar li n-nobbli kellhom b’fortifikazzjonijiet jew mingħajrhom) tkun tabilħaqq interessanti. Ħa nibdew mela mix-Château de Chenonceau. Fl-1535, is-sultan Franġisk I kien għaqqad lil dan ix-château mal-Qasam tas-Saltna bħala parti mill-ftehim tal-ħlas id-dejn. Imbagħad, is-Sultan Enriku II kien qatagħha li joffrih mhux lis-Sultana imma lill-Iffavorita tiegħu, jiġifieri lil Diane de Poitiers (1500-1566). Din kienet mara nobbli Franċiża u li kienet courtier, jiġifieri s-sieħba irjali u anki kunsulliera għas-Sultan Enriku II. Il-pożizzjoni ta’ setgħa u influwenza ta’ Diane de Poitiers fuq is-Sultan Enriku II issuktat tissaħħaħ sa ma’ miet. Barra minhekk, il-pożizzjoni tagħha kattret fuq li kattret kemm ġidha u kif ukoll l-isem tal-familja tagħha. Wieħed għalhekk jista’ jifhem l-għaliex Diane de Poitiers ingħatat minn Enriku II dritt assolut li tieħu f’idejha l-art, b’mod komplet, paċifiku u perpetwu, u li tiddisponi minnha bħala tagħha u għaliha b’patrimonju. Għalhekk, dan il-ħruġ artifiċjali ta’ Chenonceau mill-Artijiet tal-Kuruna Franċiża kien ifisser li kien salvat żewġ sekli wara, mir-Revoluzzjoni Franċiża.
Nhar l-10 ta’ Lulju 1559, is-Sultana Caterina de’ Medici, armla ta’ Enriku II, mill-ewwel keċċiet lil Diane de Poitiers u poġġiet fl-awtorità ta’ sultan lil binha, f’Chenonceau, qalb pompa u splendur Taljan. Qalb il-festi li kienet għamlet fix-Château de Chenonceau, seħħilha tmexxi s-Saltna ta’ Franza mill-istudju tagħha, dak li jissejjaħ il-Cabinet l-Aħdar. Mart binha, Louise de Lorraine, il-mara tas-Sultan Enriku III, romlot u daħlet fix-château waqt il-viżtu tagħha.
Fis-seklu 18, wara li x-château safa mixtri minn żewġha, kienet il-magħrufa Louise Dupin, il-mara tal-Illuminiżmu, li laqgħet fix-Château ta’ Chenonceau l-aqwa studjużi, filosofi u akkademiċi fi Franza ta’ dak iż-żmien, fis-salon famuż tal-letteratura tagħha. Din il-mara eċċezzjonali kienet l-ewwel waħda li kitbet Kodiċi tad-Drittijiet tan-Nisa, bl-għajnuna tas-segretarju tagħha, Jean-Jacque Rousseau, li kien qatta żmien tassew seren u ferħan fix-Château ta’ Chenonceau u li hu mfisser f’numru ta’ xogħlijiet tiegħu.
Fl-aħħar, fis-seklu 19, ix-château kien il-palk tas-suċċess għal Madame Pelouze, li l-isem proprju tagħha kien Margaret Wilson, qabel skandlu finanzjarju li kien irvinaha. Magħha kien nieżel fil-ħama ukoll ir-raba president tar-Repubblika Franċiża, Jules Grévy, wara li kien hemm każ ta’ frodi minn żewġ bintu, Daniel Wilson, li kien jiġi ħu Madame Pelouze. Kien imbagħad Henri Menier li xtara ix-château minn Crédit Foncier, fl-1913. Wara mewtu ħu Crédit, li kien jismu Gaston, u li kien deputat progressiv u imbagħad senatur, biddel Chenonceau fi sptar militari għal tul il-Gwerra l-Kbira. Hu ħallas għall-ispejjeż operativi bħalma kien għamel f’Noisiel, li kienet is-sede tal-fabbrika taċ-ċikkulata Menier, fejn kien waqqaf it-tieni sptar.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Gallerija l-Kbira f’Chenonceau saret l-uniku punt ta’ aċċess għaz-zona ħielsa. Fil-fatt, il-familja Menier seħħilha taħbi nies li kienu qed jaħarbu mit-tirannija Nażista. Il-president Amerikan, Harry Truman, kien żar ix-château fl-ewwel żjara tiegħu fi Franza. Sa minn meta kien infetaħ għall-viżitaturi fl-1913 mis-sidien tiegħu, Chenonceau għadu jospita mexxejja, nies irjali u personalitajiet distinti.
Xi storja intriganti, mimlija intriċċi, sorpriżi, waqgħat u podji ta’ suċċess hi l-istorja tax- Château de Chenonceau. Għax din mhix biss l-istorja ta’ dawn in-nies li intrabtu ma’ Chenonceau imma hi wkoll l-istorja tiegħek u tiegħi. Kos hux! Sewwa kiteb William Maxwell fin-novella tiegħu The Chateau, meta qal: Il-ħsieb uman mhux privat daqskemm jidher. U, dak li għandek bżonn biex taqra moħħ ħaddieħor hi r-rieda li taqra tiegħek.
Ħa naqra moħħi l-ewwel biex imbagħad nagħraf naqra dak ta’ ħaddieħor!
Patri Mario Attard OFM Cap