ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA «IN CENA DOMINI»
FIL-BAŻILIKA TA’ SAN GIOVANNI IN LATERANO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 19 ta’ April 1984
1. “Imbagħad jieħdu mid-demm tal-ħaruf, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh” (Es 12, 7).
L-ewwel qari tal-liturġija jiġbor fih ir-riċetta partikolariġġata tal-Ktieb tal-Esodu, li jirrigwardaw iċ-ċena paskwali tat-Testment il-Qadim.
Il-mewt tal-ħaruf baqgħet is-sinjal tal-qawwa ta’ Alla, li ħeles il-poplu tiegħu mill-iskjavitù Eġizzjana.
Ġismu – “il -ġisem mixwi fuq in-nar” (Es 12, 8) – kollha kellhom jikkunsmawh b’għaġġla, lesti biex jitilqu minnufih meta l-Mulej “kellu jgħaddi mill-pajjiż tal-Eġittu” (cf. Es 12, 12). Minn hawn: qaddejkom imħażżma, il-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f’idejkom.
Xerrdu d-demm tal-ħaruf “fuq il-ġnub u l-blata tad-djar, li fihom kellhom jikluh”.
Dan id-demm sar is-sinjal tas-salvazzjoni mill-mewt tal-ewwel wild ta’ Iżrael, meta l-mewt laqtet lill-ewwel wild kollha fl-art tal-Eġittu.
Fit-tradizzjoni tal-patt il-qadim,il-ħelsien mill-iskjavitù kien marbut b’mod stabbli mar-rit tal-ikla paskwali. Kienet l-ikla tal-ħaruf: permezz tal-mewt ta’ dan il-ħaruf ulied Iżrael kienu salvati mill-mewt.
2. “Triduum sacrum”: illum jibda it-tridu Sagru. Fuq ix-xefaq tal-patt il-ġdid deher “il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. Għall-ewwel darba dan indikah Ġwanni fil-Magħmudija fil-Ġordan (cf. Ġw 1, 29). Fl-istess ħin kien il-bidu tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret f’nofs Iżrael.
Sacro triduo. Hekk hu, iva, kien qorob iż-żmien li fih il-figura vetero testamentarja tal-ħaruf paskwali tilħaq it-twettiq tagħha f’realtà ġdida u definittiva. Din hija r-realtà li Ġwanni l-Battista kien ħabbar fil-Ġordan: il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.
Ġesù jara “li l-Missier kien tah kollox f’idejh” (Ġw 13, 3).
Ġesù jaf li “diġa x-xitan kien webbel lil Ġuda bin Xmun l-Iskarjota, biex jittradih” (Ġw 13, 2).
Ġesù “iqum minn fuq il-mejda, ineħħi l-mantar minn fuqu . . . u jibda jaħsel saqajn id-dixxipli”, bħal qaddej (cf. Ġw 13, 4.5).
B’dan is-servizz ta’ Ħamis ix-Xirka iħejji ruħu biex iwettaq is-sagrifiċċju tas-salib. Fis-sagrifiċċju tas-salib, il-misteru tal-Ħaruf ta’ Alla.
Irid iwettqu sal-aħħar: irid iwettqu bil-kontenut kollu tal-misteru tar-Redenzjoni.
Il-Ħaruf paskwali kien l-aħbar.
3. Il-misteru tar-redenzjoni mwettaq fir-realtà tal-Ħaruf ta’ Alla għandu jibqà bħala sagrament tal-Knisja: is-sagrament tal-imħabba.
Dan huwa s-sagrament marbut mar-rit taċ-ċena, l-ikla paskwali. Il-ħelsien mill-prepotenza tal-ħażin, mill-iskjavitù tad-dnub u tal-mewt, għandu jitwettaq bi prezz tal-mewt tal-Ħaruf ta’ Alla. Dan il-ħelsien fil-misteru tar-redenzjoni jingħaqad mill-ġdid fl-ikla paskwali.
Il-Mulej Ġesù jieħu l-ħobż “u wara li jiżżi ħajr”, jaqsmu u jgħid” “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11, 24).
Imbagħad jieħu l-kalċi tal-imbid u jgħid: “Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid b’demmi; (għmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi” ( (hekk skont dak li rreġistra San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin) (1 Kor 11, 25).
“Infatti kull darba li tieklu minn dan il-ħobż u tixorbu minn dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Cor 11, 26).
B’dan il-mod is-Sagrament tal-ħobż u tal-imbid ħaddan darba għal dejjem ir-realtà tal-Ħaruf ta’ Alla.
Jew, pjuttost, ir-realtà tal-Ħaruf ta’ Alla, waqt li wettqet fil-mewt ta’ Kristu r-redenzjoni tad-dinja, ħaddnct għaż-żminijiet kollha s-sagrament tal-ħobż u tal-imbid imwaqqaf waqt iċ-ċena: l-ikla tal-Għid.
4. Hekk hu mela li allura l-Knisja, minn jum għal jum, minn ġenerazzjoni għal oħra, issib dejjem mill-ġdid l-istess qawwa tar-redenzjoni fis-Sagrament taċ-ċena tal-Mulej taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid.
U waqt li tiċċelebra dan is-Santissmu Sagrament il-Knisja tistqarr dejjem mill-ġdid: “Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”.
Permezz tas-Sagrament tal-ġisem u tad-demm ta’ Kristu il-Knisja ssib ruħha b’mod kostanti fiċ-ċentru stess tal-misteru tar-Redenzjoni.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb