Ġwanni Pawli II f’Viżta Pastorali fil-parroċċa ta’ S. Marija in Portico in Campitelli

VIŻTA LILL-PARROĊĊA TA’ SANTA MARIA IN PORTICO IN CAMPITELLI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 29 ta’ April 1984

1. “Dan huwa l-jum li għamel il-Mulej: Ħa nifirħu u nithennew fih” (Sal 118, 24).

Kristu qam mill-imwiet u aħna wkoll, qomna miegħu fil-Magħmudija, aħna mistiedna biex ngħixu tali qawmien f’kull waqt tal-eżistenza tagħna. Hawn hu l-Għid tagħna: ngħixu ma’ Kristu rebbieħ tal-mewt u tad-dnub.

Nifirħu mela u niżżu ħajr għall-ħajja l-ġdida riċevuta, li s-sors tagħha infetaħ għalina mill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, kif jiddikjara San Pietru fil-qari tallum: “Alla . . . reġa wellidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’Ġesù Kristu mill-imwiet” (1 Pt 1, 3).

L-Għid huwa l-festa tal-festi, il-jum per eċċellenza ta’ Kristu Mulej; ; “Nifirħu u nithennew fih”, aħna lkoll preżenti f’din il-Knisja ta’ Santa Maria in Portico in Campitelli, kemm dawk li huma l-membri tal-parroċċa u kemm dawk li ġew jieħdu sehem f’din il-laqgħa paskwali bejn l-Isqof ta’ Ruma u parti mill-fidili tiegħu.

Fid-dawl tal-qawmien mill-imwiet u fil-ferħ kbir ta’ jum il-Mulej nixtieq nindirizza t-tislima tiegħi lill-Kardinal  vigarju u lill isqof taż-żona, Monsinjur Filippo Giannini, il-kollaboraturi fil-ministeru pastorali tad-dijoċesi Rumana u mbagħad lill-kappillan, Patri Vincenzo Molinaro, u lill-konfratelli tiegħu li b’tant żelu jiddedikaw ruħhom għall-ġid ta’ ruħkom. Il-parroċċa ta’ Santa Maria in Campitelli hija afdata għal iktar minn tliet sekli lill-Kjeriċi regolari ta’ Omm Alla, mwaqqfa minn San Ġwann Leonardi, li għandhom il-Kurja ġeneralizja tagħhom qrib il-knisja. Nixtieq mela nindirizza tislima benawguranti lil Patri Aniello Napoli, ġeneral tal-Ordni, lil l-Patri Lucio Migliaccio, prokuratur ġenerali u lill-membri kollha tal-Kunsill.

Il-ħsieb ta’ pjaċir tiegħi imur ukoll għar-reliġjużi, irġiel u nisa li, bil-preżenza operanti tagħhom, joffru xhieda edifikanti fl-isfera tat-territorji parrokkjali, tant għani bi knejjes u istituti. Huwa għażiż għalija li nilħaq imbagħad b’wegħdi ta’ kull ġid lill-familji u lil kull wieħed mill-elfejn fidil u fidila tal-parroċċa, kif ukoll lill-gruppi ndividwali ta’ animazzjoni, ta’ xhieda u ta’ assistenza nisranija li jopersw fiha. Fl-aħħarnett nindirizza ħsieb speċjali ta’ awgurju f’isem Kristu rxoxt, lill-ġenituri, liż-żgħażagħ, lit-tfal, lill-anzjani u lill-morda. Nirrepeti b’insistenza u mħabba lil kulħadd: “Dan huwa l-jum li għamel il-Mulej: nifirħu u nithennew fih”.

2. Is-sikta evanġelika tallum, meħuda mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, teħodna fil-post fejn, “fil-għaxija ta’ dak il-jum stess, l-ewwel wara s-Siibt” (Ġw 20, 18) – il jum jiġifieri tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej – kienu mġburin flimkien l-Appostli “minħabba l-biżà mil-Lhud”. Ninsabu fiċ-Ċenaklu, minn fejn Kristu kien telaq biex imur għall-mewt. F’dak l-istess post, huwa jerġà lura rxuxtat, wara r-rebħa fuq il-mewt.

Fl-imminenza tas-sagrifiċċju suprem, Ġesù antiċipa b’mod mistiku fiċ-Ċenaklu s-sagrifiċċju tas-salib, billi waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija u billi ta s-setgħa lill-Appostli li fil-futur iġeddu l-offerta divina tiegħu. Fiċ-Ċenaklu Ġesù, fl-għabex ta’ dak il-Jum “wara s-Sibt”, għamel lill-appostli xhieda tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Din ix-xhieda takkwista elokwenza partikolari fil-laqgħa ta “tmint ijiem wara”, permezz tal-istqarrija ċelebri ta’ fidi ta’ l-Appostlu Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20, 28).

Huwa mela miċ-Ċenaklu li titla dik l-għajta ta’ fidi li tibqà għall-futur kollu tal-Knisja: “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek . . .”.

3. B’xebħ ta’ dak il-post, iċ-Ċenaklu, li jiddistingwi ruħu b’valur emblematiku ta’ mudell ewlieni, jitwieldu l-postijiet il-ġodda ta’ laqgħat għall-kredenti fi Kristu, jitilgħu l-ewwel knejjes domestiċi.

Infatti, waqt l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli, smajna li “kuljum, ikoll flimkien . . . kienu jaqsmu l-ħobż id-dar” (At 2, 46).

“Id-dar”, fid-djar privati, il-membri tal-komunità primittiva kienu jiltaqgħu biex jagħmlu t-tifkira tal-ġrajja paskwali, tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, billi jaqsmu f’għaqda fraterna l-ħobż tal-festa ewkaristika. Dawk id-djar jintrabtu maċ-Ċenaklu. Fih Ġesù  kien irrenda ruħu preżenti, b’mod personali u fiżiku, kemm qabel il-passjoni, kif ukoll wara li qam mill-imwiet, waqt li għallem lill-Appotli tiegħu dwar is-sinifikat tal-Iskritturi, b’mod speċjali dwar dawk li kienu jirrigwardaw l-ġrajjiet supremi tal-ħajja ta’ Kristu u billi magħhom kien jaqsam il-ħobż ewkaristiku. L-Appostli, min-naħa tagħhom, wettqu fiċ-Ċenaklu l-esperjenza propja tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, billi kienu saru ix-xhieda li raw b’għajnejhom. Huma, fiċ-Ċenaklu, kienu rawh irxuxtat b’għajnejhom stess, kienu semgħuh, kienu kkuntemplawh u kienu messewh b’idejhom (cf. 1 Ġw 1, 1).

Fil-postijiet il-ġodda, fid-djar tat-talb tal-ewlenin insara, Ġesù huwa preżenti sagramentalment taħt l-ispeċi ewkaristiċi tal-ħobż u tal-imbid, u l-fidi tal-komunità fih, Redentur u Mulej, tkompli l-esperjenza paskwali tal-Appostli, Hekk tibda titwettaq il-beatitudni mħabbra minn Ġesù lil Tumas: “Għaliex rajtni emmint, imberkin dawk li minkejja li ma rawnix, jemmnu” (Ġw 20, 29). L-ewwel insara hekk isiru l-ħabbara u x-xhieda, bis-saħħa tal-fidi tagħhom, don tal-Ispirtu Santu u bbażatha fuq ix-xhieda tal-Appostli.

4. Fuq il-mudell taċ-Ċenaklu u tal-ewwel knejjes domestiċi, jinbnew  matul is-sekli suċċessivi fil-parroċċi rurali, il-katidrali l-kbar tal-Medjuevu u llum jinbnew għalina l-Knejjes li jesprimu fi stil modern is-sensibiltà reliġjuża tal-ġenerazzjoni preżenti. Mhumiex iktar “djar privati”, imma postijiet ġodda espliċitament delegati għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, li fihom il-komunitajiet dejjem ġodda tax-xhieda u tal-konfessuri tal-Imsallab u tal-Irxoxt jinġabru biex jiltaqgħu miegħu, biex jisimgħu l-aħbar tal-messaġġ tas-salvazzjoni u biex jirċievu d-don ta’ ġismu “offrut f’sagrifiċċju” u ta’ demmu “imxerred għall-maħfra tad-dnubiet”.

Il-parroċċa tagħkom ukoll twaqqfet għal dan il-għan, jiġifieri dak li tgħaqqad flimkien porzjon ta’ fidili fi Kristu, deċiżi biex “iħabbru t-tifħir tal-Mulej li sejħilhom mid-dlamijiet għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Pt 2, 9). Illum, il-Ħadd fl-ottava tal-Għid, fil-parroċċa tagħkom “tgħix mill-ġdid” b’mod partikolari t-tradizzjoni apostolika dwar il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Dik it-tradizzjoni kellha l-bidu tagħha fil-belt eterna bil-missjoni u x-xhieda tal-Appostli Pietru u Pawlu; testendi ruħha b’mod erojku bix-xhieda tal-martri, tibqà elokwenti u memorabbli fil-postijiet viċini tas-sagrifiċċju tagħhom; u tibqà konfermata tul is-sekli b’mod speċjali mill-qaddisin, li fosthom hemm bżonn niftakru b’mod speċjali lil Santa Francesca Romana, li għexet għal bosta snin fit-territorju ta’ din il-parroċċa, fil-monasteru ta’ Tor de’ Specchi, fejn laħqet l-qdusija bl-eżerċizzju erojku tal-virtujiet insara, billi immeritat li tkun imsejħa wkoll bħala patruna tal-belt ta’ Ruma: “Advocata urbis”.

Intom tafu li f’dawn il-jiem, il-ġisem tagħha ġie ttrasferit mill-Knisja ta’ Santa Maria Nova al Foro romano f’dak il-monasteru fejn jgħixu wliedha imxennqa li jonorawha b’sollennità speċjali f’din is-sena, li fiha jaħbat is-sitt ċentinarju ta’ twelidha. Fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin, Santa Francesca “tgħix” illum f’din il-komunità tagħkom u tilluminakom u tinkuraġġikom biex tkunu intom ukoll, kull wieħed u kull waħda minnkom, fil-familja tagħkom u fil-post tagħkom tax-xogħol, xhieda tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, billi tgħixu, b’mod speċjali kull nhar ta’ Ħadd u f’kull sollennità reliġjuża, l-esperjenza paskwali taċ-Ċenaklu. Temmen li Ġesù huwa rxuxtat tfisser fuq kollox li taċċetta l-messaġġ kollu tiegħu ta’ salvazzjoni, għaliex il-qawmien mill-mewt tiegħu huwa l-garanzija aħħarija u definittiva tad-divinità tiegħu u allura tal-ġenwinità tagħha: “Jiena l-verità” (Ġw 14, 6) – qal *infatti  Ġesù – “Jiena ġejt biex nixhed għall-verità. Kull min hu tal-verità jismà leħni” (Ġw 18, 37).

5. Waqt li nirrefei għall-parroċċa tagħkom bħala komunità nisranija ħajja – komunità animata mill-fidi unika, miġbura flimkien fit-talb u diretta biex tesprimi fl-opri l-imħabba unika – inħeġġiġkom biex tapprofondixxu dejjem ktar l-għafien tal-verità nisranija, permezz tat-tagħlim kateketiku; biex tieħdu ħsieb il-laqgħat liturġiċi, bi frekwenza kostanti għall-quddiesa mqaddsa u s-sehem għall-Ewkaristija; biex tirrendu ruħkom disponibbli b’mod ġeneruż kemm għall-bżonnijiet organizzattivi tal-parroċċa, kif ukoll għall-għajnuna komkreta tal-persuni batuti u fil-bżonn; biex tgħixu dejjem fil-grazzja ta’ Alla, kif jixraq lill-“irxuxtati” fi Kristu.

Fix-xahar ta’ Mejju li issa jinsab fuq l-għatba, iddedikat lill-Verġni Santissma, se jkollkom okkażjoni mill-aqwa biex tapprofondixxu dik l-ispirazzjoni Marjana li dejjem ikkaratterizzat il-komunità parrokkjali tagħkom. Il-knisja ta’ Santa Maria in Campitelli twaqqfet fi prospettiva kollha kemm hi Marjana: il-Papa Alessandru VII ried jibni tempju lix-xbiha meqjuma tal-Madonna li diġa għal sekli kienet meqjuma mir-Rumani bħala Port tas-sikurezza Rumana: “Romanae portus securitatis”. Taħt dan it-titolu, il-Verġni Santissma kienet spiss imsejħa mir-Rumani fil-waqtiet ta’ diżastri pubbliċi u l-Papiet irrakkomandaw il-kult ukoll bi żjarat personali irripetuti bosta drabi sal-predeċessur meqjum tiegħi Piju IX.

Għeżież fidili ta’ Santa Maria in Campitelli, onoraw b’żelu din it-tradizzjoni Marjana sekulari.

6. Dan “huwa l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih”.

Bħala Isqof ta’ Ruma, nifraħ li ninsab f’nofskom u li nieħu sehem fil-ferħ paskwali tal-parroċċa tagħkom. Nixtieq li fiha tibqà dejjem ħajja t-tradizzjoni taċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem: il-preżenza feddejja ta’ Ġesù rxuxtat, li  jġib għal dejjem f’ġismu gglorifikat is-sinjali tas-sagrifiċċju tas-salib.

Din il-preżenza tal-Irxoxt fil-mejda tal-kelma divina, fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju ewkaristiku u fis-sagramenti kollha, tkun għal ħafna is-sors ta’ ħajja imġedda fit-tajjeb, ta’ bidla profonda li tixbaħ lil dik lli ġegħlet  lil San Tumas jesprimi – issa mirbuħin d-dlamijiet tan-nuqqas ta’ twemmin – : “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Kunu intom fost dawk l-imberkin li “għalkemm ma rawx, emmnu” (Ġw 20, 29).

Minn dan il-post sagru, minn din il-knisja maħbuba ta’ Santa Maria in Portico in Campitelli, jalla togħla b’mod kostanti l-għajta li għandha s-sors u s-sies fiċ-Ċenaklu:

“Inħabbru l-mewt tiegħek, o Mulej, / inxandru l-qawmien mill-imwiet tiegħek, / nistennew il-miġja tiegħek”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading