Ġwanni Pawlu II f’Sibt il-Għid

FIL-VELJA PASKWALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sibt il-Għid  21 ta’ April 1984

1. F’din il-vġili tal-Għid tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni ejjew nistennew li jgħaddi is-Sibt flimkien ma’ Marija ta’ Magdala, Marija ta’ Ġakbu u Salome. Huma biss setgħu jmorru ħdejn il-qabar, fejn kien imqiegħed il-ġisem ta’ Ġesù u setgħu jidilku ġismu.

It-tlieta jgġixu fil-prospettiva tal-ġisem imqiegħed fil-qabar; igħixu fil-prospettiva tal-mewt ta’ Ġesù; igħixu wkoll fil-viżjoni anzjuża tal-qabar li kien ingħalaq b’ġebla tqila: “Min kien kien se jgerbilhom dik il-blata minn quddiem id-daħla tal-qabar?” (Mk 16, 3).

Marija ta’ Magdala, Marija ta’ Ġakbu u Salome nienu għadhom ma jafux li dak is-Sibt kien il-vġili tal-Għid il-ġdid. Kienu konvinti li issa kellhom warajhom il-Għid u li fuq il-post tal-kruċifissjoni kien fadal biss il-qabar bil-ġisem mejjet: il-ġisem mejjet tar-raġel maħbub.

Għalina – il-vġili paskwali, kull sena, u b’mod speċjali f’din is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni – tfisser l-istennija ta dak li ċertament se jseħħ. Se jseħħ – għaliex issa dan seħħ.

Seħħ propju f’dak il-lejl ta’ wara s-Sibt.

Seħħ, waqt li l-lejl kellu jċedi postu lill-jum.

Minn dak il-waqt il-Għid ifisser il-lejl il-kbir.

2. Marija ta’ Magdala, Marija ta’ Ġakbu u Salome jaslu ħdejn il-qabar.

U hekk hu,  f’salt wieħed, tinbidel il-prospettiva tal-mewt.

L-ewwelnett jaraw li dik il-blata li kienet tikkostitwixxi l-oġġett ewlieni tal-inkwiet u l-biżgħat tagħhom, kienet imgerrba ‘l hemm u ma kinitx tostakola d-dħul.

Imbagħad jidħlu, u ma jsibux il-ġisem ta’ Ġesù, imma fil-qabar jiltaqgħu ma’ Anġlu liebes libsa bajda.

L-anġlu, flok stenna l-mistoqsijiet tagħhom, tkellem hu l-ewwel. Hawn hu kliemu: “La tibżgħux! Naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù il-mislub, Mhuwiex hawn, irxoxta kif kien qal” (Mt 28, 5-6).

Għad-dawl ta’ dan il-kliem il-prospettiva tal-mewt tinbidel. Jekk Ġesù ta’ Nażżaret irxoxta, dan ifisser li hu ħaj. Huwa diffiċli tifhem dan, imma l-qabar huwa tassew vojt. Kważi bħala konferma, l-anġlu jżid: “Ejjew ħalli taraw il-post fejn kien imqiegħed” (Mt 28, 6). B’dan il-mod mela, l-prospettiva tal-mewt iċċedi quddiem l-aħbar tal-ħajja!

Marija ta’ Magdala, Marija ta’ Ġakbu u Salome weħedhom ma kinux se jissugraw jgħidu dan. Il-verità dwar il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù hija espressa mill-kliem tal-anġlu.

Hekk kif snin qabel, minn fomm l-anġli kienet thabbret il-verità dwar it-twelid tal-Iben ta’ Alla f’Betlem.

3. Mela nbidlet l-prospettiva: il-mewt ċediet quddiem il-ħajja. Il-jum tas-Sibt, li ġie wara l-kruċifissjoni u t-tqegħid fil-qabar, irrivela ruħu tassew il-jum tal-istennija. Il-vġili tal-Għid.

Minn issa ‘l hemm l-Għid ifisser mhux biss it-tifkira tal-esodu mid-dar tal-iskjavitù u t-tifkira tal-passaġġ mill-Baħar l-Aħmar: Il-Għid ifisser, minn issa ‘l hemm, passaġġ mill-mewt għall-ħajja.

“Pascha nostrum immolatus est Christus”.

Is-Sibt wara dak l-“immolatio” sar il-jum u l-lejl tal-eqdes stennija: f’dan il-jum u f’dan il-lejl infatti nistennew t-twettiq tal-misteru tar-redenzjoni tagħna.

Ir-redenzjoni twettqet bil- qawmien mill-imwiet tar-Redentur.

4. F’dan il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja jirradika ruħu l-ordni sagramentali l-ġdid.

L-ewwelnett is-sagrament tal-Magħmudija.

F’dan il-lejl tal-vġili tal-Għid il-Knisja xxandar “il-magħmudija fi Kristu Ġesù” (cf. Rm 6,3) u tamministra dan is-sagrament

Hekk ġara sa miż-żminijiet antiki: u hekk iseħħ illum. Bl-emozzjoni l-iktar profonda jiena f’dan il-lejl tal-vġili tal-Għid namministra s-sagrament tar-redenzjoni tagħna lilkom, għeżież Katekumeni li ġejtu hawn minn Pajjiżi u kontinenti differenti.

Intom ġejjin minn disà Pajjiżi differenti, uħud ġografikament viċini u oħrajn imbegħda, imma kollha għeżież ugwalment għal qalbi. Il-Ġappun, il-Korea, iċ-Ċekodlovakkja, il-Kenya, il-Ghana, l-Eġittu, l-Olanda, Franza u l-Italja.

Hekk hu, Nixtiequ nistqarru flimkien mal-Appostlu Pawlu: “Permewzz tal-Magħmudija mela indfinna flimkien miegħu (Kristu) fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk aħna wkoll inkunu nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6, 4).

Il-mewt iċċedi quddiem il-ħajja.

Id-dnub jitħassar bil-qawwa tar-redenzjoni  permezz tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

“. . . Jekk aħna mitna ma’ Kristu,, nemmnu wkoll li għad ngħixu miegħu” (Rm 6, 8).

Dan jirrigwarda lil kull wieħed u waħda minna li tgħammidna: f’dan il-lejl tal-vġili tal-Għid, dan fuq kollox jirreferi għalikom, maħbubin katekumeni.

Mill-ġdid nirrepeti l-kliem tal-Appostlu:

“Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla, fi Kristu Ġesù”(Rm 6, 11).

5. Ġesù Kristo qam mill-imwiet.

Ġesù Kristu “imqajjem mill-imwiet ma jmutx iktar; il-mewt m’għadhiex taħkem fuqu” (Rm 6, 9).

Ġesù Kristu, jgħix! U aħna ngħixu fi Kristu!

“O vere beata nox!. . . quae talem ac tantum meruit videre Redemptorem!”.

O lejl tassew beatu! O lejl, li darba għal dejjem irrivela l-qawwa u l-forza tal-Imsallab.

Il-qawwa u l-forza tar-redentur tad-dinja!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading