Minn Daniel Borg
Mattew 6: 1-18 li minnu jissielet il-Vanġelu għal Ras ir-Randan joffrilna linji gwida ta’ kif irridu nippreparaw biex nagħmlu l-mixja tar-Randan flimkien. Fl-aħħar ta’ Kapitlu 5, kellna s-sejħa ta’ Kristu: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mt 5:48) Is-sejħa hi li bħala komunita’ nilħqu l-perfezzjoni fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha.
Il-Linji Gwida Għal Ħajjitna
Wara d-diskors tal-Beatitudnijiet, is-sejħa biex aħna nkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja, jiġifieri sinjal għall-oħrajn, u l-mod kif għandna nipprattikaw il-ġustizzja skond il-liġi ġdida tal-imħabba li Ġesu’ jġib fid-dinja, Ġesu’ jagħtini tlett linji gwida kif dan verament nistgħu nwettquh fil-prattika:
- Il-karita’;
- t-talb; u
- s-sawm.
Permezz ta’ dawk il-linji gwida nistgħu ngħidu li l-vanġelu qed ikellimna llum fis-sitwazzjoni tagħna llum, hi sejħa li hi attwali iktar minn qatt qabel.
Nistgħu ngħidu li dan il-vanġelu hu l-vanġelu tal-motivazzjoni: X’inhu dak li verament qed jimmotivani f’dak li qed nagħmel? Filwaqt li hemm sejħa għall-dawn l-azzjonijiet hemm ukoll indikazzjoni minn għand Ġesu’ fuq kif dawn għandna nipprattikawhom, fejn Ġesu’ jsejħilna biex nipprattikawhom b’mod ġenwin, mingħajr ma ndoqqu trombi. Per eżempju fil-każ tat-talb għalkemm kienet prattika komuni li fil-ħin li suppost jitolbu l-Lhud kienu jieqfu u jitolbu fejn ikunu, Ġesu jsejħilna, biex nidħlu fil-kamra ta’ ġewwa, nagħlqu l-bieb warajna, u nitolbu lill-Missier li hu fil-moħbi (Mattew 6:6).
Filwaqt li kull darba li Ġesu jseħilna biex nipprattikaw il-karita’, t-talb u s-sawm, hu jsejħilna biex nagħmlu dan fil-moħbi, mingħajr ma nistennew l-ebda ħlas, u kull darba jgħidilna: “u Missierek, li jara dak li hu moħbi iroddlok hu” (Mt 6:4; 6; 18).
Alla jkellimna, fil-moħbi, fid-deżert
Imma hemmhekk hemm messaġġ ieħor iktar qawwi minn hekk, li Alla l-Missier ma jkellemniex fl-istorbu, imma fil-kwiet. Fil-moħbi, fil-kwiet aħna niġu wiċċ imbwiċċ mar-realta tagħna nfusna, ma’ min verament aħna, lill hinn mill-maskri, u minn dak li forsi nipprovaw nuru lill-oħrajn, imma m’aħniex. U hemmhekk Alla jkellem lil qalb tagħna, jiggwidana u jurina t-triq. U hawnhekk ġieni f’moħħi qari li hu assoċjat verament mar-Randan, meħud mill-profeta Hosegħa:
16“Għalhekk, araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem. 17Minn hemm nagħtiha lura l-għelieqi tad-dwieli li kellha, u wied Għakor ikunilha bieb għat-tama. Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha, bħal fi żmien ħruġha minn art l-Eġittu.” (Ħosegħa 2: 16-17)
Huwa nteressanti kif f’post li hu assoċjat man-nixfa, jintużaw kliem li jirreferi għall-ġid. Għax huwa fil-ħemda u fis-solitudni li Alla jkellimna, li kif jgħid il-profeta Ħosegħa Israel jerġa’ jagħraf verament is-sejħa tiegħu. Aħna wkoll, hu fil-ħemda li nerġgħu nagħrfu verament is-sejħa tagħna. Għax din il-ħemda, fejn Alla jiddjaloga magħna ma twassalniex għad-disperazzjoni.
Il-Profeta Ħosegħa jgħidilna li “wied Għakor inkunilha bieb tat-tama.” Il-wied ta’ Għakor kienet espressjoni li tfisser dak li jikkawża l-inkwiet. Għakor infatti tfisser inkwiet. Il-wied ta’ Għakor kien il-wied fejn Għakan li kien ħa affarijiet li ma hux suppost jieħu waqt il-gwerra u li minħabba fih l-Iżraelin kienu ġarrbu telfa kbira mingħand l-Amurrin, kien imbagħad inqatel fuq ordni ta’ Alla (Ġożwe: 6: 24,26). Anke Iżaija jirreferi għall-wied ta’ Għakor li minn post ta’ nkwiet ħa jsir post ta’ mistrieħ (Iżaija 65:10). U Hosegħa jerġa’ jtenni dan, dak li kien sinjal ta’ nkwiet, x’ħin aħna ninżgħu minn dak li hu falz, u niltaqgħu verament ma’ Alla, nerġgħu niksbu t-tama, għax Alla jkellimna.
U hawnhekk ġieni f’moħħi episodju ħelu mill-ġrajjiet ta’ Don Camillo u Peppone. Dawn huma żewġ karattri fittizji maħluq minn Guareschi wieħed kien sindku komunista u l-ieħor kappillan f’villaġġ żgħir. It-tnejn ħbieb kbar imma dejjem jiġġieldu ma’ xulxin, dejjem joħolqu l-inkwiet. Li kien interessanti li l-kurċifiss dejjem kien ikellem lil Don Camillo. U għalhekk il-partit biex jeħles minn Peppone laħqu senatur u bagħtu Ruma, u l-Kurja laħqet lil Don Camillo monsinjur u bagħtitu wkol Ruma. Imma f’Ruma Don Camillo ma jismax leħen il-kurċifiss. Jinqala’ l-inkwiet fil-villaġġ u Don Camillo u Peppone jissejħu lura. U hemmhekk Don Camillo jerġa’ jisma’ leħen il-kurċifiss u jgħidlu: “Mulej f’ Ruma ma kellemtnix għalkemm kont insejjaħlek.” U l-kurċifiss wieġbu: “Jien kont inkellmek imma hawnhekk inti tismagħni għax hawnhekk inti iktar qrib tiegħek innifsek.”
U fejn inkunu qrib ta’ Alla, nistgħu ukoll nidjjalogaw miegħu. U kif ħa niddjalogaw ma’ Alla?
It-talba tal-Missierna, it-talba tal-komunita’
F’din is-silta Ġesu’ jgħallimna kif għandna nitolbu. Hu nteressanti kif din it-talba mhix qiegħda fis-singular, imma fil-plural, hija t-talb tagħna lkoll, hija t-talba tal-komunita’. Dan ifisser ukoll li dawn l-azzjonijiet li Ġesu’ jurina biex inkunu salvi, ma nistgħux nagħmluhom weħidna, huwa permezz tal-komunita’ li aħna se nkunu salvi.
“Missierna, li inti fis-smewwiet,
jitqaddes ismek,
10tiġi saltnatek,
ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.
11Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.
12Aħfrilna dnubietna,
bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.
13U la ddaħħalniex fit-tiġrib,
iżda eħlisna mid-deni.”
Huwa mportanti wkoll li naraw kif f’din it-talba qed nitolbu biex tiġi s-saltna ta’ Alla. U dan hu mportanti li nifhmu. Is-saltna ta’ Alla mhix xi ħaġa astratta jew li tiġi weħidha, imma tiġi issa f’dan il-mument permezz ukoll tal-ħidma tagħna, aħna irridu nikkoperaw ma’ Alla biex naraw il-frott tas-Saltna ta’ Alla, issa llum. U kif se nġibu s-Saltna ta’ Alla llum, f’dan il-mument.
F’dan il-kuntest laqatni ħafna l-messaġġ tar-Randan ta’ Papa Franġisku li kien għamel fir-Randan tal-2017 fejn kien qal hekk:
Ir-Randan jgħix b’din id-dinamika: Kristu jimxi qabilna bl-eżodu tiegħu, u aħna naqsmu d-deżert grazzi għalih u warajh. Hu ttentat għalina, u rebaħ lit-Tentatur għalina, imma aħna wkoll irridu bħalu naffrontaw it-tentazzjonijiet u negħlbuhom. Hu jagħtina l-ilma ħaj tal-Ispirtu tiegħu, imma aħna rridu nersqu lejn l-għajn tiegħu u nixorbu, fis-Sagramenti, fit-talb, fl- adorazzjoni; hu d-dawl li jirbaħ id-dlamijiet, u aħna rridu nixegħlu l-fjamma ċkejkna li ġiet fdata lilna fil-jum tal-Magħmudija tagħna.
F’dan is-sens ir-Randan hu “sinjal sagramentali tal- konverżjoni tagħna” (Missal Ruman, Kolletta tal- Ewwel Hadd tar-Randan); min jimxi t-triq tar-Randan dejjem jinsab fit-triq tal-konverżjoni. Ir-Randan hu sinjal sagramentali tal-mixja tagħna mill-jasar għall- ħelsien, li dejjem trid tiġi mġedda. Mixja li certament hi impenjattiva, kif għandha tkun, għax l-imħabba titlob impenn, imma hi mixja mimlija tama. Anzi, ngħid iżjed minn hekk: l-eżodu tar-Randan hu l-mixja li fiha l-istess tama tiġi msawra. It-taħbit tal-qsim tad-deżert – il-provi kollha, it-tentazzjonijiet, l-illużjonijiet, it-taqriq kollu … dan kollu jiswa biex isawwar tama qawwija, soda, fuq ix- xempju ta’ dik tal-Verġni Marija, li qalb id-dlamijiet tal- passjoni u tal-mewt ta’ Binha ssoktat temmen u tittama fil-qawmien tiegħu, fir-rebħa tal-imħabba ta’ Alla.
L-Erbgħa 1 ta’ Marzu 2017