Bħal għada tletin sena ilu (3)

U wara dik ix-xarba tonic water, li kienet għoddha qatlitni bil-qrusa li kellha fiha u tellgħetli l-istonku u ħadietu ma nafx fejn, fettlilna immattru riġlejna u nidħlu f’dan il-Kattidral daqshekk sabiħ u qadim.

Kif dħalna fil-Kattidral mill-ewwel intlaqatt mill-għagħa tas-sagru li kien hemm jiddomina fih. Bħalma tafu, dan il-Kattidral hu mibni fuq gżira żgħira li jisimha Île de la Cité. Issa, din il-gżira żgħira tinsab, sewwa sew, fil-qalba tax-Xmara Seine. Il-bini tal-Kattidral inbeda fis-sena 1163, jiġifieri tul is-saltna tas-Sultan Lwiġi VII. Ix-xogħol tiegħu tlesta fl-1345. Il-Kattidral ta’ Notre Dame hu ikkonsidrat bħala wieħed mill-ġawhar l-aktar fini tal-arkitettura barokka. Fost it-teżori li wieħed isib fih insibu l-Kuruna tax-Xewk ta’ Ġesù; il-libsa li kien jilbes is-sultan San Lwiġi; tlettax-il l-opra tal-arti hekk imsejħa Mays, minn serje ta’ arti li jmorru lura għas-sekli 17 u l-ewwel biċċa tas-seklu 18; l-istatwi tal-bronż li kienu madwar in-naħa ta’ fuq tal-kampnar tal-Kattidral; it-twieqi rużuni bl-istained glass; l-orgni l-kbir; il-qniepen li jisimhom Marie, Gabriel, Anne-Geneviève, Denis, Marcel, Etienne, Benoît-Joseph, Maurice, Jean-Marie u Emmanuel (li l-Franċiżi jsibuha bħala bumblebee), li tiżen tlettax-il tunellata u hi l-ixjeħ waħda fosthom u li tqiegħdet fil-kampnar ta’ Notre Dame fis-sena 1861.

Imma anki jekk dawn l-opri kbar u sbieħ li ma ngħidlekx saħħruni għax jitkellmu waħedhom, madankollu mhux dan li qajjimli ġismi xewk xewk hekk kif kont qed indur mal-grupp Malti fil-Kattidral ta’ Notre Dame du Paris, il-Kattidral iddedikat lil Ommna Marija. Kien hemm dettall li, aktar ma għadda ż-żmien, aktar baqa’ jinżel ġewwa fija, ikellimni b’ħarstu f’għajnejja u jfejjaq il-qalb tiegħi. Qed nirreferi għax-xena mill-isbaħ u li qabbżittli d-dmugħ li, l-arloġġ ta’ l-idejn Ġermaniż li kelli dik il-ħabta fuq il-polz ta’ idi x-xellugija, fedelment kien informani li bdiet iseħħ eżattament fil-ħamsa neqsin kwart ta’ filgħaxija.

Kif għajnejja lemħuha ma setgħux jinqalgħu minn fuqha. Sewwa sew quddiem statwa ħelwa tal-Madonna b’Ġesù Bambin fuq il-kolonna, fuq in-naħa tax-xellug tal-korsija fil-ġenb, kien hemm tfajla ta’ kulur skur, grazzjuża għall-aħħar, titlob għarkupptejha quddiemha. Emmnuni li qatt ma nista’ ninsa din ix-xena daqshekk sabiħa ta’ din it-tfajla ħelwa qiegħdha titlob f’riġlejn l-imbierka fost in-nisa kollha tal-art. Mingħajr ma naf ħassejt xi ħaġa kbira f’qalbi f’dan il-mument hekk prezzjuż. U se naqsamha magħkom kif inħossha f’qalbi, mingħajr ħafna tidwir la ta’ kliem u lanqas ta’ kantunieri! Ara kemm jgħidu li fi Franza hemm it-taħwid imma qatt ma nafni inġarrab esperjenza daqshekk qawwija ta’ fidi bħal din! X’fidi kellha din il-mara! X’imħabba uriet lejn Ommna Marija! U kemm talbitha minn qalbha! Għalkemm ma nafx il-kontenut tat-talba tagħha imma l-eżempju tagħha kaxkarni u għadu jkaxkarni sallum f’ħafna u f’ħafna ħsibijiet.

L-eżempju qawwi ta’ din il-mara sempliċi imma, fl-istess ħin, straordinarja, fakkarni fi kliem li ma jmut qatt t’omelija tassew sabiħa li niseġ Papa Franġisku nhar is-Sibt 9 t’Ottubru 2016 fi Pjazza San Pietru fil-Ġublew Marjan tas-Sena tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena:

“F’dan il-jum tal-Ġublew, aħna mogħtija mudell, fil-fatt il-mudell, li lejh nistgħu inħarsu: Marija, Ommna. Wara li semgħet il-messaġġ tal-Anġlu, għolliet qalbha f’għanja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lil Alla: ‘Ruħi tfaħħar lill-Mulej …’ Ejjew nitolbu lill-Madonna biex tgħinna nagħrfu li kollox hu d-don ta’ Alla, u li nkunu nistgħu ngħidu ‘Grazzi’. Imbagħad, nassigurakom, il-ferħ tagħna jkun sħiħ. Huma biss dawk li jafu jgħidu ‘Grazzi’, li jesperjenzaw l-milja tal-ferħ.

Irid ikollok l-umiltà biex tgħid grazzi… Il-qalb ta’ Marija, aktar minn kull qalb oħra, hi qalb umli, li għandha l-ħila tilqa’ ir-rigali li l-Mulej jibgħatilha. Biex isir bniedem, il-Mulej għażel preċiżament lilha, mara żgħażugħa u sempliċi ta’ Nazaret, li ma għexitx f’palazzi ta’ poter u għana, li ma għamlitx ħwejjeġ straordinarji. Ejjew nistaqsu lilna infusna – tagħmlilna tajjeb – jekk aħna imħejjija li nilqgħu r-rigali ta’ Alla, jew nippreferu minflok li ningħalqu fina nfusna, fl-għamliet tagħna tas-sigurtà materjali, is-sigurtà intellettwali, is-sigurtà tal-pjanijiet tagħna…  

Omm Alla, flimkien ma’ Ġużeppi l-għarus tagħha, kienet taf xi tfisser tgħix ‘il bogħod mid-dar. Hi wkoll kienet għal ħafna żmien barranija fl-Eġittu, ‘il bogħod mill-qraba u l-ħbieb tagħha. Madankollu l-fidi tagħha kellha l-ħila telgħeb id-diffikultajiet. Ejjew niggranfaw ma’ din il-fidi sempliċi tal-Imqaddsa Omm Alla. Ejjew nitolbuha li aħna dejjem nerġgħu lura għand Ġesù u infissrulu l-fidi tagħna għal ħafna benefiċċji li irċevejna mill-ħniena tiegħu”.

Tgħid din il-mara baqgħet f’qalbi l-għaliex, bi mġibitha sempliċi u safja, seħħilha tgħaddili l-messaġġ li kollox hu don ta’ Alla? Li hi, fis-sempliċità tagħha, kienet taf tgħid il-kelma “grazzi” b’ħajjitha lill-Mulej għal dak kollu li kienet għaddejja minnu, jogħġobha jew le? Tgħid ħajjitha, kienet kif kienet quddiem il-Mulej, kienet ta’ tħabbira li fil-Mulej il-ferħ tagħha kien tassew sħiħ? Anki jekk kienet qed tbati? Jew forsi kellha l-iżbalji tagħha? Forsi l-qagħda umli tagħha, għarkupptejha u mingħajr ma titħarrek quddiem l-istatwa ta’ Ommna Marija, ma kinitx affermazzjoni mill-aktar ċara ta’ kemm kienet rikonoxxenti ta’ dak li l-Mulej kien tabilħaqq ipprovdhielha f’ħajjitha? Ma kinitx grazzja għaliha li f’dak il-waqt setgħet tfisser lill-Mulej ir-radd ta’ ħajr kollu tagħha mhux biss għall-grazzji li kien taha u bihom żejjen lil ħajjitha imma wkoll tal-grazzji kollha li kien qed itiha fil-mument preżenti u forsi hi ma setgħetx tagħrafhom? Biex ma nsemmux ukoll dawk il-grazzji li kienu ġejjin fuqha fil-futur?

Kien x’kien il-każ, din il-mara żgur li kienet qed tesperjenza ħafna ferħ u faraġ f’dak il-mument. Is-sabiħa kienet li aktar mal-Kattidral kien vojt minn nies aktar din il-mara ħassitha tintelaq mistrieħa mistrieħa f’dirgħajn Ommna Marija! Għax hekk jaħdem Alla tagħna: meta kollox jidher li jkun spiċċa proprju hemmhekk li kollox jibda mill-ġdid u jibda b’mod mill-aktar qawwi u kif imiss!

Jiena u naħseb fuq u nixtarr din l-esperjenza tant sabiħa, ħaġa waħda inħoss li l-Ispirtu s-Santu qed jitfagħli f’qalbi: Kemm tħobbha Marija lill-art Franċiża! Jekk wieħed joqgħod iqis biss id-dehriet li wettqet fi Franza f’imkejjen bħal Lourdes, La Salette, Rue de Bac, Saint Etienne du Laus, Le Laus (Hautes-Alpes), Pontmain f’Mayenne, biex ngħidu li semmejna xi ħaġa, ma nistgħux ma nikkonkludux li ħarset Marija Ommna hi fuq dan il-pajjiż tant għal qalbha. Għax kien proprju minn Franza li nibtet il-famuża konsagrazzjoni qawwija ta’ San Lwiġi Marija de Montford. Liema konsagrazzjoni tgħinna ngħixu b’tant qawwa u persważjoni l-fidi tagħna Nisranija f’dinja imfixkla sewwa mill-ħażen u mill-ħażin.

Mela, jekk trid li int ukoll ikollok din l-esperjenza tassew sabiħa li kellha din it-tfalja Franċiża f’Notre Dame u li tħoss l-akkumpanjament ta’ Marija f’ħajtek, nissuġġerilek tibda’ il-ġurnata b’din il-konsagrazzjoni tassew qawwija lil Ommna Marija:

Jiena …… inġedded u nsaħħaħ f’ idejk, O Ommi Mmakulata, il-wegħdiet tiegħi tal-magħmudija. Jiena niċħad għal dejjem ix-xitan, bix-xogħol kollu tiegħu, u nagħti lili nnifsi kompletament lil Ġesu’ Kristu, l-Għerf inkarnat, sabiex inġorr salibi warajh matul il-jiemkollha ta’ ħajti, u sabiex inkun leali lejH dejjem aktar.

Fil-preżenza tal-ġemgħa kollha tas-Sema, nagħżel Lilek illum bħala Ommi u Sidti. Jiena nagħti u nikkonsagra lilek, bħala qaddej umli tiegħek, lil ġismi u lil ruħi, il-ġid kollu tiegħi, sew dak interjuri u sew dak esterjuri, il-familja tiegħi, is-saċerdozzju tiegħi (jew ‘iż-żwieġ tiegħi’ – skont l-istat tal-persuna) u anke l-valur ta’ l-azzjonijiet tajba kollha tiegħi, sew dak tal-passat, tal-preżent u tal-futur. Dan nagħmlu filwaqt li nħalli f’ idejk il-jedd sħiħ u totali li tagħmel bija, u b’ dak kollu li hu tiegħi, mingħajr ebda eċċezzjoni, dak kollu li trid skont xewqtek. ‘Totus tuus’.


Dan irrid inwettqu għall-akbar glorja ta’ Alla, issa u għal dejjem fl-eternita’. Amen.

Il-Madonna dejjem il-Madonna sieħbi! …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading