VJAĠĠ APOSTOLIKU Fil-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U THAILANDIA
INAWGURAZZJONI TAL-KONFERENZA PASTORALI KOREANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
“Maria Hall”, Kulleġġ mediku kattoliku
Seoul – Il-Ħadd, 6 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti fi Kristu.
“Morru mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28, 19). Dan l-aħħar għamar ta’ Kristu rxuxtat, meta bagħat lill-Appostli sa truf l-art biex iħabbru l-bxara t-tajba, hija r-raġuni vera li għaliha ninsabu hawn illum miġbura.
Waqt li niċċelebraw bil-ferħ u l-gratitudni l-biċentinarju tal-fidi nisranija fl-art maħbuba tagħkom, intom iddeċidejtu, bil-grazzja ta’ Alla, li twasslu “dawl f’dan il-Pajjiż”. F’din il-Konferenza pastorali tridu titolbu u tfittxu flimkien f’kollaborazzjoni stretta mal-isqfijiet tagħkom u f’għaqda mal-Knisja universali tal-modi biex tagħmlu minn din id-deċiżjoni realtà ħajja.
1. Ġesù Kristu, li jafdalkom din il-missjoni, ma kienx biss l-ewwel u l-ikbar evanġelizzatur imma kien huwa nnifsu l-bxara t-tajba ta’ Alla (cf. Pauli VI, Evangelii Nuntiandi, 7). U bl-iskop li tagħrfu liema huwa l-mandat tagħkom u kif issegwuh, għandkom mela idduru lejh. Ġesù qal: “Għandi nippriedka l-bxara t-tajba tas-saltna ta’ Alla . . . għaliex għal dan kont mibgħut” (Lq 4,43). Minn dak il-waqt Ġesù beda jippriedka, billi jgħid: “Ibdlu ħajjitkom, għaliex is-saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (Mt 4, 17). Imma effettivament x’kienet din is-saltna? Skont l-istess kliem ta’ Ġesù, dan il-messaġġ ta’ tama u ta’ salvazzjoni jittraduċi ruħu fil-beatitudni:
“Ħenjin dawk li huma foqra quddiem Alla . . .
Ħenjin dawk li huma mnikkta . . .
Ħenjin dawk li mhumiex vjolenti . . .
Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx tal-ġustizzja . . .
Ħenjin dawk li jħennu għall-oħrajn . . .
Ħenjin dawk ta’qalbhom safja . . .
Ħenjin dawk li jġibu l-paċi . . .
Ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba li wettqu r-rieda ta’ Alla . . .
Ħenjin intom meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba li intom dixxipli tiegħi” (Mt 5, 3-11).
Kristu ma jippridkax biss dawn il-ħwejjeġ. B’ħajtu, b’mewtu u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, huwa hu stess l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni (cf. Mc 1, 1; Rm 1, 3). Huwa hu t-triq, il-verità, il-ħajja” (Ġw 14, 6). Minn hawn il-Konċilju Vatikan II ħa konklużjoni li tirrigwarda lilna lkoll. “Taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu l-Knisja għandha ssegwi l-istess mogħdija li segwa Kristu: il-mogħdija tal-faqar, tal-ubbidjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tagħha nfisha sal-mewt, li fuqha hu ġab rebħa bil-qawmien mill-imwiet. Għaliex hekk l-Appostli kollha mxew fit-tama” (Ad Gentes, 5).
L-ewwel insara la kellhom rikkezzi, la prestiġju, la poter u linqas knejjes. Imma bħal Ġesù stess kienu mfawra bl-Ispirtu, kienu jixhdu l-bxara t-tajba b’ħajjithom, waqt li qanqlu lill-folol għall-konverżjoni (cf. At 2, 42ss.).
2. U xi ngħidu dwar l-antenati qaddisin tagħkom? Huma wkoll emmnu b’mod qawwi u għexu l-beatitudni. Irrendew viżibbli u kredibli l-preżenza ta’ Ġesù b’ħajjithom. Din ix-xhieda ta’ ħajja biss, sostnuta minn karità kbira u minn żelu evanġeliku, tistà tispjega kif il-Knisja setgħet tikber ukoll taħt l-iktar persekuzzjoni krudila.
Illum intom tistaqsu kif tixhdu min-naħa tagħkom il-bxara t-tajba tas-saltna ta’ Alla. Huwa magħruf sewwa li l-Knisja fil-Korea illum qiegħda tiżviluppa. Iva qegħdin jagħmlu ħwejjeġ kbar. Minħabba dan irridu ngħollu qlubna lejn Alla f’ringrazzjament ferrieħ. Imma bosta nterrogattivi jinsabu quddiemkom: kif tgħix, f’komunità ekkleżjali, il-beatitudni fiċ-ċirkustanzi attwali tal-ħajja tagħkom familjari, soċjali u nazzjonali? X’tagħmel biex tikber, mhux biss numerikament, imma fil-maturità u l-profondità spiritwali bħala nsara?
Dan huwa s-suġġett tal-Konferenza episkopali. Dawn huma l-problemi li hemm fil-bażi tad-diskussjonijiet u r-riflessjonijiet tagħkom.
3. Ħenjin intom li għandkom wirt ta’ min jgħir għalih u tassew inestimabbli fl-eżempji distinti tal-antenati tagħkom, biex jispirawkom u jiggwidawkom fid-dħul tagħkom fit-tielet ċentinarju tal-istorja tagħkom ta’ nsara.
Qabel kollox, kien hemm l-irbit tal-imħabba fraterna li ma kinitx taf b’limiti: nobbli u nies komuni, għonja u foqra, ilkoll kienu flimkien, jitolbu, ibatu flimkien u jaqsmu kull ħaġa bħal aħwa waqt li tgħinu fil-kuntraljetajiet. Ebda grupp ma kellu supremazija, bħalma spiss jiġri fid-dinja. Dawk l-iktar umli u dawk l-iktar fqar kienu jħossuhom komdi perfettament fil-komunità tal-fidi. Kif għandha tkun il-Knisja Koreana sabiex dawn l-istess virtujiet ikunu l-qawwa tagħkom? Sabiex il-foqra, il-ħaddiema, l-emarġinati jkunu maħbuba u moqdija bla deskriminazzjoni personali? Sabiex l-ispirtu tal-beatitudni jegħleb lil kull forma ta’ diskriminazzjoni u ta’ egoiżmu!
Hemm imbagħad l-eżempju inegwaljabli ta’ lajkat mimli b’inizjattiva u b’żelu apostoliku. Billi ssegwu t-tradizzjoni tal-pijunieri ewlenin li b’inizjattiva tagħhom fittxew il-fidi, studjaw, talbu flimkien u xerrdu l-bxara t-tajba, tal-gruppi ta’ katekisti maskili u femminili li kienu diġa attivi madwar l-1780. Bl-istess mod għandkom ukoll illum timitaw l-eżempju ta’ xogħol inestimabbli tal-komunità Myongdo, il-“komunità” li ddawwal it-triq” matul l-għaxriet ta’ snin tal-persekuzzjoni. L-apostolat ġeneruż ta’ San Paul Chong Hasang ikunilkom ta’ stimolu! L-antenati tagħkom la talbu rikonpensi linqas rikonoxximenti, imma bi trankwillità u ġenerożità servew lill-oħrajn u xerrdu l-Vanġelu.
Jixirqilha ammirazzjoni wkoll il-fidi li għexu fl-intern tal-familja. Mill-103 martri kanonizzati llum, ħafna jappartienu lill-istess familja, huma qraba jew dixxendenti ta’ familji ta’ martri. U għaliex talbu flimkien u flimkien laħqu maturità ta’ fidi, waqt li tgħallmu jibżgħu u jħobbu lil Alla, biex jipproteġu, biex jirrispettaw u biex iħobbu lil kull esseri uman bħala bin Alla, u dan kollu fil-familja. Il-familja u l-“Knisja domestika”, fejn il-ġenituri huma “l-ewwel ħabbara tal-fidi lill-ulied” u fejn il-vokazzjonijiet jiġu nkuraġġiti (cf. Lumen Gentium, 11). U l-familja tassew nisranija hija”post fejn jitrażmetti ruħu l-Vanġelu u li minnha l-Vanġelu jixxerred” (Evangelii Nuntiandi, 71). Billi jkollhom bħala sisien t-tradizzjonijiet spiritwali u kulturali l-kbar tal-Asja, b’liema mod ieħor isiru ferm iktar Knisja tal-familji li jitolbu u eżempju għal kumplament tad-dinja?
4. L-antenati tagħkom fil-fidi għamlu sforzi meraviljużi biex jinkarnaw il-Vanġelu fil-kultura u fl-identità nazzjonali. B’lingwaġġ sempliċi, imma profond u sabiħ ħafna, talbu u kkomponew kant, talb, innijiet, katekiżmi u kotba tat-talb, hekk profondament radikati fil-kultura tagħhom u f’ruħhom biex direttament ikellmu lill-imħuh u lil-qlub tan-nies. Tali sforzi, jekk ikunu imitati u sostnuti iwasslu sikurament għall-evanġelizzazzjoni tal-kultura fl-intern tal-identita propja.
B’mod partikolari llum li l-attakk ta’ ċiviltà stranġiera assimilate ħażin, flimkien ma’ mudelli oħra ta’ ħajja u ta’ ħsieb, toħloq konfużjoni saħansitra fil-ħajja tal-Knisja, dak li intom tagħmlu, b’mod illuminat u li jħares ‘il quddiem, f’din id-direzzjoni, ikun ta’ valur enormi.
5. U, eradikati b’mod sod kif kienu fl-identità speċifika propja, l-antenati tagħkom ma qatgħu qatt ifittxu l-għaqda, l-ktar stretta biżżejjed, mal-Knisja universali fil-fidi, fl-opri u fil-ħajja. Ma ħallew xejn barra la fl-isforzi linqas fis-sagrifiċċji biex jistabilixxu u jżommu l-irbit ħaj mal-Arċisqof ta’ Peking u s-suċċessur ta’ Pietru, San Paul Chong Hasang mar disà darbiet bil-mixi Peking, u privatament, biex jara lill-Isqof! U issa, kif se tfittxu intom l-universali fil-partikular, u tgħixu l-partikular b’mod tali li jarrikkixxi l-Knisja universali?
L-antenati Koreani tagħkom sabu l-fidi permezz taċ-Ċina. Imma għalkemm baqgġu għal kollox fidili lejn l-identità tagħhom, għarfu jkunu perfettament magħqudin mal-Knisja universali. Hekk bnew eżempju ħaj tal-fatt li l-identità vera u l-kattoliċità vera, mhux talli ma jeskludux lil xulxin, imma jinħtieġu lil xulxin. U huwa sabiħ tara, għeżież fidili tal-Korea, tiftix serjament ta’ għixien ta’ dan il-wirt prezzjuż b’mod klrejattiv għallum u għal għada. Il-kbir u għaref poplu taċ-Ċina, li kien l-ewwel li rċieva minn barra l-fidi, fittex, ta’ veru poplu Ċiniż, li jgħix dik il-fidi f’komunjoni sħiħa mal-Knisja universali, għall-ferħ u l-arrikkiment ta’ kulħadd.
6. L-epoka tagħna tippreżenta bla dubju numru ta’ sfidi għal kollox ġodda b’għaġġla u profondità ta’ trasformazzjoni bla preċedenti. U issa li deħlin bla biżà fit-tielet ċentinarju tal-preżenza tal-Knisja f’Pajjiżkom, kunu ggwidati, fix-xandir tal-bxara t-tajba, minn dawn il-punti sodi: ix-xhieda tal-ħajja, ir-rikonċiljazzjoni permezz tal-konverżjoni, l-imħabba reċiproka, li huma t-temi taż-żjara pastorali tiegħi fil-Korea. Hekk twasslu “dawl lil dan il-Pajjiż”, imma fuq kollox tkunu “dawl għal dan il-Pajjiż”. Il-qaddisin martri tagħkom jakkumpanjawkom fil mixja u l-Beata Omm Marija, kewkba tal-baħar, tmexxi lilkom u lill-għeżież tagħkom lejn is-saltna ta’ Binha, Sidna Ġesù Kristu, li lilu jmorru “ tifħir u glorja issa u dejjem” (Ap 5, 13).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb